Kotba | Mix-xejn, l-Istorja

Mark Vella jifli żewġ kotba ta’ Michael Refalo, riċerkatur li jagħti l-ħajja lill-istorja tal-poplu Malti billi jħares lejn l-aspetti ta’ kuljum ta’ niesu, miċ-ċakkar san-negozjant, biex iwassal ritratt ħaj tar-ruħ Maltija li jista’ jgħidilna ħafna anki dwar min aħna llum

Giuseppe (De) Brincat: A Gozitan Wine Merchant 1890s-1930 kien ġie ffinanzjat fl-2017 minn għotja tal-Fond għall-Ktieb Malti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Giuseppe (De) Brincat: A Gozitan Wine Merchant 1890s-1930 kien ġie ffinanzjat fl-2017 minn għotja tal-Fond għall-Ktieb Malti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Isem Michael Refalo ltqajt miegħu l-ewwel darba jien u nagħmel xi riċerka bl-Internet għal ħwejjeġ li qajla ssibhom fil-kotba: dettalji storiċi minuri, l-aktar relatati mal-ħajja ta’ kuljum tan-nies, li f’kuntesti partikolari jiksbu importanza kbira. Għall-ewwel ħsibt li kien l-ex-Ministru Nazzjonalista li wkoll kien daħal fid-dinja tal-ktieb permezz tat-traduzzjoni għall-Ingliż ta’ Rajt Malta Tinbidel, imma malajr skoprejt li kien avukat Għawdxi, għalija anonimu jew rekluż ħlief għall-kitba pjuttost prolifika tiegħu, li kien kiseb id-dottorat minn Pisa b’teżi dwar il-klassi kummerċjali Maltija.

L-istorja tinkiteb mir-rebbieħ, kif spiss jgħidu, jew inkella drajna nifhmuha bis-saħħa tal-għemil ta’ ismijiet kbar li rnexxielhom iħallu t-timbru aħħari fuq bidliet importanti. L-iżviluppi f’tista’ tgħid l-oqsma kollha tal-istudji umanistiċi madankollu biddluha spiss din il-perspettiva: wara kull bidla kbira u isem ċelebri, hemm sensiela kumplessa ta’ passi ċkejknin u persunaġġi qajla magħrufa li kienu l-ħamrija u ż-żerriegħa għall-ġrajja storika aħħarija. L-istorjografija Maltija hija mbierka b’ekwilibriju san bejn iż-żewġ tendenzi: filwaqt li għandna l-opri li jitraċċaw l-akbar żviluppi, għandna wkoll numru ta’ xogħlijiet li jmorru għall-ġrajjiet apparentement minimi biex minnhom jinsġu xibka kumplessa ta’ relazzjonijiet.

It-teżi ta’ Refalo, fil-fatt, titratta l-klassi kummerċjali mill-aspett tal-familji u tan-networks, ix-xbieki tal-kuntatti u tar-relazzjonijiet, u hemmhekk l-istorja tieħu l-ħajja, anki mil-lat editorjali, għall-qarrej medju wkoll li jrid jifhem id-dinamika ta’ x’wassal għall-fatt storiku li jibqa’ jissemma. Bħal arloġġ sabiħ u fin jew inkella xi inġenju imponenti, il-kurżità taf twasslek biex tistaqsi x’hemm warajhom u xi jħaddimhom, u l-faxxinu jsir il-fehim tal-korrispondenza indispensabbli bejn kull biċċa tal-magna, sal-inqas rota u skorfina.

L-istorja, m’għandniex xi ngħidu, mhijiex magna, u tiddependi wkoll mill-mhux mistenni li jsawrilna ħajjitna: il-kumbinazzjonijiet u ċ-ċikek, il-ġesti li jseħħu f’ħakka t’għajn jew mingħajr ħsieb u li mbagħad jeħilsu l-uragan tal-ġrajjiet. Refalo jispeċjalizza f’dan il-qasam, tant li mhux biss nifhmu l-Istorja l-kbira mill-aspetti apparentement minuskoli li jifli taħt il-mikroskopju tiegħu, imma l-istess ġrajja ċkejkna tidhrilna kumpless u saħansitra affaxxinanti fiha u għalija nnifisha.

Eżempju ta’ dan huwa xogħol li jaf ma tantx dar idejn minħabba s-suġġett dejjaq tiegħu: l-istorja ta’ negozjant Għawdxi tal-inbejjed, Giuseppe (De) Brincat, li Refalo jittanta jikteb xorta ta’ bijografija tiegħu minn ponn dokumenti, fosthom xi korrispondenza mal-familja. Isem minn ħafna, imma xogħol Refalo, li mix-xejn joħloq l-Istorja, jagħtina ritratt ta’ mument partikolari tal-ekonomija Għawdxija lejn l-ewwel terz tas-seklu l-ieħor, imma wkoll lil hinn mill-fatti u ċ-ċifri li jirfdu bis-saħħa r-riċerka tiegħu, joħroġ profil ta’ bniedem, ċittadin ieħor b’ambizzjonijiet, ħolm u sfidi li jidwu anki mal-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minna. Mill-fatti personali kif jista’ jibnihom ir-riċerkatur mill-ewwel karti li jista’ jkollu f’idu, jinbena profil ta’ komunità u, bħal ma jistqarr l-istess Refalo fid-daħla, joħorġu elementi komuni ma’ Għawdxin oħra tal-perjodu, anki jekk Brincat mhux neċessarjament jista’ jiġi ppreżentat bħala rappreżentattiv għal kollox ta’ Għawdex f’dak iż-żmien.

