Kotba | Fliexken ġodda, essenzi antiki

Sempreviva ta’ Trevor Żahra mhux biss ipaxxik tarah f’idejk, imma jibqa’ jitnikker fik anki meta tagħlqu wara l-qari ta’ rakkont wara l-ieħor. Mark Vella jirrifletti dwar il-fjuri tal-letteratura Maltija li, kontra kollox u kulħadd, jibqgħu ħajjin.

X’tista’ tgħid li ma ntqalx diġà dwar Trevor Żahra? Jew inkella kemm għad fadal x’jingħad dwaru: kittieb ta’popolarità indiskussa, li mess sensiela ta’ ġenerazzjonijiet tul karriera li l-ewwel ħarġitu bħala kittieb immaġinattiv għat-tfal iżda li kien kapaċi joħroġ xogħol prolifiku, kostanti u konsistenti għall-kbar. Rari wkoll, u forsi anki ineżistenti, il-mumenti fejn jiġik li tgħid li ma jolqotx il-likk, jew li ktieb huwa dgħajjef aktar minn ieħor. Jista’ jkun, fil-fatt, li s-saħħa tal-awtur, lil hinn mit-talent enormi u produttiv, huwa anki li kulma joħroġ huwa okkażjoni editorjali fiha nnifisha, bħallikieku fi ġlieda miegħu nnifsu biex dejjem joħroġ b’xi ħaġa ġdida u mhux mistennija. 

Żahra essenzjalment dejjem jikteb bl-istess mod, imma qatt ma tixba’ minnu. Hija karatteristika partikolari, kurjuża u unika, fejn donnu l-awtur jagħżel li jibqa’ juża l-istess għodda – immaġina, fejn naf jien, mastrudaxxa li jibqa’ juża s-snin l-istess sega u kulma jagħmel isinnha dejjem bir-reqqa – u l-istess materjali, u jibqa’ joħloq ġmiel wara l-ieħor. Il-materjali, imbagħad, huma dawk li tipprovdi l-ħajja, li huma infiniti mad-dieher, għax joffru varjetà ta’ sitwazzjonijiet, imma meta tagħsarhom, iddur iddur, dejjem tasal għal ftit elementi essenzjali u universali li se jmiss magħhom kulħadd. U Żahra, b’maġija li drabi diffiċli biex tifhem kif jibqa’ konsistentement iwettaqha, kapaċi jerġa’ lura għal dawn il-waqtiet essenzjali tal-eżistenza dejjem bi lbiesi ġodda, bħallikieku l-essenzi l-antiki jingħatawlna fi fliexken ġodda. It-tnejn li huma, madankollu, bil-mod kif jiżżewġu flimkien mill-awtur, iħallulna artefatt uniku, ġdid fjamant fit-tagħqida msaħħara tagħhom.

Wara l-kantun ta’ 365 (Merlin, 2018), ġabra isimha magħha ta’ novelli u kitbiet oħra għal kull jum tas-sena, sentejn wara joħroġ Sempreviva (Merlin, 2020), imsemmi għall-fjura perenni li ma twaqqax il-weraq tagħha fix-xitwa u li hi magħrufa għar-reżistenza tagħha, speċjalment għall-qilla tax-xitwa. Mhux biss, imma huma kollha novelli mnebbħin mill-fjuri, bir-rakkonti kollha jsenslu katalgu botaniku-simboliku. Donnha x-xbiha milquta biex tiddeskrivi l-ħiliet immaġinattivi ta’ Żahra, il-bir bla qiegħ tat-talenti tiegħu, imma wkoll tal-possibiltajiet kollha tal-ħajja. Ma nafx nistgħux nibqgħu nsejħulu realiżmu maġiku s-stil ta’ Żahra, li xorta waħda juri żvilupp mill-aħħar tad-disgħinijiet ’il hawn, imma xorta waħda jibqa’ jħaddan fih seħer misterjuż.

Il-qoxra u l-proġett editorjali ta’ Pierre Portelli u l-Merlin jagħtu mbagħad l-aħħar laqta lil dan il-ġmiel ta’ ktieb. B’qoxra iebsa mlibbsa għata mlewna, u bil-paġni mqassmin f’sitt kuluri, donnu l-qawsalla tal-emozzjonijiet tal-bniedem, li mbagħad iduru jduru sakemm jisfumaw f’abjad jiddi, bħal fir-rota tal-ilwien ta’ Newton li kixfet l-ispettru viżibbli tad-dawl. Imma wara l-analiżi ta’ kull ma jidher, jibqa’ fil-qarrej is-sentiment li ma jistax jiġi spjegat kif ġieb u laħaq, x’aktarx l-għan ta’ kull kittieb, fejn titħalla titnikker xi ħaġa fik wara li tagħlaq il-ktieb u r-rota tal-ilwien tieqaf iddur.

