Kotba | Hekk tħabbat il-qalb Maltija

Mark Vella dam iteftef f’din il-kitba biex jipprova jispjega l-entużjażmu li ħass għall-aħħar xogħol ta’ Nadia Mifsud. Żifna f’Xifer Irdum huwa ktieb li jqanqal l-emozzjonijiet bis-serjetà, u li jistabbilixxi bid-dritt leħen il-mara fix-xena kontemporanja Maltija

Ritratt ta' Emma Mutschler
Ritratt ta' Emma Mutschler

It-titlu misluf mit-triloġija ta’ Friggieri, għalkemm jippresta ruħu għal-logħob tal-kliem, huwa aktar tislima, u forsi anki markatur kronoloġiku, għal kif inbidlet il-letteratura Maltija u l-istorja tagħha li qed ngħixuha bħalissa. L-aħħar tliet rumanzi ta’ Friggieri kienu monument letterarju għal Malta li għaddiet u qajla terġa’ tiġi: ir-ritratt li kien ġa ħa Temi Zammit għal dil-Malta li bilġri kienet qed tgħib, u li Friggieri jiġbed minnha mhux biss l-aħħar xbihat, imma bħallikieku definizzjoni mitika tal-essenzjal tar-ruħ Maltija. Bl-istess mod, il-kittieba kontemporanji, mid-disgħinijiet ’l hawn, qed jagħmlu l-istess ħaġa, forsi b’aktar rapidità. Biex nibqgħu fit-tema tat-tridi, nistgħu ngħaddu minn Immanuel Mifsud għal Pierre Mejlak biex illum naslu għal Nadia Mifsud u l-aħħar xogħol tagħha, Żifna f’Xifer Irdum (Merlin, 2022), li għalissa donnu l-aħħar waqfa, l-għeluq li jorbot ċoff il-mixja tal-kittieb ġdid Malti u d-definizzjoni ta’ din ir-ruħ nazzjonali li nbidlet sew minn dak li baqa’ jixxennaq għalih Friggieri sa ftit snin ilu. 

In-novelli f’din il-ġabra ta’ Mifsud ma jitkellmu dwar ebda rdum, almenu milli rajt, u jidher li dan it-titlu kien għażla li b’xi mod trid timplika xi ħaġa mistura, forsi profonda, dwar il-burdata ta’ stejjer li ilhom jinħmew. Xi wħud minnhom kienu ġa dehru fuq Leħen il-Malti bejn l-2014 u l-2019, u Mifsud stess tgħid fir-ringrazzjamenti li l-pubblikatur stess tmien snin qabel kien qagħad lura milli jippubblika l-ewwel abbozzi tagħhom, donnu ħass li kien baqgħalhom x’jinħmew. Kienet vallapena din l-istennija: il-qawwa narrattiva ta’ Nadia Mifsud terġa’ tagħtina sorpriża li kapaċi taqtagħlek nifsek, u li ġa konna ħadna togħma tagħha fl-ewwel rumanz wara karriera assoċjata mal-poeżija. U l-qtugħ ta’ nifs jiġi l-aktar mill-mod kif il-kittieba jirnexxilha tant toqrob lejn il-qarrejja u ħajjithom, b’tali mod li ż-żewġ kategoriji donnhom jinħallu f’xulxin. Il-kittieba tkellmek jew titkellem dwarek, b’dettall u lenti analitika li jiskomodawk, u fl-istess ħin tħoss li stajt ktibtha int din l-istorja kieku kellek il-ħila, jew li forsi nemmsitlek minn xi mkien u serqitlek ġrajja minn ħajtek li tassew seħħet. Jew inkella, bil-maqlub, il-kittieba rnexxielha taqbad kundizzjoni li hija universali u ta’ kulħadd daqs kemm hija unika għalik u tiegħek biss. 

