Kotba | Passaport taċ-ċomb

Wara karriera ta’ novellier akut u attent, l-ewwel rumanz ta’ Immanuel Mifsud wera bidla fir-rotta narrattiva tiegħu u ssarraf f’suċċess lil hinn mill-Malta. Fi żmien ta’ passaporti mdiehba li jqanqlu s-suspetti u li jtuna isem dubjuż, Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) jerġa’ joħroġ 12-il sena wara l-ewwel edizzjoni, u jaf iservi bħal passaport mod ieħor biex nuru lilna nfusna b’wiċċa minn quddiem mal-barranin. Mark Vella jerġa’ jinvista dan ir-rakkont u ċ-ċirkostanzi varji li jqanqal

Il-Klabb Kotba Maltin għadu kemm ħareġ mill-ġdid is-suċċess ta’ Immanuel Mifsud Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben). Edizzjoni sobrija daqs l-oħra, b’qoxra ġdida u daħla qasira tal-awtur li tirrifletti umilment fuq kif dal-ktieb aktar minn oħrajn laqat tant qarrejja b’mod profond, partikolarment għad-diskussjoni rari dwar il-paternità u l-maskulinità li tikkaratterizza dan ir-rumanz. Xogħol seminali li issa jagħlaq 12-il sena mill-ewwel pubblikazzjoni, 11-il sena mir-rebħ tal-Premju tal-Unjoni Ewropea tal-Letteratura u ftit snin wara li ħarġet l-10 għaxar traduzzjoni (l-aħħar waħda bil-Grieg).

Ktieb li mexa, mhux bilfors fis-sens kummerċjali, imma li rabba s-saqajn u dar almenu l-Ewropa, bis-saħħa tal-opportunitajiet u l-investimenti fit-traduzzjoni, anki mmexxija mill-interess ġdid tal-intrapriża editorjali lokali. X’aktarx ukoll, l-akbar scoop għal pubblikazzjoni Maltija l-fatt li nħareġ Franza mill-Gallimard (tradott minn Nadia Mifsud), fejn it-tip ta’ ktieb li huwa Fl-Isem... tarah jidħol kexxun fit-titli ta’ din id-dar prestiġġjuża. Għal min iħobb jaqra u jżur il-ħwienet tal-kotba, speċjalment waqt safra, timmaġinah dal-ktieb jolqot l-għajn kurjuża tax-xerrej potenzjali, imqiegħed fi xkafef jew ringieli ma’ awturi oħra ‘mhux magħrufin’ li b’xi mod xorta jiġbduk bis-seher ta’ isimhom stramb, l-istennija mqajma min-nazzjonalità u l-kulturi tagħhom, u bil-wegħda finali ta’ titlu li jibqa’ jdoqq f’widnejk sakemm tegħlbek il-kurżità u titħajjar tixtrih, tippruvah, taqrah.

Dawn il-ftit folji, kif isejħilhom Mifsud stess fid-daħla, kważi kważi jisfidaw id-definizzjoni ġenerika. Hemm min isejjaħlu rumanz għall-faċilità tal-klassifikazzjoni, imma mhux rumanzett li jfakkar fi ħwejjeġ ta’ inqas valur. Il-Franċiżi fil-fatt sejħulu récit, sempliċi rakkont, mingħajr ebda fruntiera oħra li ssakkarlu l-identità, u hija tismija xierqa għal ktieb li fih l-awtur iferra’ qalbu b’awtentiċità li ma tirrikjedix wisq strateġemmi tekniċi oħra. Ma jfissirx li dan mhuwiex xogħol maħdum sew: Mifsud ukoll jirrikonoxxi li ktieb bħal dan x’aktarx (kien) għadu ma ħariġx Malta, u b’implikazzjoni nintebħu li qed iħares lil hinn minn xtutna. Fil-fatt, lejn stil ġdid, ta’ finzjoni storika, jew inkella ta’ ġbid mill-bijografija u mill-ħajja vera u mgħejxa tassew sabiex tiġi interpretata skont it-tħaddim tal-għodda fittizji. Minn Knausgaard sa Carrère, filwaqt li ngħaddu mid-devjazzjonijiet strambi ta’ Houellebecq (fost bosta oħrajn) il-letteratura Ewropea dan l-aħħar, anki influwenzata min-narrazzjonijet ġodda li jseħħu lil hinn mill-kotba, donnha qabdet din bħala waħda mit-triqat ewlenin tagħha. Il-konsegwenza hi l-awtur ma jibqax dak li kapaċi jivvinta storja minn żniedu, imma jkollu b’xi mod jitgħarwen u juża l-istorja tiegħu stess.

