Kotba | Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021

Mark Vella jagħti ħarsa lejn il-finalisti tad-diversi kategoriji tal-Premju Nazzjonal tal-Ktieb, li jipprovdu ritratt tar-realtajiet tad-dinja tal-pubblikazzjoni Maltija, bejn inizjattivi ta’ suċċess u xrariet għad-dibattitu mixgħula mill-kotba, sa lakuni inkwetanti fil-produzzjoni tal-istejjer li bihom il-bniedem ikun jista’ jimmaġina r-realtà li għad irid joħloq

Reġa’ wasal żmien il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, l-avveniment ewlieni għad-dinja tal-kotba Maltija li jaħbat ukoll ma’ mument ieħor ta’ importanza anki strateġika għall-industrija, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Żewġ waqtiet li kull ma jmur iżidu gradwalment fl-importanza tagħhom: minn naħa, dik għas-suq tal-kotba u l-aspett ekonomiku tiegħu, imma anki mill-aspett politiku u kulturali. Din is-sena hija partikolarment importanti bħala l-prova ta’ wara l-għeluq furzat tal-pandemija u l-isforz biex il-pubbliku jerġa lura fiżikament għall-ktieb, ħaġa li żgur jaf ikollha d-diffikultajiet tagħha wara t-tluq, furzat ukoll iżda mhux minn forza maġġuri, tal-festival mis-sit tradizzjonali tiegħu l-Belt għall-ispazju tal-wirjiet f’Ta’ Qali. 

Fl-istess ħin, minkejja kull diffikultà ffaċċjata mill-industrija f’dawn l-aħħar snin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għaraf, jekk mhux bilfors jegħleb, jiffaċċja l-isfidi b’mod ġodda u kreattivi, li servew sew biex iżommu f’wiċċ l-ilma lid-diversi operaturi, kif ukoll biex jibqa’ b’xi mod iħeġġeġ l-interess fil-ktieb. Anki jekk mhuwiex l-aktar prodott faċli biex jinbiegħ, hemm diversi faċċetti fl-argument ekonomiku li juru li għad hemm irkejjen varji b’potenzjal kbir li jistgħu jiġu sfruttati, u qed isiru dejjem aktar frekwenti l-mumenti fejn ktieb iqanqal xi xorta ta’ diskussjoni pubblika, anki permezz tal-eżitu tal-konkors waħdieni li għandna f’dan il-qasam. Anki jekk spiss id-diskors jinqala’ fuq riħet polemika jew inkella l-ispettaklu tal-pubblikazzjoni unika, jidher li hemm lok għall-impatt tal-ktieb u tal-kontenuti fuq it-taħdit pubbliku, minkejja li din ir-realtà xorta waħda għadha rari, anki fid-dawl tal-mod kif inhuma kkapparrati l-ispazji għad-dibattitu medjatiku.

Jekk niġu għall-Premju nnifsu, l-iżviluppi u l-bidliet reċenti li għadda minnu juru l-impenn tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal proċessi ta’ ġudizzju serji, anki bl-introduzzjoni tal-kunċett tal-lista l-qasira, li madankollu, b’differenza minn dak li jseħħ fi premji magħrufa madwar mid-dinja, huwa aktar eżerċizzju ta’ żbir neċessarju li jagħżel il-qamħ mis-sikrana. Fil-fatt, ħarsa lejn il-lista t-twila, jiġifieri l-kotba kollha li daħlu għall-konkors dis-sena, min-naħa tagħti stampa ta’ industrija li b’xi mod baqgħet tferfer u toħroġ ammont sostanzjali ta’ kotba apparagun taċ-ċokon tal-pubbliku qarrej, imma mill-oħra turi wkoll għadd ta’ limiti fil-qasam tal-kwalità u tal-ħolqien tal-kontenuti. Il-lista qasira tal-finalisti, għalhekk, mhux dejjem neċessarjament tkun tassew l-elenku aħħari tal-aħjar kotba li ħarġu, imma x’aktarx dak il-ftit meraq sura li seta’ jingħasar minn vendemmja li ma kinitx l-ideali.

Dis-sena dan joħroġ ċar fil-qasam tar-rumanz imma anki tal-ġeneri narrattivi fittizji inġenerali. Hemm kategorija storikament importanti bħal dik tad-drammi fejn ma ddaħħlet l-ebda pubblikazzjoni, li tindika sew id-diffikultà fil-pubblikazzjoni fiżika ta’ dan il-ġeneru imma wkoll in-nuqqas attwali tal-produzzjoni tiegħu. Nuqqas inkwetanti ieħor jinsab fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru tal-qarrejja u l-pubblikazzjoni, fejn iddaħħlu, tnejn biss oriġinali li m’għamluhiex għal finali, u l-ebda ktieb tradotti, għat-taqsima tal-adulti żgħażagħ mit-13 sas-16-il sena. Żewġ estremi fil-produzzjoni tan-narrattiva li jikxfu dimensjoni preokkupanti marbuta mal-produzzjoni ta’ kontenut xieraq: xejn għall-qarrejja ġodda, li taf anki tfisser l-ebda ispirazzjoni jew mudell għall-ġenerazzjonijiet Maltin li telgħin, u mill-oħra, patafjun xogħlijiet li jibqgħu jduru fl-istess ilma qiegħed tematiku u li jappellaw għal faxxa waħda ta’ qarrejja li jaf hija importanti għas-suq imma li ma titlobx wisq fil-każ tal-esperjenzi u l-isfida intellettwali. 

