Xarabank kelma isbaħ minn tal-linja, u l-bus, jerġa’, aħjar

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb taqbad il-ktieb “Wait until the bus stops” ta’ David Schembri, u bejn il-memorja tax-xarabanks l-antiki u kummentarju fuq il-ktieb, tirrifletti fuq l-istorja ta’ dawn it-trakkijiet li xi darba kienu, u issa m’għadhomx. 

Għandi memorja mċajpra ħafna tal-karozzi tal-linja ta’ qabel. Ilħaqthom sa meta kelli madwar ħames snin: ix-xarabank Għawdxija, ħamranija u ġriżija, misjuqa minn xufiera li konna nafuhom kollha bil-laqam, mhux biss mezz ta’ transport, imma spazju kważi familjali. L-unika memorja tassew ċara li fadalli minn dik l-era hi ta’ meta wasalna t-terminus tar-Rabat għaxar minuti qabel it-tluq, u x-xufier, b’manjiera kemxejn antiproxxmu, ma ħalliniex nitilgħu biex naqtgħu mill-qilla tax-xemx. Spiċċajna nistkennu taħt siġra qrib Putirjal, f’xemx tisreġ, inħarsu bl-ikrah lejn ix-xarabank ipparkjata friska friska. Jien kont qed inżomm f’idejja, soda soda, il-kopja tal-ewwel Stejjer mill-Bibbja tiegħi ta’ Pierre Mejlak, li kienet għadha kif xtratli ommi. Mhux suppost li kienet inġurja kbira. U xorta waħda, tlettax-il sena wara, għadha ċara f’moħħi. Jidher li lanqas dik l-ewwel Stejjer mill-Bibbja ma għallmitni wisq ħfir u nisi. 

Din it-tip ta’ memorja, banali, għażiża, frammentata, hija proprju l-materjal li fuqu jinbena “Wait Until the Bus Stops” ta’ David Schembri, ippubblikat minn Kotba Calleja. Ktieb li se jfakkar lil kull qarrej fl-esperjenza tiegħu ma’ tal-linja. Kull double-spread b’ritratt fuqha, dettall, hija tfakkira ta’ tifsira, il-kaxxi msaddin, is-seats jitqaxxru, l-għeja Maltija ta’ trakk għażiż, il-passiġġieri: nisa Maltin mibrumin bix-xagħar aħmar jgħajjat miġbur bil-gejxa, studenti mpeċpċin, gazzetti, u l-bqija. Nostalġija għal kull qarrej Malti li qatt qabad karozza tal-linja. F’dan is-sens, il-ktieb ifakkar f’“Invisible Cities” ta’ Italo Calvino, rotot li jikkonverġu imma qatt ma jingħaqdu, speċjalment fil-frażijiet imxerrdin mal-paġni ritratti; “Triqti mhijiex triqtek”. Ix-xarabank ngħolluha minn mezz ta’ trasport f’madeleine Proustjana: trigger li tqanqal memorji midfuna ta’ mħabba bikrija (“Nilmaħha mat-tieqa”), ċikli familjari (“Titlaq minn raħal twelidi … tasal Belt ommi”), u esperjenzi kollettivi li llum sparixxew. Frażijiet simplistiċi – imma f’dan il-kuntest, in-nostalġija taħkem, u tgħaqqad il-poeżija kollha. 

Il-qawwa tal-ktieb tinsab fil-fotografija tal-awtur. Taqbad dettalji tat-togħma u l-għoġba għall-materjali: flooring bid-diamond plate, sunroof, u siġġijiet imħarbta. Dawn joħolqu arkivju sensorju tal-istorja tat-trasport f’Malta. 

Imma proprju hawnhekk tinsab ukoll id-dgħufija ewlenija tal-ktieb. Il-ħin, trattat Bergsonianament bħala durée, bidla kontinwa u emozzjonali, qatt ma jiġi ssodat konkretament. Il-prefazju, b’dik il-wegħda tantalizzanti ta’ “storja oħra” dwar il-protesti tas-sewwieqa, joħloq aspettattiva ta’ narrattiva ikbar. Imma din l-istorja qatt ma tasal. Tinħall fi frammenti, mumenti. Il-qarrej, speċjalment dak li kien jistenna iżjed fl-ilħna tax-xufiera li Schembri jidher li qed jikkorteġġja, jispiċċa mitluf f’Jestzeit pur, preżent etern, poetiku, imma frustranti. 

Madankollu, hemm sens ta’ restrizzjoni fil-mod kif il-ktieb juża l-metafori tiegħu. Il-bus u l-istennija jġorru ħafna mill-piż simboliku, imma rari jiġu mbuttati lejn ħsieb aktar ikkumplikat. Frażijiet li jissuġġerixxu identità jew telf ta’ direzzjoni jibqgħu frammenti, u r-ripetizzjoni ta’ wasla u tluq maż-żmien tirriskja li ssir manneriżmu aktar milli skoperta, peress li l-metafora qatt ma tiġi eskalata lil hinn mill-ewwel kunċett poetiku. 

