RIDT u Festivals Malta jħabbru kollaborazzjoni

Ir-Research, Innovation and Development Trust tal-Università ta’ Malta (RIDT) u Festivals Malta ħabbru kollaborazzjoni li se tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ entitajiet. Din il-kollaborazzjoni ssegwi s-suċċess miksub fil-ftuħ tal-Malta Jazz Festival 2025, u tfisser li wħud mill-avvenimenti ewlenin ta’ Festivals Malta se jkollhom avvenimenti sekondarji li jsiru fl-Università ta’ Malta, kemm fil-kampus ewlieni ta’ Tal-Qroqq, kif ukoll fil-Kampus tal-Belt Valletta. RIDT se tingħata wkoll l-opportunità li tkun preżenti waqt l-avvenimenti ta’ Festivals Malta sabiex tippromovi l-finanzjament tar-riċerka fl-Università ta’ Malta u tiġbor fondi għall-istess għan. 

Wilfred Kenely, CEO ta’ RIDT, qal li “din il-kollaborazzjoni hija inizjattiva pożittiva ħafna li se tippermetti lil RIDT tkun aktar preżenti waqt avvenimenti li jiġbdu l-attenzjoni ta’ nies li jattendu avvenimenti kulturali u li għandhom passjoni għall-arti. Parti mill-missjoni ta’ RIDT hija li tippopolarizza u xxerred proġetti ta’ riċerka li joħorġu mill-Università ta’ Malta. Aħna grati ħafna għal din l-opportunità.” 

Frans Agius, CEO ta’ Festivals Malta, ikkummenta wkoll dwar din il-kollaborazzjoni u qal: “B’sodisfazzjon kbir li Festivals Malta għandha l-opportunità li tikkollabora ma’ RIDT. Aħna nemmnu li inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħna, u jikkontribwixxu għal titjib fil-livell tal-għejxien f’pajjiżna. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali biex tinħoloq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. L-iskop tal-arti u l-kreattività jallinja mill-qrib ma’ din il-viżjoni, u aħna kburin li naħdmu ma’ RIDT fl-Università ta’ Malta biex nappoġġjaw il-benesseri tal-poplu tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Permezz ta’ din is-sħubija, qed inwasslu wkoll messaġġ importanti: li l-arti u l-kultura jħallu wirt dejjiemi ta’ benesseri u għandhom rwol vitali fl-iżvilupp tal-umanità.” 

Din il-kollaborazzjoni se testendi tul is-sena 2026 u se tinkludi l-Valletta Baroque Festival, il-Karnival, Mużika Mużika, Festgħana, u l-Malta Jazz Festival. 

More in Arti