Kotba | It-taħdit tat-testi

Il-kotba jkellmu lil xulxin, u l-inkompletezza mċajpra tal-memorji toħloq narrattivi ġodda. Mark Vella ma jirnexxilux jieħu pawża mill-qari waqt is-safar, u t-testi u l-memorji, u anki Malta, jibqgħu jiġru warajh anki lil hinn minn xtutna. 

Qatt ma ħsibt kemm ir-reċensjoni tista’ taħtaflek ħajtek, speċjalment waħda fil-ġimgħa, fejn tiġri wara l-qari, jew inkella jiġri warajk hu. Il-qari kważi kważi jsir xogħol, u kultant tistenna l-waqt li ssib dik il-felli ħin biex taqra dak li tassew tixtieq int. Hija, fil-fatt, l-ironija ta’ xogħlijiet bħal dawn, simili għal tal-akkademiċi, li jaħdmu bil-pjaċir u d-delizzju l-kbir tagħhom, iżda ironikament jafu jispiċċaw ikollhom jerħu l-aħjar parti tiegħu għall-qari tax-xogħlijiet li fl-aħħar mill-aħħar iġibulhom ix-xogħol. 

Għalhekk, waqt vaganza kemxejn twila u mhux tas-soltu, ħadt il-libertà li nieħu pawża għal ġimagħtejn. Naqas il-qari, imma kotru l-laqgħat miegħu xorta waħda, u hekk reġa’ ġie skopert id-delizzju, imqar tal-laqgħat ma’ ismijiet u titli li ma kontx taf bihom, u li donnhom ikunu ilhom hemm qed jistennewk. Mawra Trapani qatt ma tkun kompluta jekk ma ngħaddix sal-Libreria del Corso, il-ħanut tal-ħabiba tiegħi Teresa Stefanetti fir-triq ewlenija tal-belt Sqallija: ħanut tal-kotba bħalma kellna xi darba Malta u nixxennaq għalih bħalissa. Tafuha l-istorja: dit-tgergira jaf inleħħinha ġimgħa iva u ġimgħa le. Teresa qarrejja klubija, u taf x’qed tbigħ, u kulma trid tagħmel huwa li ssaqsiha x’hemm ġdid li jgħodd għalik, u mbagħad tibda taħbat f’xogħol ieħor li donnu jkun qed jistenniek. Dik il-kumbinazzjoni feliċi li l-Ingliż għandu kelma mill-isbaħ għaliha –serendipity– fejn donnu l-univers jallinja b’tali mod li tasal għall-pass li jmiss, li kellu jkun, mingħajr ma qatt bassartu jew ippjanajtu.  

Niltaqa’ għalhekk ma’ Andrea Camilleri, li l-editorija Taljana żżommu jferfer wara mewtu, mhux biss bix-xorti ta’ Montalbano, iżda anki kitbiet oħra bħalma hu Ezercizi di Memoria (Rizzoli 2017), issa fit-tielet edizzjoni, fejn il-kittieb ċelebri, li fl-aħħar snin ta’ ħajtu kien għama għal kollox, jiddetta l-memorji tiegħu, f’dak li hu jgħid huwa wkoll eżerċizzju tat-tifkir. Il-ktieb għandu wkoll għadd ta’ disinni minn artisti magħrufa li ġew deskritti bil-pinna u bil-klamar biex Camilleri jkun jista’ jimmaġinahom minn wara d-dlam ta’ għajnejh. U bħalma jiġri meta sens minnhom ikun intilef, l-oħrajn donnhom iqumu biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas: l-għama ta’ Camilleri mhux neċessarjament affettwa l-memorja, imma l-iddettar ‘furzat’ fin-nuqqas tal-kitba fiżika donnu serva biex it-tifkira tingħata b’mod aktar akut u preċiż. 

U allura, jien u nqalleb qabel xtrajtu, nara l-isem ta’ Borg Pisani f’wieħed mit-titli. B’xi mod jew ieħor, dan il-ktieb għandu diversi laqgħat ma’ nies magħrufa, jew inkella, jekk mhux laqgħat diretti, laqgħat bi żbrixx. Bħal meta Camilleri ma’ sħabu għamel kampanja, sew fi żmien il-Faxxiżmu sew wara l-waqgħa tiegħu, biex il-fdalijiet ta’ Pirandello jinġiebu lura skont l-aħħar xewqat tal-awtur; jew inkella kif kellu jiltaqa’ mal-mafjuż notorju Luciano Liggio, iżda baqa’ bir-riħa. Fil-każ ta’ Borg Pisani, Camilleri tifel jiltaqa’ miegħu mistieden għall-ikel id-dar ta’ familtu, taħt isem ieħor u nervuż għall-aħħar, għax fil-fatt kien se jitlaq fi ftit sigħat oħra għall-ispedizzjoni traġika tiegħu lejn Malta. Il-bqija tal-istorja tista’ tgħid jafha kif nafuha aħna 

