Kotba | Sette

Biex is-7 ta’ Ġunju ma jitqiesx vaganza jew festa bħall-oħrajn, Mark Vella jerġa’ joħroġ X’Kien Ġara Sew fis-Sette Giugno ta’ Paul Bartolo. Lil hinn minn qarja ġdida jew analiżi mod ieħor tal-ġrajja storika, jipprova jinftiehem sehem ix-xogħol ta’ Bartolo bħala tħejjija fundamentali għal stħarriġiet ġodda.

F’dinjijiet paralleli jew anċillari, il-Maltin jgħidu n-numri mhux biss bil-Malti u bl-Ingliż skont il-każ, imma anki la Taljana jew la Sqalli. Jew kienu, għax drawwa li jaf qed tnin malajr, u li aktar assoċjata ma’ oqsma ftit aktar tabù, bħal-logħob tal-azzard u x-xorti, nagħtu każ, il-karti u l-morra, jew inkella anki mal-ballun. Fil-każ tal-aħħar, jingħad ukoll li r-referenzi għaċ-‘ċinku’ u l-‘ottu’ ma kinux biss indikazzjoni tan-numru fuq dahar il-plejer, imma wkoll metodu biex dak li jkun ma jimmalafamax billi juża l-isem, bħal fl-eżempju simili tal-gowler, li jekk ikun qed jagħmel paprati suspettużi u mhux tas-soltu, setgħet titlissen, b’inqas konsegwenzi, li ‘illum tal-lasti m’aħniex’.

Is-Sette Giugno, li ma tistax issejjaħlu b’isem jew ilsien ieħor, donnu wkoll jidħol f’din is-sotto-dinja kważi tabù tal-istorja Maltija, u anki tat-tema diviżiva tal-jiem pubbliċi. Fejn iż-żewġ partiti, u b’estensjoni l-poplu, ma jaqblux dwar jum nazzjonali wieħed li jgħaqqad lil kulħadd, id-dibattitu aħrax spiss jibqa’ dak dwar jekk tgħoddx aktar l-Indipendenza, lid-detratturi tagħha jgħidu li kienet biss pass inadegwat qabel il-ħelsien veru, filwaqt li t-tluq tassew tal-bażi Ingliża spiss jiġi denigrat bħala sempliċi skadenza ta’ kuntratt. Jekk inħallu barra l-festi reliġjużi (imma anki l-Imnarja laħqet iċċappset), jifdilina r-Repubblika li donnu ħadd ma jqisha, l-Otto Settembre tqil b’miti fertili, u fl-aħħar, jum li niċċelebrawh b’diffikultà għaliex fl-aħħar mill-aħħar imtebba’ bid-dmija u l-imwiet.

Fejn ma naqblux, jista’ jkun dan il-waqt tal-qbil: jum li għadu studjat s’issa u li welled għadd ta’ analiżijiet interessanti għall-aħħar, u li donnu jgħix bħala fatt importanti imma rimoss fil-kuxjenza nazzjonali. Fost wieħed mill-aktar kummenti li jolqotni dwar is-Sette Giugno hemm dak ta’ Mark Camilleri li f’A Materialist Revision of Maltese History 870-1919 (SKS 2016) jiddeskrivi l-ġrajja bħala mument rivoluzzjonarju kontradittorju u kumpless, fejn il-kotra qamet kontra l-ordni assolut mingħajr ma kienet għadha kapaċi tagħżel u twettaq realtà alternattiva. Fi kliem ifqar, is-Sette Giugno mhuwiex ta’ partit jew ieħor, anki għax jidher li kulħadd ħa sehem, min għal raġuni u min għal oħra, u l-għedewwa jaf kienu bosta jew inkella xejriet differenti ta’ poter enormi wieħed.

U għalhekk jgħix id-dibattitu kontinwu dwar din il-ġrajja. Naturalment, in-narrattiva ġiet spiss miktuba mix-xellug, minkejja illi l-istorja turina li s-Sette Giugno mhuwiex dominju esklussiv tagħha, anzi pjuttost fiha element qawwi tad-dominanza ta’ figuri Nazzjonalisti. Min-naħa, l-ikkapparar Soċjalista jista’ jxejjinha l-kumplessità msemmija fuq, u t-tabù Nazzjonalista li ma tantx imiss ma’ dal-waqt storiku kapaċi jseddaq dan it-tixjin. Li d-diskussjoni tibqa’ għalhekk kumplessa, mingħajr ma tittanta tirbaħ punti partitiċi, hija għalhekk wieħed mill-aktar fatturi importnati għal din il-ġrajja li, jekk mistħarrġa kif xieraq, taf tipproponi soluzzjoni għall-impass dwar il-jiem nazzjonali u kif jikkaratterizzaw l-identità nazzjonali.

