Kotba | Taqtigħat

Mark Vella jagħti ħarsa lejn il-lista t-twila għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb: rekord ta’ 199 ktieb sottomess, varjetà ta’ titli b’konsistenza ta’ kwalità u produzzjoni, imma anki preludju għal taqtigħat kbar u eċitanti

Hemm bżonn naslu f’tarf dil-kobba mħabbla. Għaliex minkejja suq perennement fi kriżi u jħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet qodma u ġodda, il-ktieb Malti għadu ħaj u jferfer. Għall-edizzjoni l-ġdida tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, intlaħaq rekord ġdid b’199 sottomissjoni ta’ kotba ta’ kull tip u xorta, iżda sikwit ikkaratterizzati minn ismijiet stabbiliti u produzzjoni ta’ livell għoli. Ċifra li tista’ tfisser ħafna jew ma tfisser xejn, iżda li huwa żgur huwa li hemm attività pjuttost frenetika għal dan is-suq żgħir iżda varjat, imma fl-istess ħin xi ħaġa fil-mekkaniżmu ekonomiku normali jaf sejra żmerċ. Jew inkella qed neżaġeraw, u jaf qed nipproġettaw xewqat partikolari għal suq mod ieħor li fir-realtà ma jistax ikun? Mistoqsija li ma nafx inweġibha, imma li naħseb qiegħda fuq fomm bosta, u jaf għalhekk wasal ukoll iż-żmien li ssir Konferenza Nazzjonali dwar il-Ktieb u l-Industrija Editorjali, xejn xejn nagħmlu l-punt dwar il-qagħda: fejn qegħdin, lejn fejn sejrin, fejn kieku nixtiequ mmorru. 

Intant, niċċelebraw dan ir-rekord li b’xi mod juri stat ta’ saħħa, almenu apparenti. Il-199 ktieb, minbarra fil-kategorija tat-teatru, huma tista’ tgħid imxerrda ndaqs mal-kategoriji kollha, f’taħlita ta’ ismijiet stabbiliti u oħrajn ġodda jew inqas magħrufa, u jista’ wkoll jagħti l-każ li ta’ min nistħarrġu wkoll il-qagħda tal-pubbliċità għall-ktieb Malti, fejn donnu hemm diżlivell bejn id-djar editorjali, l-ismjiet u t-tipi ta’ kotba, anki jekk, għal darb’oħra, is-suq isuq u jiddetta u kull imprenditur jara kif l-aħjar imexxi l-bejgħa.  

Din hi l-lista t-twila, il-kunċett tal-longlist li ġie introdott xi snin ilu mill-Kunsill Nazzjonal tal-Ktieb, li jagħti dimensjoni aktar kompetittiva lil-premju, u li għalhekk jinstalla fażi fejn l-ewwel jiddaħħlu l-kotba, u mbagħad il-ġudikanti jaraw liema pubblikazzjonijiet ikun ħaqqhom tassew jieħdu sehem fil-finali. Sistema imperfetta u li forsi jeħtiġilha xi modifiki: il-lista t-twila f’konkorsi simili barranin tkun waħda li tkun ġa għaddiet mill-ewwel għarbiel kritiku, u din il-fażi intermedja għadha nieqsa fil-premju Malti. Bħal dejjem il-qagħda dik li hi: il-limitazzjonijiet relattivi fil-fondi, id-diffikultà li ssib ġudikanti, mhux biss tajbin, iżda li b’xi mod ma jkollhomx kunflitt ta’ interess. Min-naħa l-oħra, l-ammont kbir ta’ kotba li jkollhom jinqraw u jinflew huwa wieħed importanti, u b’xi mod jista’ anki jolqot l-għażla finali, jew inkella jillimitaha b’tali mod li mhux bilfors tkun tassew rappreżentattiva. 

Il-konkors ta’ din is-sena se jkun mimli taqtigħat sbieħ, li tista’ tgħid se jibdew ġa mill-pass minn lista għal oħra. Uħud minn dawn it-titli ġew pożittivament reċensiti fuq dawn il-paġni, b’oħrajn jistennew jew li niktbu dwarhom jew inkella li niskopruhom (u għal darb’oħra, in-nuqqas ta’ reċensuri jagħmel dan l-apprezzament komprensiv ideali, diffiċli wkoll). Għall-kategorija tar-rumanz, ngħidu aħna, li ilha stabbilita bħala l-aktar prestiġġjuża tal-konkors, hemm mhux biss il-fenomenu gradwalment jikber ta’ aktar kotba bl-Ingliż (4 minn 42), iżda almenu tliet ismijiet kbar u tliet proposti ġodda ta’ suċċess, kif ukoll awturi popolari li, għalkemm jafu ma jgħaddux għall-fażi finali, huwa wkoll parti vibranti mix-xena letterarja. Odjużi l-paraguni, u m’aħniex fin-negozju tal-imħatri, imma nistgħu nistennew kompetizzjoni li jaf tinkludi lil Camerata ta’ Aleks Farrugia, xogħol ieħor mill-prolifika Lou Drofenik, l-esperiment tal-istorja kważi vera ta’ Toni Sant, u l-proposti interessanti ta’ Daniel Schembri, Tyrone Grima u Kirsten Spiteri. 