Ir-rumanz ta’ Mifsud jiftaħ bis-sejba aċċidentali ta’ djarju tal-gwerra ta’ missieru, li bħallikieku jiftaħ bwieb is-sema mhux biss għar-riflessjoni dwar il-kumplessitajiet tal-paternità u r-relazzjonijiet ta’ dominanza u sudditanza li ġġib magħha, imma wkoll kwistjonijiet oħrajn li sikwit kienu nieqsa mill-immaġinarju letterarju Malti. Min-naħa, hija ġa novità analiżi tal-figura tal-missier u l-iben, speċjalment fid-dell tax-xbiha Dunkarmjana tal-omm kif imbagħad estiża għall-mit nazzjonali. Bl-istess mod, Mifsud jagħmel dan il-pass mill-personali għas-soċjali, għaliex il-figura tal-missier suldat Anglofilu tqajjem mistoqsijiet moħbija dwar il-kolonjaliżmu u l-paternaliżmu politiku, kif ukoll dwar x’setgħet kienet ir-ruħ Maltija waqt it-tieni kunflitt dinji u għala ftit li xejn jiġi rreġistrat dan il-perjodu mill-kittieb Malti.

Hija ħarsa postmoderna u anki postkolonjali, fejn il-Mifsudijiet – il-missier, l-iben, u anki lejn l-aħħar, il-werriet ta’ dawn it-tnejn – isiru simboli storiċi tal-iżvilupp tar-raġel Malti ironikament maqbud f’soċjetà maskilista, spiss maċista, li hija intimament marbuta mal-eżerċizzju tal-poter. Il-poter li ġej mis-sesswalità li tiddetermina l-patrijarkat, mill-amar biex it-tifel ma jibkix għax fih daqs hawn u missu jaqleb kull m’hemm, sar-ribelljoni tal-iben kontra l-missier. Bħal kull ċiklu tal-ħajja, induru dawra sħiħa u nerġgħu lura fejn konna: jew lejn il-bidu u l-għeruq, jew forsi, kif ngħidu, niġu koppi, immaħħu mill-ġdid dwar il-problema oriġinali. Iben il-missier isir missier huwa stess u jerġa’ jibda jinnegozja l-paternità u l-maskulinità ma’ ibnu, f’dinamika ġenerazzjonali x’aktarx eterna.

L-ewwel darba li ħareġ Fl-Isem tal-Missier..., kont irċevejtu bħala fajl għal għajnejja biss, ftit qabel il-pubblikazzjoni. Kont ktibt dwaru u semmejt li qrajtu kollu mpeċpec minn fuq il-mowbajl, tant ħatafni mill-ewwel. U x’aktarx dan huwa l-effett li baqa’ jkollu dan il-ktieb, speċjalment fuq qarrejja sajmin jew li mhux bilfors midħla tal-ktieb Malti. Jissodisfak bil-mod paradossali ta’ kif suġġett tant tqil (kif anki wieħed jara mill-mumenti li jersqu lejn l-akkademiku) jitwassal b’mod daqshekk aċċessibbli. Aċċessibbli mhux fis-sens ta’ sempliċità banalizzata, iżda fil-mod sinċier kif l-awtur jiftaħ qalbu u jferra’ ruħu, iżda anki kif il-ġrajjiet privati tagħna jistgħu jkunu tant tqal bit-tifsir. 

Fl-aħħarnett, huwa ktieb li tassew juri aspetti tar-ruħ Maltija u tal-preokkupazzjonijiet kontemporanji b’mod universali li jiġġustifikaw il-potenzjal u l-popolarità li rriżultaw barra minn Malta. Mhux għal skop ta’ riklam, imma dal-ktieb jaf ikun rigal għal sħabna barranin, souvenir ta’ kwalità li jegħleb il-kitsch tal-miti turistiċi, u passaport li ma jħammrulniex wiċċna. Dokument dgħumi taċ-ċomb li ma jwigħedx rikkezzi materjali u privileġġi suspetti, iżda kontribut ċkejken tagħna f’tagħna li xorta kapaċi jidwi mal-irjieħ lil hinn minn xtutna.

More in Arti