It-tieni edizzjoni mill-isbaħ ta’ X’Kien Ġara Sew fis-Sette Giugno (KKM 2019) ta’ Paul Bartolo hija pass essenzjali f’din l-analiżi. Iktar milli dibattitu storiku ieħor - bħal ma naraw fi Frendo, Fenech u Sant, fost oħrajn - dan il-volum inqisu bħala t-tisdiq tas-sorsi primarji dwar il-ġrajja li jistgħu mbagħad jidderieġu l-istudju. Minkejja li hemm xaqliba u interpretazzjoni neċessarja minn Bartolo, l-importanza ta’ dan il-ktieb qiegħda fis-sorsi kotrana, minn kull xorta ta’ rapporti sal-aħbarijiet taż-żmien, li jgħinu biex dak li jkun jidħol fid-dinja tas-Sette Giugno daqslikieku qed jgħixhom siegħa b’siegħa dawk it-tlitt ijiem kruċjali għan-nazzjon.

Analiżi bħal din għalhekk inqisha apprezzabbli għaliex Bartolo, li proprjament mhuwiex storiku, jikkontrolla l-pubblikazzjoni tiegħu billi jinsisti fuq il-ħtieġa tal-kompletezza tad-dokumentazzjoni fid-dawl tad-diversi narrattivi annwali dwar din il-ġrajja li mhux neċessarjament ikunu infurmati għal kollox. Donnu Bartolo mhuwiex interessat li jżid interpretazzjoni partikolari oħra, imma aktar li jforni l-għodod kollha possibbli għall-interpreti, b’għajn attenta lill-proċessi soċjali u psiko-soċjali: it-tensjonijiet ibaqbqu bejn saffi differenti, imma wkoll id-distanzi u l-perċezzjonijiet fil-konfront tal-ideat tal-poter.

It-titlu huwa wieħed interessanti wkoll, minħabba li l-avverbju li jikkwalifika l-‘ġrajja’ (fis-sens immedjat ta’ dak li ġara) jaf donnu jimplika li mhux kulħadd jgħidha kif suppost l-istorja. X’ġara ‘sew’, irid jgħidilna Bartolo, li x’aktarx hija anki differenti minn ‘tassew’, għalkemm hemm linja rqiqa għall-aħħar. X’timplika l-kwalifika ‘sew’: hija tingiża lejn verità li forsi qatt ma titlissen, antidotu kontra l-finzjonijiet, jew inkella l-ħtieġa li jinfirxu l-karti kollha fuq il-mejda? Bartolo stess, fid-daħla, jitkellem dwar misteri li għadhom ma ssolvewx, fosthom idejn moħbija wara l-irvell u, biex nerġgħu lura minn fejn bdejna, is-sehem taż-żewġ kefef estremi tal-politika taż-żmien, ix-xellug Dimechjan u l-lemin Mizzjan tal-Giovine Malta.

Fl-aħħar, il-prosit lill-Klabb Kotba Maltin ta’ edizzjoni prezzjuża bħal din, speċjalment minħabba l-għadd ta’ ritratti imprezzabbli f’din il-pubblikazzjoni, li donnhom imsensla b’tali mod li jservu bħala rakkont għalih, rakkont ieħor, vjaġġ fotografiku li jħallik tiċċassa lejn l-abjad u l-iswed u kważi tinfed għajnejn u ruħ il-protagonisti ta’ din il-ġrajja, mhux biss dawk magħrufa imma l-aktar lill-uċuħ anonimi tal-poplu.

Għal aktar qari dwar is-Sette Giugno, nissuġġerixxu Ir-Rivoluzzjoni Maltija ta’ Michael A. Sant (SKS 2009), u The Sette Giugno In Maltese History 1919-2019, editjat minn Henry Frendo (Midsea Books 2019)

More in Arti