Jew jaf l-irdum li kellha f’moħħha Mifsud huwa dak ta’ ħajja u anki dimensjoni soċjali li ntilfulha ċ-ċertezzi, u l-pass li jmiss jaf mhuwiex lejn dagħbien mudlam u bla qiegħ, imma forsi qabża lejn vojt li niqbgħu inċerti dwar fejn twassalna, bħall-karozza ttir lejn il-baħħ fi tmiem Thelma and Louise. Mifsud hija mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ kittieba, li d-definizzjoni tagħhom, anki kif semmejt m’ilux, titbandal bejn dawk li skont Sant kellhom jesperjenzaw tassew is-‘soċjetà miftuħa’ u t-tismija aktar reċenti persistenti tal-‘kittieba kożompoliti’. Għax sew għal Mifsud, kif ukoll għal awturi oħra tal-istess ġgajta, hemm ħwejjeġ li jakkomunawhom li huma naturali, u issa dejjem aktar essenzjali, iktar milli konna naħsbu. Fosthom is-safar u l-għajxien barra minn Malta, u għadd minn dawn in-novelli jseħħu f’Pariġi, dar Mifsud. Jistgħu seħħew fi kwalunkwe belt oħra madwar id-dinja, però: Pariġi pretest, jew inkella verament kumbinazzjoni, iżda l-funzjoni tagħha sikwit hija li fiha tilqa’ protagonisti barranin u stranġiera, li jinftiehmu mhux biss bħala l-individwi li huma, imma, fuq kollox, il-Maltin iffaċjati minn dinja li fl-aħħar mill-aħħar qatt mhi se tkun tagħhom. 

Il-karattri msefrin ta’ Mifsud ukoll spiss jiġu lura, donnha l-kundanna ħelwa u ironika tal-abitanti tal-gżejjer li jħossu s-sejħa ta’ għeruq li mhux bilfors dejjem żaqqewhom. Pariġi ċċedi quddiem it-tifkiriet tax-Xatt tal-Isla jew il-geġwiġija tat-toroq ta’ Bormla, bil-ħsejjes, l-irwejjaħ u t-tifkiriet li ffurmawna. Nazzarda ngħid li jagħmluna Maltin, lil hinn mill-bnadar u mill-passaporti, imma mill-modi uniċi kif artna u l-istorja sawru l-mod kif inħossu, fil-fatt, kif tħabbat qalbna. Mat-tokki tal-millenju l-ġdid , Immanuel Mifsud kien aġġorna l-katalgu letterarju b’ L-Istejjer Strambi ta’ Sara Sue Sammut: apparti l-kjaroskur tas-sottoproletarjat, id-drogi u l-irkejjen mudlama oħra, kienu anki xirfu Sara Sue li ma tridx taf bl-awtorità u li l-ġrajja tagħha tagħlaq biha tingħi bil-pjaċir ta’ laqgħa sesswali taħt ir-ritratt ta’ Fenech Adami. Jew inkella r-raġel mifrud jibni imħabba ġdida minn wara skrin, bin-namur jinbet virtwalment qabel ma l-maħbubin tassew jiltaqgħu. Nadia Mifsud taħdem bl-istess intensità ta’ Immanuel f’dawk iż-żminijiet: tkellimna dwarna u dwar min nafu, imma b’dak is-sens sikwit inspjegabbli u indeskrivibbli li l-kitba hawn qiegħda verament tkellmek bil-Malti. 

