Daqqa t’għajn lejn il-Fond Malti tal-Ktieb 2022

Għal din il-ġimgħa l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jinforma lill-pubbliku dwar il-Fond Malti tal-Ktieb, opportunità li l-pubblikaturi, l-awturi, it-tradutturi u l-imsieħba fl-industrija tal-pubblikazzjoni, m’għandhomx iħalluha tgħaddi mingħajr ma jagħtuha daqqa t’għajn

Sentejn ilu l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) kien wessa’ l-Fond Malti tal-Ktieb bl-introduzzjoni ta’ fergħat ġodda b’għajnuna finanzjarja għal proġetti ta’ traduzzjoni. Dakinhar, waqt pandemija fl-aqwa tagħha, il-KNK kien irrikonoxxa li ċ-ċokon tas-suq lokali tal-pubblikazzjoni jaffettwa sewwa l-kapital disponibbli għand pubblikatur, awtur jew traduttur sabiex dawn iwettqu l-proġetti tagħhom professjonalment, speċjalment fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, il-marketing u t-traduzzjoni.

Mexxi sentejn, u l-Fond reġa’ kiber u kompla jilqa’ aktar tipi ta’ applikazzjonijiet li jindirizzaw garżelli oħra f’das-settur, kemm lokalment u anki internazzjonalment. B’valur totali ta’ €120,000, Il-Fond minn dis-sena żdidulu żewġ fergħat oħra - waħda għat-traduzzjoni ta’ silta minn ktieb bħala pitch u oħra għall-edizzjonijiet ġodda ta’ kotba mhux fl-istampa. Tal-ewwel tingħaqad maż-żewġ fergħat l-oħra biex flimkien jiffurmaw l-Għotjiet għat-Traduzzjoni, jiġifieri t-traduzzjoni ta’ kotba Maltin bil-Malti jew bl-Ingliż fi kwalunkwe lingwa oħra u t-traduzzjoni ta’ kotba barranin fil-Malti. Tat-tieni tiżdied mal-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni, li sa issa kienu jindirizzaw il-pubblikazzjoni ta’ kotba ġodda biss.

Kriterji ewlenin fl-aġġudikazzjoni tal-applikazzjonijiet jibqgħu dejjem il-kwalità tal-proġett propost u postu fis-suq immirat lejh, sija jekk qed nitkellmu fuq is-suq lokali u sija jekk għas-suq barrani. Hemm imbagħad il-kriterju tat-tip ta’ valur li proġett ikun jipprometti li jġib miegħu - valur kulturali, edukattiv u intellettwali. Il-fondi jmorru għand applikanti li fil-karti li jippreżentaw fl-applikazzjoni juru bażi b’saħħitha msejsa fuq dawn il-kriterji, fost oħrajn li wieħed jista’ jsib imniżżlin fir-regolamenti ta’ kull għotja. Huwa importanti li l-applikanti prospettivi jaqraw bir-reqqa dawn ir-regolamenti sabiex, l-ewwel u qabel kollox, isaħħu ċ-ċans tagħhom għall-fondi, u t-tieni sabiex jagħmlu l-ħajja eħfef għall-aġġudikanti. L-applikazzjoni għall-Fond Malti tal-Ktieb naraha qisha sejjer intervista għal xogħol - jekk il-preżentazzjoni tkun kif mitluba u l-ħila tkun hemm it-triq tkun imwittija.

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta ’Kotba Ġodda għandhom is-somma totali annwali ta’ €50,000, u jwieżnu applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta ’xogħlijiet oriġinali ta ’finzjoni, fosthom rumanzi, poeżija, drammi, bijografiji, letteratura mhux fittizja, u rumanzi grafiċi, kif ukoll kotba akkademiċi li jinkludu monografi, ġabriet editjati, u edizzjonijiet kritiċi. L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni

ta ’Edizzjonijiet Ġodda ta ’Kotba mhux fl-Istampa għandhom allokazzjoni ta ’€10,000 fis-sena, u qegħdin hemm biex iwieżnu l-pubblikazzjoni ta ’kotba tal-Melitensia fis-suq lokali. Dil-fergħa tal-Fond timmira li tnaqqas jew telimina d-defiċit li jeżisti bejn il-ħtieġa li l-klassiċi tal-kanonu letterarju Malti jinqraw u n-nuqqas tagħhom mill-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba f’Malta. Kull applikazzjoni fi ħdan dawn l-għotjiet tista’ tingħata fondi li jkopru l-ispejjeż kollha tal-pubblikazzjoni, sa massmimu ta’ €5,000 kull waħda.

Għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni hemm allokata s-somma totali annwali ta ’€55,000 – €40,000 għal applikazzjonijiet għat-traduzzjoni ta ’kotba Maltin f’kull ilsien ieħor bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà internazzjonali tal-kitba kreattiva u akkademika Maltija, u €15,000 għal applikazzjonijiet għal traduzzjonijiet ta ’kotba f’kull ilsien għal dak Malti, bl-għan li jitwieżnu t-tradutturi Maltin li jridu jagħtu aċċess lill-pubbliku biex jaqra bil-Malti xogħlijiet letterarji internazzjonali. Kull applikazzjoni fi ħdan dawn l-għotjiet tista ’tingħata fondi li jkopru l-ispejjeż kollha tal-pubblikazzjoni, sa massmimu ta€ ’5,000 kull waħda.

Il-fergħa tat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch qed tilqa’ fiha applikazzjonijiet li fil-forma tagħhom ikunu dik li ngħidulha pitch. Il-pitch hija meta traduttur ikun irid jiġbed l-attenzjoni ta’ pubblikatur sabiex dan jippubblikalu t-traduzzjoni tiegħu. Hija differenti minn meta għandek traduzzjoni lesta u pubblikatur interessat li jippubblikaha, għax waqt il-fażi tal-pitch għadek qed tipprova tikseb l-interess tal-pubblikatur. Għalhekk pitch għandha forma li tiddistingwiha, b’dokumenti li jirfduha u, finalment, b’silta tradotta mill-ktieb li t-traduttur jixtieq jara ppubblikat bħala traduzzjoni sħiħa. Huma dawn li l-applikant irid jippreżenta. Mela dil-fergħa timmira li twieżen lil tradutturi letterarji fl-iżvilupp tagħhom bħala promoturi tal-letteratura internazzjonali billi tgħinhom jużaw siltiet tradotti sabiex jattiraw lill-pubblikaturi.

L-applikazzjonijiet jagħlqu l-Ħamis 30 ta’ Ġunju f’nofsinhar, u l-KNK jissuġġerixxi lil kull min hu interessat sabiex ma jħallix għall-aħħar ġimgħa jew tnejn - l-applikazzjoni għall-Fond tirrikjedi diversi dokumenti oħra, materjal, rendikonti finanzjarji, kuntatti, u aktar.

Żuru l-bibbja tal-Fond Malti tal-Ktieb għall-informazzjoni li teħtieġu: https://ktieb.org.mt/mt/il-fond-malti-tal-ktieb/ inkella ċemplu l-uffiċċju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fuq 27131574, jew ibagħtu email bil-mistoqsijiet tagħkom fuq [email protected] .

More in Arti