Il-kategorija tar-rumanz ta’ din is-sena, li s-soltu tkun l-aktar waħda miġġielda u mistennija, u li hija dik li tagħti l-preġju lill-konkors kollu (anki minħabba l-fondi u l-possibbiltajiet marbuta magħha, bħal fil-każ tat-traduzzjoni, l-esportazzjoni u l-addattament ċinematografiku), għandha biss żewġ kotba finalisti, minn lista twila li orġinarjament rat 25 parteċipant. 12 minn dawn kienu sensiela ta’ kotba popolari tal-imħabba dwar protagonisti ‘mudelli’ nisa jew irġiel għal kull xahar tas-sena! Bħala ex-ġurat għall-konkors, nagħder il-kedda li jgħaddu minnha l-ġudikanti li jkollhom jaqraw, jew almenu jqallbu b’sens minimu ta’ ġustizzja sportiva, kull wieħed minn dawn il-kotba li l-qarrej minimament imkisser ġa jkun jista’ jqishom mill-qoxra. Hija realtà partikolari ħafna tal-ktieb Malti li forsi dak li jkun jew jirrassenja ruħu għalija u jaċċettaha, jew inkella, fil-każ ta’ konkors nazzjonali ta’ prestiġju, jista’ jiddaħħal għarbiel ulterjuri, fejn il-lista qasira tkun lista tassew ta’ mertu, forsi anki ġudikata minn terna differenti minn dik finali, sabiex tassew jiġu ppremjati  u ppubbliċizzati mill-bidu nett pubblikazzjonijiet ta’ kwalità.

Din il-pawża stramba fil-proża almenu titgiddeb mill-attività qawwija fil-qasam tal-kitba qasira, ħaġa li dehret ukoll fl-edizzjoni li għaddiet, fejn jidher li għaddejjin minn fażi fejn l-aħjar kontenuti qed jiġu prodotti min-novella, mhux neċessarjament kwistjoni ta’ nifs qasir jew twil, imma forsi qawmien tal-ġeneru f’dawn iż-żminijiet partikolari li ta’ min jiġi studjat aktar fil-fond. Din il-kategorija toffri dejjem taħlita ta’ kittieba ġodda u stabbiliti, b’waħda mill-favoriti ovvji tkun Lara Calleja, rebbieħa friska tal-Premju ta-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għaċ-ċiklu Malti ta’ dis-sena, minkejja li l-bejgħa għandha wkoll il-heavywieghts bħal Joe Friggieri u Trevor Żahra. Konkors ieħor interessanti se jkun dak fil-kategorija tat-traduzzjoni, li juri ċ-ċaqliqa riċenti fl-investiment u r-riskju tal-pubblikaturi għall-qlib ta’ xogħlijiet barranin għall-Malti, u li f’din l-edizzjoni tara bilanċ bejn traduzzjonijiet ta’ klassiċi kanoniċi u pubblikazzjonijiet ġodda minn pubblikaturi u awturi barranin stabbiiti.

Bħal dejjem, is-settur l-aktar produttiv, minbarra dak tat-tfal tal-Premju Terramaxka, huwa dak li nistgħu nsejħu tal-Melitensia, jiġifieri il-kotba tal-istorjografija u r-riċerka, fejn hemm ħemel pubblikazzjonijiet ta’ kwalità għolja ħafna, anki mil-lat tad-disinn u l-preżentazzjoni. Ikun inġust li wieħed isemmi l-favoriti, mhux biss minħabba l-gost tal-pubblikazzjonijiet jissieltu fil-kompetizzjoni, iżda anki minħabba l-preġji ta’ kull ktieb fil-lista l-qasira: imrewħa wiesgħa li tinfirex mill-istorja għall-bijografija, il-kritika letterarja, l-arti u r-riċerka reliġjuża, fost bosta titli oħrajn.

L-aħħar settur li ħaqqu attenzjoni u li qed juri progressi interessanti huwa dak tan-non-finzjoni letterarja, titlu kemm xejn żgwidanti, jekk mhux ossimoriku, imma li jipprova jagħżel ir-riċerka minn produzzjonijiet li jitbandlu bejn il-kreattiv u l-akkademiku. Fost il-kotba li jistgħu jissemmew, hemm it-trattat filosofiku Sejjieħ il-Ħsieb ta’ John Baldacchino, il-ktieb ‘mhux miktub’ ta’ reminixxenzi mużikali xprunati mill-pandemija Noti-Toni-Jien ta’ Immanuel Mifsud u Toni Sant, u wieħed mill-kotba tas-sena li huwa d-djarju mill-ħabs ta’ Daniel Holmes, ippubblikat mil-LovinMalta bħala spin-off mitbugħ tas-segwitu ġurnalistiku dwar il-ħabsi Britanniku kkundannat għall-pussess tal-ħaxixa.  

Minkejja li sena stramba għal dak li jitqies strettament bħala letteratura, hemm diversi oqsma oħra fl-edizzjoni ta’ din is-sena li jistgħu jipprovdu skop kbir għad-dibattitu u li juru wkoll li b’xi mod is-suq tal-kotba huwa ħaj u qawwi, anki fid-dawl tal-esperimentazzjoni u d-dħul għall-isfidi mhux faċli, u anki għall-varjetà ta’ stimoli u kontenuti li l-kittieb Malti qed jaffronta b’suċċess.

More in Arti