Għax, minkejja kull xenqa taż-żgħar bħalna li qatt ma nilħqu lill-kbar, li nibilgħu l-ħuta l-kbira, l-ewwel li tikteb, meta tikteb bi lsienek, huwa għal niesek stess. U meta dan jirnexxi, jaf il-prodott isir tassew ta’ kulħadd, u jiflaħ jiġi tradott u mibjugħ. Xogħlijiet bħal ta’ Nadia Mifsud jarmu lil Malta minnhom, bħal dija li mhijiex dik tax-xmux jiżirġu tar-riklam turistika, imma l-imrieżaq li jdawlu l-ġranet tagħna daqqa mod daqqa ieħor, illum tħosshom fietla jsaħħnulek saħansitra ruħek, u l-għada jkunu batja wisq biex jegħlbu l-kesħa fina dieħla f’għadmek. Jekk mhux ekokardjogramma tat-taħbita ta’ qalbna, dawn il-kitbiet huma tassew ritratt aġġornat ta’ ruħ ta’ poplu: imkien ma tissemma l-politika jew l-istorja, iżda l-mod kif jitwasslu l-istejjer għandu dawn l-elementi interzjati fih bilfors għall-mod kif jirnexxilhom ipinġu l-modi ġodda sew kif ninnegozjaw ir-relazzjonijiet soċjali tagħna u kif inġibu ruħna fid-dinja, sew il-mod kif il-kittieba jirnexxilhom jiffabrikaw il-ġrajjiet dwar dawn ir-realtajiet. 

U n-nisa qed jirbħu. Xogħol Mifsud ifakkar f’nisa oħra, jew inkella jistieden għall-paraguni, bħal fil-każ ta’ xogħol Loranne Vella, espatrijata oħra, u rappreżentanta xierqa ta’ dan il-kurrent ta’ ilħna femminili ġodda. Id-dinja kif taraha mara, imma mhux neċessarjament skont l-ovvjetajiet sentimentali li spiss nużaw biex niddistingwu s-sessi, iżda f’sens politiku, jiġifieri d-deċiżjonijiet u l-għażliet tagħna fil-konfront tal-eżiti tagħhom. F’dan il-ktieb pjuttost folt bl-istejjer, kollha b’saħħithom mingħajr eċċezzjoni, jispikkaw mumenti qawwija u kommwoventi, bħal fil-każ tal-mewt tal-ġenitur, ir-relazzjonijiet familjari, u l-għażla tal-ħajja msiefra u l-qtugħ tal-kurdun umbilikali f’Requiem, jew inkella dak li għalija huwa t-tour de force ta’ Métro, boulot, dodo. 

Din tal-aħħar hija waħda minn dawk il-kitbiet li lil xi wħud jaf tbikkihom, hija u tberren fil-kaxex fejn mingħalina sakkarna dnubietna u t-tifkiriet li aħjar mingħajrhom milli bihom. Lil oħrajn, bħal fil-każ tiegħi, tħallihom dak il-lejl stess, ix-xokk għas-sistema meħtieġ biex il-moħħ jissaffa mid-debris tal-imgħoddi, jew inkella biex iktar jiffukalek il-lenti fuqu. Hija storja oħra — moderna, attwali, kontemporanja, ġenerazzjonali— ta’ tmiem ta’ imħabba, imma naħseb konna ilna nistennew li nisimgħuha mingħand mara. Għal darb’oħra, mhux mis-sentimenti tagħha, li l-kultura u l-ideoloġija jawtomatizzawk biex tistennihom ikunu kiebja u bikkejja. Imma mid-deċiżjoni diffiċli li tieħu din il-mara, minn jeddha u bl-għarfien kollu tad-dispjaċiri u tal-konsegwenzi u, tfittex fejn tfittex, ma tista’ ssib it-tort ta’ ħadd. M’għadux il-konfront bejn is-sessi, ix-xehir li jiġi mill-pussess sesswali jew mid-differenzi irrinkonċiljabbli, iżda ż-żmien tal-għażliet individwali u tad-deċiżjonijiet responsabbli. 

U żmien il-mara, li bħal bosta nisa oħra f’dal-mumenti importanti għall-kitba Maltija, titgħarwen bla mistħija biex turi lilha nnifisha bħala bniedma ħielsa, bħala ġisem u bħala essri sesswali, bħala parti mis-soċjetà li b’urġenza qed terġa’ tieħu n-nifs biex isemma’ leħinha u tħalli t-timbru xieraq tagħha.

More in Arti