Dan is-sens ta’ ċirku jidher ukoll viżwalment. Ir-ripetizzjoni ta’ interjuri u dettalji materjali setgħet toħloq qawwa ta’ serje, iżda l-editjar mhux dejjem jiddistingwi bejn immaġni li żżid u waħda li tirrepeti. Mingħajr progress narrattiv jew kunċettwali, ċerti paġni, jistgħu jinqraw bħala rotta li ddur fuqha nnifisha. 

U xorta waħda, din l-istess restrizzjoni tista’ tinqara wkoll bħala għażla konxja. L-antinarrattiva tal-ktieb, ir-rifjut ta’ progress ċar, ta’ eskalazzjoni jew ta’ konklużjoni, tirrifletti l-esperjenza reali tal-vjaġġ bil-bus: moviment bla destinazzjoni definita, stennija li ma twassal imkien, memorja li terġa’ lura fuqha nnifisha. F’dan is-sens, dak li jista’ jħalli lill-qarrej kemxejn bil-ġuħ huwa wkoll parti mill-verità li l-ktieb qed jipprova jaqbad: li mhux kull vjaġġ għandu storja, u mhux kull storja tasal. 

Fuq nota oħra. Is-soltu nirriċensa kotba li jkunu għadhom kif ħarġu. Dan il-ktieb, min-naħa l-oħra, ilu kważi sentejn fis-suq, u forsi proprju għalhekk stajt nara b’aktar ċarezza l-impatt, jew aħjar, is-silenzju, li ħalla warajh fil-media Maltija. Apparti żewġ artikli, wieħed tal-Lovin Malta u ieħor tat-Times, u xi riflessjoni sporadika fuq Substack, il-ktieb deher li għadda kważi inosservat. Jaf ma fittixtx biżżejjed, u jalla. Imma dan is-silenzju ma jistax jitqies bħala każwali. 

F’ekosistema letterarja żgħira bħal dik Maltija, il-prezz tal-ktieb (€45) mhuwiex dettall sekondarju imma fattur strutturali. Runs limitati, spejjeż ta’ produzzjoni għoljin u suq ristrett jagħmlu anke ktieb magħmul b’attenzjoni u sengħa oġġett relattivament għali. F’kuntest fejn il-qari diġà mhuwiex drawwa mħeġġa istituzzjonalment, prezz bħal dan jittraduċi ruħu f’ostaklu ta’ aċċess, mhux f’ġudizzju fuq il-kwalità. 

Il-qarrej Malti ma tantx jirrifjuta l-ktieb għax “ma jħobbx jaqra”, imma għax il-ktieb jitqiegħed quddiemu bħala investiment kulturali li jrid jiġi ġġustifikat. Ironikament, f’soċjetà fejn għandek min jonfoq bla eżitazzjoni fuq esperjenzi effimeri, u fejn għandek min jikteb, bi ħniena, fuq il-media soċjali, fuq Ommijiet Ngħinu lil Xulxin, fuq RUBS, bi profili anonimi f’nofs ix-xahar jistaqsi meta ħiereġ ic-children’s allowance/is-sussidju tal-kera/ir-relief, oġġett kulturali li jibqa’ u jitlob ħin, attenzjoni u riflessjoni jsir diffiċli biex jiġi aċċettat. 

U hekk, ktieb magħmul b’mod daqstant serju u artistiku jispiċċa jidher inaċċessibbli, mhux għax ma jistħoqqlux jinqara, imma għax is-sistema li fiha jitnieda ma tħallihx jasal għand il-qarrej. Is-silenzju li jdawru mhuwiex rifjut, imma falliment ta’ ċirkolazzjoni. 

U xorta, għalija, jibqa’ ktieb li jfakkarni f’kollox: f’kull esperjenza fuq tal-linja, f’dawk il-vjaġġi li qatt ma jaslu. Schembri rnexxielu jaqbad xi ħaġa essenzjali: il-mod kif it-trasport pubbliku kien, darba, arkivju tal-ħajja kollettiva tagħna, hub soċjali. U forsi l-akbar nuqqas tal-ktieb huwa wkoll l-akbar verità tiegħu, li xi stejjer, bħal xi rotot, jintilfu għal dejjem. 

U fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja lill-qarrejja kollha li fuq il-paġna ta’ qabel tal-aħħar tal-ILLUM raw wiċċi f’din l-aħħar sena kull tliet ġimgħat. Dawk li qraw il-ħsibijiet tiegħi, mill-ewwel paġna ta’ tfajla ta’ 18-il sena, eċitata li ngħatat l-opportunità li tikteb fuq din il-paġna. Kelli l-opportunità fejn stajt nipprova naħseb bil-miftuħ, fejn il-kliem xi drabi wasal eżatt fejn ridt, u drabi oħra tfixkel miegħi. 

Nawguralkom sena ġdida mill-isbaħ, u narakom is-sena d-dieħla għal sena oħra ta’ avventura fuq din il-paġna! 

More in Arti