“Moħħi qatt ma jieqaf” tgħid il-viżjonarja Lorella Castillo

F’intervista mal-moħħ wara r-ritratt tal-artisti tal-Eurovision Song Contest ta’ Malta, hi titkellem fuq il-passat, il-preżent, u l-futur tagħha 

Ritratti: Lorella Castillo
Ritratti: Lorella Castillo

Kull min għandu kwalunkwe tip ta’ preżenza diġitali ġieli ra xi prodott artistiku tal-fotografu Lorella Castillo. Mir-ritratt tal-influencer Valentina Rossi tippoża għal ‘Santa Melitensia’ għall-proġett li jmiss ‘Fil-Friġġ wara t-Tadam' u issa anke r-ritratti uffiċjali tal-kantanti tal-Eurovision Song Contest ta’ Malta, ix-xogħol ta’ Castillo laħaq lil kulħadd. 

Castillo tkellmet fuq l-aħħar proġett tagħha, fejn qalet li hi kellha l-libertà kreattiva kollha f’idejha sabiex toħloq kunċett ġdid mill-bidu. “Kienet ix-xewqa tiegħi li noħloq narrattiva u estetika aktar profonda minn sempliċi ritratt promozzjonali li jista’ jittieħed minn kulħadd,” saħqet Castillo, hekk kif hi spjegat li l-kunċett huwa wieħed kontemporanju iżda wieħed li jibqa’ relevanti matul iż-żmien, kif ukoll wieħed li jgħodd għal kull artist fil-lenti tagħha. 

Castillo qalet li s-sett bnietu u ddisinjatu hi mat-tim żgħir tagħha, filwaqt li t-18-il artist mela s-sett bl-identità u l-enerġija personali tiegħu. Castillo enfasizzat il-flessibbiltà tal-kunċett, sabiex jaħdem għal kulħadd inkluż il-preżentaturi hekk kif għaliha l-Eurovision mhuwiex sempliċement konkors imma “forma ta’ arti viżiva fejn l-identità individwali tista’ tiddi,” hekk kif qalet li hi grata li kellha ċ-ċans tiddi l-identità artistka tagħha wkoll. 

Il-viżjonarja tkellmet ukoll fuq l-istil tax-xogħol tagħha li spiss juri kuntrasti, pereżempju s-sbuħija u l-iskumdità, is-saħħa u l-vulnerabbiltà. Fost l-elementi prominenti fix-xogħol tagħha, Castillo semmiet id-dawl li mhuwiex biss element tekniku imma għalija “lingwa emozzjonali li twassal sensazzjoni u narrattiva,” b’ispirazzjoni ħafna minn aristi bħal Caravaggio. 

“F’ħafna mir-ritratti u l-proġetti tiegħi, inħobb nuri dak li mdorrijin naraw u nippreżentah minn perspettiva differenti. Inħobb inħares lil hinn minn dak li tara l-massa u nisfida l-viżjoni normali.” 

Hija elaborat ukoll fuq l-element Malti fix-xogħol tagħha kif ukoll l-element femminili, fejn Castillo turi l-mara bħala simolu ta’ reżistenza, qawwa, u identità bħal pereżempju l-proġett Santa Melitensia, fejn kien hemm l-idea ta’ qaddisa patruna ta’ Malta fiż-żmien kontemporanju. 

Il-fotografu qasmet il-karriera tagħha mill-bidu fejn qalet li għaliha l-arti u xogħolha huma lingwa universali fejn il-kliem jaf jonqosha. Hi qalet li hi trabbiet f’ambjent artistiku li ħejja fiha ħtieġa li tifhem id-dinja kif ukoll lilha nfisha, u l-kamera offritilha mezz ta’ kif tista’ tistaqsi dawn id-domandi ambigwi u r-ritratt li tiġbed ikun spazju fejn ir-realtà tikkontrollaha hi, b’onestà emozzjonali. 

Castillo kkonkludiet billi tkellmet fuq il-proġetti futuri tagħha, speċjalment l-ewwel wirja individwali tagħha, ‘Fil-Friġġ wara t-Tadam’ li se tittella’ fi Spazju Kreattiv bejn it-22 ta’ Jannar u t-8 ta’ Marzu 2026. Dan il-proġett ilha taħdem fuqu għal sentejn flimkien mal-kuratriċi Rachelle Bezzina bi 11-il ritratt ġdid li se l-udjenza tista’ tara għall-ewwel darba f’din il-wirja. 

“Il-wirja tesplora l-mod kif inħares lejn espressjonijiet Maltin ta’ kuljum, b’mod speċjali dawk li b’umoriżmu jittrattaw suġġetti aktar tqal. Naħdem mal-idjomi u l-qwiel Maltin, kemm bħala indikazzjonijiet viżivi, kif ukoll bħala relikwi psikoloġiċi, u nistaqsi minn fejn nibtu dawn il-frażijiet, għaliex evolvew u kif evolvew, u kif għadhom jiffurmaw l-imġiba, l-emozzjonijiet, u d-diskors tagħna ta’ kuljum,” spjegat Castillo. 

Hi għalqet billi tat ħjiel ta’ xi proġetti oħra futuri għandha għal din is-sena hekk kif qalet li qed iberrnu diversi ideat u hemm pjanati kollaborazzjonijiet għall-2026. 

More in Arti