L-esej letterarju jinseġ il-personali mal-politiku
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea tinnota l-użu tal-forma esejistika f’Es Sidr ta’ Omar N’Shea biex tintiseġ storja personali ma’ oħra soċjopolitika u riċenti. L-awtur jiskava fil-fond biex jittanta jsib l-identità tiegħu, u fil-proċess se jleħħen realtajiet li ma tantx qrajna dwarhom, jew li mhumiex mogħtija wisq leħen, fid-diskors soċjali normattiv.
Es Sidr ta’ Omar N’Shea, ippubblikat minn Aphroconfuso, hu xogħol brillanti li f’diversi reġistri – referenzi intellettwali, deskrizzjonijiet krudi, skavar fl-istorja u liriċiżmu poetiku – jittratta temi qawwija u kruċjali. Fi kliem N’Shea, waqt qari riċenti fil-librerija ta’ Pembroke, “Es Sidr huwa teorija sħiħa fuq l-internazzjonalità tal-ġeneru, tal-klassi, tal-etnija, u tal-ġisem fl-istorja, huwa teorija sħiħa.” Billi, b’mod li jixbaħ lil dak arkeoloġiku, jiskava fl-istorja personali tiegħu kif ukoll dik soċjopolitika, l-awtur ixidd dawl fuq l-istorja riċenti lokali rarament iddokummentata, kif ukoll jipprova jifhem lilu nnifsu u “l-proċessi li bihom l-istat jikkontrolla s-suġġettività u jibni n-normattività”. Bi trobbija u nisel li jaqgħu bejn ix-xquq tal-aspettattivi konvenzjonali, l-awtur jaffronta u jixtarr il-kumplessi li tiżra’ fina n-normattività filwaqt li jleħħen realtajiet marġinalizzati.
N’Shea għażel il-ġeneru ibridu tal-esej letterarju li bih seta’ jħallat il-kompożizzjoni letterarja mat-teorizzazzjoni inqas akkademika. N’Shea ddeskriva, waqt il-qari: “Bdejt infittex dak il-ġeneru li [...] jagħtini l-possibbiltà biex nitteorizza s-suġġettività tiegħi. Mhux biex nitkellem fuqi però biex nitkellem fuq dawk in-nies bħali illi jiena ma bdejtx nara fil-kitbiet li kont qed infittex [...] meta bdejt niltaqa’ mal-esej u mal-esejistika u l-kitba letterarja esejistika bdejt inħoss li hemmhekk tista’ tilgħab ħafna iktar, għaliex il-ġeneru mhux daqshekk fiss. Anki għaliex iħallik iddaħħal tropes letterarji, pereżempju, mill-arkivji.[...] Jibqagħli biss l-esej bħala għodda biex nesprimi ruħi, anke għaliex ma rridx nidħol fil-memoir, għax il-memoir narah klassist.”
N’Shea jinseġ l-istorja tal-ewwel snin tar-Repubblika meta Malta bdiet toqrob lejn il-Libja (rabta Għarbija li spiss naħarbu) mal-“istejjer mitlufa u minsija” ta’ familtu u nies minn klassi soċjali baxxa u l-komunità queer. Tul il-ktieb, jistudja parallelment l-istorja ta’ familtu flimkien ma’ dik soċjopolitika ta’ dak iż-żmien. F’ittra, missieru Libjan jikteb lil ommu Maltija li “Qed iħossu joqrob lejha bl-istess mod kif il-Libja u Malta qed joqorbu lejn xulxin”. N’Shea jagħmel il-personali politiku, u l-politiku personali. Isejjaħ “il-ġisem politiku, mimli affetti universali, li tista’ tmur tfittixhom fl-arkivji tal-politika internazzjonali.” Jikkwota fost l-oħrajn lil Didier Eribon fuq “topografija fejn dak li jidher li joħroġ mir-relazzjonijiet l-aktar fundamentalment personali jqegħedna fi storja u ġeografija kollettiva (bħallikieku l-ġenealoġija individwali kienet inseparabbli minn arkeoloġija jew topoloġija soċjali).”