In-novella wkoll tibqa’ ġeneru prolifiku. 14-il sottomissjoni fejn, bejn wieħed u ieħor, hemm sebgħa papabbli sew u oħrajn li jaf qed jistennew il-ġudizzju, wara li ntilfu tul it-triq, mill-qari mirqum tal-ġurati. Interessanti f’din il-kategorija hija li l-biċċa l-kbira tal-kittieba huma mkissrin fil-ġeneru, iktar milli kumbinazzjoni fejn kittieb jinzerta ħareġ ġabra ta’ novelli. Għalhekk, l-istennija hija waħda li taf anki tagħżel fost il miglior fabbro f’dan il-ġeneru produttiv. Fil-każ tal-poeżija, kważi ndaqs bħala xogħol bl-Ingliż u l-Malti, b’taqtigħa li x’aktarx se tinkludi lil Nadia Mifsud, John Portelli u Norbert Bugeja, u Ħassartek ta’ Matthew Schembri bħala outsider interessanti. 

Bħal m’għidna, il-katoegorija tat-teatru hija waħda li dejjem tbati. Dis-sena, l-għażla hija bejn Vincent Vella (bl-Ingliż) u Alfred Buttigieg (bil-Malti), f’ambitu fejn il-produzzjonijiet teatrali oriġinali forsi jittellgħu b’diffikultà, jew inkella huma ddominati minn operaturi partikolari fi ħdan qagħdiet li jtendu wisq lejn l-appalt u n-negozju (kemm niftakru fil-kontroversja wara Ix-Xiħa u Mario Philip Azzopardi): u dan apparti mill-fatt li l-pubblikazzjoni tagħhom fi ktieb hija assolutament għażla ekonomikament ġa telliefa. Il-kategorija tat-traduzzjoni tibqa’ ħajja u tbaqbaq bi 12-il sottomissjoni ta’ kull xorta mid-Divina Commedia u dramm ieħor ta’ Shakespeare tal-magna ma tieqaf qatt li huwa Alfred Palma, sat-traduzzjoni ta’ Antoinette Grima ta’ xogħol ta’ Andrea Camilleri, mingħajr ma ninsew il-valur ta’ kull pubblikazzjoni sottomessa. Din kategorija importanti u li għad tkompli tikber, speċjalment bl-impetu mogħti f’dawn l-aħħar snin minn aktar fondi mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għat-traduzzjonijiet lejn il-Malti kif ukoll għal aktar esportazzjoni tax-xogħol Malti. 

M’iniex se nsemmi x-xogħol għat-tfal li jieħu sehem fil-Premju Terramaxka, sew għaliex mifrux sew u jitkellem għalih, l-aktar fix-xogħol bla heda tal-pubblikaturi lejn kontenut dejjem aktar oriġinali u ktieb aħjar mill-ieħor. Imma ta’ min insemmu dawk li jafu jkunu verament il-battalji l-kbar, għaliex imorru lil hinn mill-valur letterarju. Il-kategoriji li tradizzjonalment jinkludu l-Melitensia, tar-Riċerka Ġenerali u tar-Riċerka Bijografika u Storjografika, fihom fiex togħxa, sew għall-ġurat sew għall-qarrej: xogħlijiet ta’ kull xorta bi produzzjoni impekkabbli. Biex insemmu xi eżempji, it-tkomplija tas-sensiela dwar l-arti mill-Horizons bix-xogħol ta’ Giuseppe Schembri Bonaci (ġa rebbieħ is-sena li għaddiet), ix-xogħol li mdorrijin nistennewh u napprezzawh ta’ pubblikatur storiku bħall-Midsea Books, u offerti interessanti bħall-ħidma innovattiva f’dan il-qasam tad-dar tal-kotba Kite u l-offerta ta’ dis-sena tal-SKS bil-volum dwar l-istorja bir-ritratti tal-Parti Laburista miġbura minn Ray Mangion. L-SKS ukoll joffru l-bomba tal-bijografija ta’ Mintoff ta’ Mark Montebello (minkejja li mbagħad ma tħallewx ibigħuha miċ-ĊNL!), u ta’ min jissemmew għal darba’oħra xogħlijiet maħruġa mill-Kite (ktieb dwar Churchill u Malta u ta’ Victor Aquilina, u pubblikazzjoni interessanti ta’ Michael Refalo dwar il-Maltin tal-Eġittu), kif ukoll ħarġa oħra mis-sensiela Horizons Bejn Storja u Miti, editjata minn Sergio Grech, did-darba dwar Giovanni Bonello. 

Imma issa, li kieku kellna tassew nagħmlu l-imħatri, minn se jirbaħ fil-battalja, ideoloġika forsi aktar minn letterarja u bibljografika, bejn l-istunt suċċess tas-sena ta’ Mark Camilleri b’ A Rent-Seeker’s Paradise — bid-dissident u l-awtoeżiljat Laburist jaqla’ kollox minn fuq l-istonku u jikxef l-għawar tal-poter f’dagħdigħa li ma taħfer lil ħadd — jew inkella ktieb ieħor, minn dawk li għadhom rekbin fuq il-mewġa ġurnalistika mnebbħa mill-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, dis-sena permezz ta’ Manuel Delia u Alessandra Dee Crespo. Imma tinsewx iż-żiemel l-ieħor, li għandu mnejn jiżgiċċa minn wara, bit-tieni volum tal-qrariet ta’ Alfred Sant. 

Nistgħu nħarsu lura lejn sena mill-aktar għammiela, filwaqt li nistennew ħerqana l-eżitu ta’ dawn it-taqtigħat. Kull ma jonqosna premjazzjoni stil Oscars (mingħajr il-ponnijiet, minkejja kull taqtigħa), u forsi anki l-interess tal-industrija tal-imħatri (żurżieqa etika mill-kbar, ngħiduha dejjem), u jaf nibdew nirbħu wkoll it-taqtigħat ekonomiċi. Hu x’inhu, lista twila immens li tħajrek mhux biss issegwi r-riżultati fix-xhur li ġejjin, imma anki li żżur il-ħwienet jew is-siti online, tifli, tagħżel, u fl-aħħar...taqra!

More in Arti