Il-fjuri huma wkoll simboli għal qalb Żahra, u għajn ta’ simboliżmu u metafori, bħal fin-novella ċelebri Fjuri bbalzmati, biex insemmu biss waħda minn bosta , li daż-żmien tinqara mill-istudenti tal-Malti tal-livell avvanzat. F’din l-aħħar ġabra, madankollu, ħassejt inqas mill-għabex u d-dlamijiet sottili li kienu ilhom iduru f’xogħol Żahra, mistura tant tajjeb taħt il-ħeffa apparenti u forsi anki lingwistikament ċajtiera tal-awtur. Il-qari ta’ Sempreviva jista’ jixxebbah mal-attakk tal-irwejjaħ li kieku tkun magħluq ġa serra miżgħuda fjuri ta’ kull xorta: riħa li tegħlbek u tgħaxxik, imma li timmeraviljak u tħallmek. Il-fjuri f’din il-ġabra, għalhekk, donnhom jieħdu l-ħajja f’idejn ġardinar għaqli, u jarmuha wkoll, fil-vitalità possibbli kollha tagħha.

Tibqa’ dejjem ħaġa inkredibbli wkoll kif Żahra kapaċi jipproduċi tant u tajjeb, u kif jista’ jagħġen l-immaġinazzjoni tiegħu anki għall-isfida apparentement monotematika ta’ Sempreviva. Il-logħba hija waħda fejn donnu l-awtur jirnexxilu jaġġorna lingwaġġ antik għall-qarrejja u ż-żminijiet tal-lum, mingħajr madankollu ma jissagrifika l-identità essenzjali tiegħu, tant li kapaċi jreġġagħha lura f’mumenti li l-epoki u l-modi ma jagħmlux bihom. Ta’ min jgħid ukoll li Żahra ħaqqu ħafna aktar studju milli s’issa kellu, l-aktar mil-lat tal-kritika letterarja u tal-analiżi teknika: u jista’ jkun li dil-ħeffa li biha jagħġen biċċa wara l-oħra hija l-isfida li jista’ jkollu kull min jittanta jistħarreġ il-mekkaniżmu ta’ dan l-arloġġ letterarju li donnu qatt ma jaqa’ sekonda lura.

U fl-aħħar: il-fjuri. Sikwit assoċjati mal-femminilità u mad-delikatezza, saħansitra jaf anki ma’ xi forma ta’ dgħjufija. Imma n-natura, lil hinn mill-assoċjazzjoni Romantika, dejjem kellha x-xorti fil-letteratura: biżżejjed insemmu lil Ġorġ Zammit u lil Anton Buttigieg, sa kull xewka u ħurrieqa li qatt ktibna fuqha jew il-fjuri taparsi/li ma jikbrux ta’ Friggieri. Fuq Buttigieg, imbagħad, dejjem niftakar kumment ta’ Daphne Caruana Galizia (li għadu jinstab midfun fil-kummenti taħt bloggata tal-2009), fejn jaħasra l-għamad politiku, imma jaf aktar il-preġudizzju klassista, wassalha biex taqbad ma’ Buttigieg bħala l-eżempju tal-medjokrità Maltija għax fi żmienha l-iskola kellha taqra ‘Il-Kaboċċa’ (teżisti tassew din?), wara li tkun tpaxxiet bl-‘Ode to a Grecian Urn’ ta’ Keats.

Qatt ma kelli ċ-ċans, jew forsi l-istonku, inwieġeb, hemm jew xi mkien ieħor: u allura Neruda li jkellem lil-larinġa, se ntuh bis-sieq ukoll? Sikwit, hija l-ħlewwa li tirbaħ kontra l-pożi tas-saħħa, u fid-delikatezza u d-dgħjufija apparenti, hemm qawwa li għad irridu niskopruha sakemm isaħħarna. Żahra b’Sempreviva jirnexxilu jagħmel dan, b’ġieħ għalih imma anki għall-istorja mżewqa tal-aħjar mumenti tal-letteratura Maltija. Jistgħu jibqgħu ivenvnu l-balal mill-kanuni, imma għal min tassew jaf, nistgħu nkomplu, minkejja kollox, insodduhom bil-fjuri.

More in Arti