N’Shea jgħid b’tant onestà kif ħajtu kollha ħarab mill-klassi soċjali baxxa ta’ familtu kif ukoll min-nisel Għarbi tiegħu. Hu u janalizza l-kuntest tiegħu ta’ omosesswali b’missier Libjan assenti u omm Maltija liżbjana li rabbietu f’komunità ta’ nisa u sinjorini, ileħħen minoritajiet bħall-komunità queer, in-nisa, il-klassi soċjali fqira, il-kolonjalizmu, il-klassiżmu u r-razzizmu. “Nikteb għaliex nixtieq nuri li x-xogħol tal-arkivju tal-ġisem u tal-affett ta’ niesi qatt mhu meqjus.” Josserva anki r-“relazzjonijiet ta’ poter bejn il-Mediterranji tan-naħa ta’ fuq u dawk tan-naħa t’isfel”.
L-awtur jiftħilna għajnejna għal proċessi kolonjali, klassisti, sessisti, razzisti u omofobiċi li, bħala poplu kkolonizzat għomru kollu, qajla bdejna nagħrfuhom. Fost it-temi kruċjali li jittratta, tant hu importanti d-diskors tiegħu dwar il-kolonjaliżmu. Hekk kif Malta taħt Mintoff bdiet tipprova tinħeles mill-Ingliżi, “il-Libja u Malta bdew joqorbu lejn xulxin iktar minn qatt qabel biex jagħrfu xi forma ta’ ħajja ħielsa mill-barrani”. N’Shea jfittex fl-arkivji u jikkwota telegramma ta’ Mintoff lil Nixon fl-1972 li tgħid dwar l-Ingliżi li “altru milli qed jitilqu minn pajjiż li tqanna bihom għal 170 sena, iridu jitilqu ta’ ħakkiema u jħallu lil Malta qisha l-għadu skonfitt tagħhom.”
Il-kolonjaliżmu żera d-disprezz u l-inferjorità tal-Maltin lejhom infushom u lejn nieshom: “Is-subien bojod kienu sbieħ: in-nanna kienet issejħilhom ġinġrin jew wiċċ ta’ bambin”. Dan żied il-klassiżmu bejn il-Maltin, fejn “l-aspiranti borgiżi” meta telqu l-Ingliżi “mimetikament ippruvaw jeħdulhom posthom anki fid-diskors”. N’Shea jsemmi kif fl-iskola privata li attenda ra “l-vjolenza klassista faħxija tat-tfal puliti fid-dinja elitista tal-iskola”, fejn tgħallem “kif għandi nuża l-kelma “Malti” bħala insult, kif għandi nitnejjek bil-mod kif jitkellmu l-Maltin, kif nimita l-aċċent tal-Maltin meta jitkellmu bl-Ingliż [...] fost it-tfal puliti [...] il-Malti kien indikazzjoni tal-akbar falliment soċjali li seta’ jaħkmek, l-ikbar fjask fit-trobbija. [...] Tgħallimt malajr kif quddiemhom innaddaf l-aċċent billi nimsħu b’aċċent ieħor.”