Giuseppe (De) Brincat: A Gozitan Wine Merchant 1890s-1930 (Kite, 2018) huwa togħma ċkejkna tax-xogħol akbar u aktar komplut ta’ Refalo bħal ma huwa l-aħħar ktieb tiegħu, Among Others – The Maltese in Egypt: Life, Crime and Death (1860s – 1923) (Kite, 2021), li jittratta ftit aktar minn nofs seklu tal-ħajja tal-komunitajiet Maltin fl-Eġittu. Fil-vena ta’ xi Arnold Cassola u l-kotba tiegħu dwar il-Maltin ta’ Sqallija u tal-Afrika ta’ Fuq, dan il-volum huwa xhieda ta’ riċerka mirquma u tqallib fl-arkivji ta’ kull xorta, fejn ir-riċerkatur tistħajlu b’ħemel fatti bl-addoċċ quddiem wiċċu, la kap u lanqas kuda, li b’paċenzja kirurġika jasal biex jifli u jagħżel sakemm jagħmel sens minnhom u joħloq ġrajja. Ġrajja li hija storja wkoll, jekk hux bl-esse kbira jew żgħira jaf jiddeċidih ħaddieħor, jekk tassew huwa meħtieġ, wara kollox. Narrattiva madankollu, ħarsa mod ieħor lil hinn mill-fatti għerja tad-dati u s-sensiela ismijiet tal-kbar u s-setgħana, magħmula minn stejjer iżgħar ta’ nies mill-aktar żgħar, li madankollu jingħataw wiċċ u piż storiku, f’dan il-mużajk ġdid li donnu qatt ma jieqaf jalimenta aktar mistoqsijiet u kurżità.

Is-sottotitlu tal-ktieb huwa wkoll indikattiv tal-metodu ta’ Refalo. Il-ħajja u l-mewt, ġa baħar bla qies, imma wkoll il-kriminalità: tridu eċċellenti li jiġbor l-umanità, bil-virtujiet u l-vizzji kollha. Dan ix-xogħol jeżamina sistematikament il-mod kif kotrot komunità ta’ Maltin emigranti, anki mill-aspett ta’ safar li jaf jibda bħala turufnament trawmatiku imma li minn ġenerazzjoni għal oħra jsir installazzjoni tal-Malti f’art barranija, fejn jibdew familji, negozji u t-tbandil varju tax-xorti, u f’din il-Malta lil hinn minnha nnifisha, nifhmu aktar lil artna stess, bħallikieku qed nesperimentaw billi nqiegħduha f’ambjent li mhux tagħha u naraw kif kapaċi tfendi.

Refalo jagħfas fuq il-kunċett tas-subaltern bħala wieħed mid-dinamiċi ewlenin li jmexxu r-riċerka tiegħu, għall-fatt li l-protagonista ewlieni ta’ xogħlu huwa fil-biċċa l-kbira segment partikolari tal-poplu, x’aktarx dak l-aktar saflieni u li jemigra għall-bżonn, tista’ tgħid imġiegħel. Nistgħu ma ngħiduhiex, imma mhux dejjem evidenti, li stejjer bħal dawn li għadda minnhom il-poplu tagħna lbieraħtlura, jekk mhux ilbieraħ, joħorġu bosta paralleliżmi mal-mewġiet subalterni ġodda li joqorbu lejn xtutna fit-tiftix ta’ ħajja aħjar. Xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx, għalhekk, jew il-famuża ripetizzjoni tal-istorja: bħal ma l-Afgan jiftaħ ħanut tal-ikel il-Ħamrun u xi ħadd mill-Qarn tal-Afrika jinqabad Paceville bil-ħaxixa, ġrajjiet il-Maltin imsefrin huma mera xierqa għall-iżviluppi li qed naraw fi żmienna.

Kelma tal-aħħar dwar l-istil ta’ Refalo li huwa l-kitba ċara, l-annotamenti rigorużi, u s-sens ta’ narrattiva mexxejja, li kollha jingħaqdu flimkien biex isawru rumanz ta’ poplu, fejn ir-riċerkatur jirnexxi għaliex jislet mill-fatti għerja anki storja tar-ruħ. Studju ta’ ħajjiet, individwali u kollettivi, kif ukoll il-modi tal-għixien tagħhom, li bilfors ikollu jikxef il-medda kollha tas-sentimenti. Mhux biss, imma l-ħarsa ta’ Refalo hija waħda li tħares bl-attenzjoni lejn il-materjali, il-bażi ekonomika u soċjali bħala dik li tmexxi l-iżviluppi storiċi u li anki tiddetermina s-sentiment u l-ideoloġija, fis-sens tal-għarfien tagħna tad-dinja, sew dak apparentement inkonxju inkella dak li nispiċċaw nadottawh bħala għarfien naturali.

Dawn iż-żewġ volumi huma produzzjoni mill-isbaħ oħra tal-Kite, dar żagħżugħa li madankollu għandha viżjoni editorjali ċara, speċjalment fl-ambitu tal-kotba ta’ riċerka u akkademiċi. Il-ħila li nattribwilhom hija li, fost l-oħrajn, irnexxielhom jibnu katalgu ta’ ismijiet ġodda li madankollu mhumiex debuttanti, iżda li donnhom kienu qed jistennew li jsibu darhom sabiex ixerrdu l-produzzjoni tagħhom. Dawn iż-żewġ kotba huma żgur żieda indispensabbli fil-librerija li tkompli ssaqsi u tfittex biex tifhem lir-ruħ Maltija, lil hinn mill-miti imma bl-elaborazzjoni serja (imma anki parzjalment ‘irrumanzata’) tal-ġrajjiet ħajjin ta’ ġenerazzjonijiet imgħoddija.

More in Arti