U hawnhekk il-kotba jibdew ikellmu lil xulxin. Ftakart f’xogħol li kien laqatni ħafna ta’ Laurence Mizzi all-Ħolma ta’ Ħajtu (1983), fejn l-inizjalment storiku jittanta bi prudenza, u x’aktarx imnebbaħ mill-empatija għas-suġġett, jidħol narattivament, jew b’mod kważi rumanzesk, fil-ħajja tal-protagonista. Kotba u awturi oħra li ġew reċensiti hawnhekk ippruvawha din ukoll, bħal fil-każ ta’ Paul P. Borg, Daniel Massa b’suċċess dwar Peter Serracino Inglott, imsaħħaħ sew mill-konoxxenza personali imma wkoll mill-ħila rumanziera, u Mark Montebello dwar Mintoff fejn kien kapaċi jelabora fuq il-memorji tas-suġġett u x-xhieda kotrana dwaru. Montebello kien ippruvaha din anki fil-każ ta’ Manwel Dimech, bħalama jagħmel ukoll Francis Galea għal Juann Mamo, imma forsi dawn iż-żewġ eżempji kienu ta’ inqas suċċess, u jixhdu d-diffikultà tat-traduzzjoni tas-simpatija u l-empatija mas-suġġett studjat, fejn iseħħ tentattiv biex isem iffossilizzat mill-istorja jerġa’ jingħata ħajja tad-demm u l-laħam mill-ġdid. 

Lura għal Camilleri, Malta terġa’ tissemma, fi ġrajja oħra dwar inġinier eċċentriku f’Porto Empodocle, fejn twieled u trabba’ l-awtur. Malta fit-Tieni Gwerra, bħalama nafu, ma kinitx insinifikanti, kif jgħidulna sew il-ġeopolitika taż-żmien, sew il-miti li neċessarjament inbnew frott il-kunflitt dinji. Imma għal dik in-naħa ta’ Sqallija, Malta mhux biss kienet importanti, imma misħuta, għax hemm preċiż kien fejn kienu jgħaddu jżuru l-ajruplani tal-Alleati li jkunu telqu minn Malta. Interessanti, anki għal studju eventwali, huwa l-idea tal-kunflitt fil-kuntest Malti-Sqalli: nagħtu każ, hemm jew kien hemm sa ftit ilu qawl, simili għall-‘Malta yok’ tat-Torok fi żmien l-Assedju, f’ċertu naħat ta’ Sqallija, ‘comu truvari Malta a ’u scuru’, għal meta jkun tant dlam li ma tista’ tara xejn. Malta mitfija, kontra l-bombi tal-għadu, u r-Regia Aeronautica tbati biex isib dil-blata f’nofs ta’ baħar fejn tista’ tbattal il-bombi tagħha. L-inġinier, insomma, kien ingħalaq f’kamra fuq għolja fejn kien beda jibni sensiela ta’ tajriet li ried ikollhom imdendla magħhom 50 gramma splussiv. Daħku bih tar-raħal meta qalilhom li l-intenzjoni tiegħu kienet li jużahom biex jibbumbardja ’l Malta: b’ħamsin gramma x’se tagħmel? Imma ħsiebu kien li jibni mijiet minnhom. L-istorja mbagħad ħadet triq oħra. 

Ftit ġimgħat ilu, ittrattajna l-memorja nazzjonali skont Charles Xuereb: analiżi, fi ftit kliem, tal-fatt li l-istorja mhijiex dak li ġara u daqshekk, imma interpretabbli sew fil-passat u anki b’ħarsa ’l quddiem lejn illum u għada. Għal żminijietna, taf tidher xi ħaġa ovvja u minn ewl id-dinja, fejn tista’ tgħid kollox sar jgħaddi minn għeriebel interpretattivi differenti, mhux biss fil-każ tal-istorja u tal-arti, imma anki narrazzjonijiet aktar prozajċi bħall-aħbarijiet, fejn donnok taqta’ qalbek issir taf x’ġara tassew, x’inhi l-verità. Għax forsi verità waħda m’hemmx, wara kollox. 

Jista’ jkun ukoll l-istorja ma tintqal qatt tassew, u dak li jkun jibqa’ jiskopri l-biċċiet ’l hawn u ’l hinn li jagħmluha misteru dejjiemi, fejn dejjem tkun se tasal għas-soluzzjoni imma titgerbeb fi żrara li ġġiegħlek tħares mod ieħor. Drabi oħra, hija d-dimensjoni umana li twassal għal dan: l-istorja, meta mneżżgħa mill-fatti kronoloġiċi għerja tad-dati u tal-ġrajjiet ewlenin, hija wara kollox magħmula mill-bnedmin u mill-istinti tagħhom, u hemmhekk żgur li l-bir tal-iskoperta jkompli jitfannad. 

Il-ktieb Għall-Ħolma ta' Ħajtu ta' Lawrence Mizzi jista' jinxtara mingħand maltaonlinebookshop.com bħala ktieb rari, u l-ktieb Esercizi di memoria ta' Andrea Camilleri ssibuh mingħand Mallia & D'Amato Bookshop f'Malta. 

More in Arti