L-ironija hi li dawn l-istess Maltin puliti spiċċaw vittmi tal-istess klassiżmu meta marru barra: “Imma ’l-bojod proprja qatt ma tixtrihom kompletament. Lil ftit minn sħabi Maltin li kienu trabbew jitkellmu bl-Ingliż, din ħasdithom sew meta tfarfru u emigraw lejn Londra. Spiss, f’din il-belt li huma kienu jaħsbu li hi l-kapitali tagħhom, kienu mistoqsija mnejn huma, għax l-aċċent partikolari, qisu Taljan. Din qatt ma kienet ferita fis-suġġettività ta’ dawk li kienu mrobbija jitkellmu bil-Malti, imma fost dawk li trabbew Malta bħala barranin, jiġifieri dawk li jitkellmu dwar Il-Maltin bħallikieku huma stess barranin [...], din kienet għafsa tal-qalb u tnawwira nobis fis-suġġettività. [...] Niftakar uħud minn sħabi jitkellmu [...] dwar il-ħasda li nħasdu meta f’daqqa waħda l-ħarsa imperjalista waqgħet fuqhom, meta ġew imħallta ma’ dawk il-Maltin li kienu għamlu għomorhom jistkerrhu u jitnejku bihom.” N’Shea jsemmi wkoll kemm “beda jinstema’ mqanżaħ, qarrieqi u poxt id-diskors tal-borgeżija dwar kif għandna niddikolonizzaw waqt li jkellmu lil xulxin u lil familthom b’Ingliż mimetiku tal-kolonizzatur”, xi ħaġa attwali sal-lum.
L-awtur ileħħen il-kumpless ta’ inferjorità minħabba din is-sistema soċjali: “L-affett tagħna jibqa’ dejjem barra, qatt mhu tajjeb biżżejjed. Tagħna dejjem jgħajjat naqra iktar, iħammeġ naqra iktar, jinkwieta naqra iktar. Aħna emottivi, mhux razzjonali. Aħna barokki, mhux minimalisti. Aħna nervużi u ħħesiljati, mhux trankwilli u bierda. Imbaqbqin mhux glaċjali. L-abjad kalm u kompost; aħna eċċessivi u aggressivi.” Hawnhekk insibu referenza għal José Esteban Muñoz, lejn “strateġiji u għodod ta’ ħsieb li bihom dawk l-iltiema tal-affett normattiv jistgħu jaħarbu min-nassa tal-eġemonija tal-affett li dejjem iddur mal-bjuda. [...] jekk nitfgħu taħt il-lenti analitika l-etniċità tan-nies bojod, [...] insibu li l-affett tal-bjuda mhi xejn ħlief “nuqqas”, [...] “assenza ta’ affett” [...] Jekk aħna l-eċċess, il-bojod huma n-nuqqas, il-baħħ. U l-eċċess mhux essenzjaliżmu li waqa’ mis-sema; l-eċċess huwa kobba ta’ reazzjonijiet affettivi għall-ostakli kollha li jitpoġġew quddiemna bħala minoritajiet, ostakli li min jitrawwem fil-privileġġ qatt ma jkollu jseffaq wiċċu magħhom.”
Es Sidr imfawwar b’riflessjonijiet rikki, tant li impossibli li din ir-riċensjoni tkun eżawrjenti. N’Shea jikteb b’ton awtorittativ, mirqum, irreverenti u sardoniku fejn hemm bżonn, b’ċarezza u profondità tal-ħsieb, b’onestà kruda u intima, u b’ħakma tal-ilsien Malti tant tajba anki f’reġistri li mhux soltu jitħaddem fihom, tant li jisfida lil kull min jisħaq li l-Malti xi lsien limitat. L-esej letterarju jservi ta’ għodda politika siewja billi jrattab it-teorizzazzjoni u jagħmilha iktar umana u ħajja, iktar aċċessibbli. Bil-kitba l-awtur ifittex lilu nnifsu fid-“diskorsi kollha tal-istat f’dagħdiha ta’ sorveljanza biex il-jien ma jitħalla qatt jitkellem għalih innifsu”. Hu xogħol li jħeġġiġna nipperċepixxu d-dinja minn lenti alternattiva, kruċjali biex jikxef realtajiet u perspettivi mhux meqjusin. Es Sidr jagħti kontribut eċċellenti għal-letteratura Maltija u biex ineħħi l-għamad tan-normattività u joħloq spazju għal perċezzjoni aktar inklużiva, onesta u reali. Dan hu partikolarment urġenti f’dinja dejjem aktar moralment prekarja.
