Letteratura | Palazzi fl-art u kastelli fl-ajru

Mark Vella jibqa’ ma jaqtax qalbu meta jara r-riżultati apparentament negattivi tas-sondaġġi dwar il-qari. Minflok, jissuġġerixxi li nibdlu l-attitudni għal waħda aktar realistika u umli, li tmur lil hinn mir-retorika u l-idealiżmu sabiex tiskopri kif jaħdem tassew il-ktieb fuq in-nies.

Is-sondaġġi dwar il-qari donnhom qatt ma jkollhom tmiem hieni. Speċjalment dawk għal Malta fejn ilna żmien u għomor nilmentaw dwar dan il-poplu li ma jaqrax. Huwa ilment simili għal dak ta’ bosta pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, fejn donnu dejjem jiġi kkonfermat il-klixè ta’ kif ix-xemx u l-istedina għall-ħajja fil-beraħ ma jqanqlux il-ħtieġa għall-qari u r-riflessjoni daqs kemm jagħmlu l-ksieħ u l-borra tat-Tramuntana li jżommuk maqful ġewwa.

Sondaġġ riċenti għall-Illum jikkonferma din ix-xejra, almenu mal-ewwel daqqa t’għajn, u kontemporanjament sondaġġ ieħor fl-Italja ta’ ftit jiem wara jdoqq l-istess twerżiqa tal-balomba. Hemm kriżi ġenerali fil-qari, miġjuba anki mill-kundizzjonijiet ekonomiċi sfavorevoli tal-pandemija u, bħal fil-każ tal-editorija Maltija, l-għeluq id-dar ma fissirx bilfors li dak li jkun tħajjar jaqbad ktieb f’idejh. Bl-istess mod, jidhru xejriet ta’ tnaqqis fil-qasam tal-qarrejja ‘dgħajfa’, dawk li ġa qajla jaqbdu ktieb fis-sena.

Ir-riżultati jistgħu jiġu interpretati faċilment, forsi wisq, bit-tort jaqa’ mill-ewwel fuq varjetà ta’ fatturi, mill-kompetizzjoni qawwija tal- online sal-kunsiderazzjoni ġenerali ta’ kriżi kulturali mifruxa li tħabbar l-avvent tal-barbari jħabbtu ma’ bwieb il-belt. Huma kunsiderazzjonijiet li, madankollu, jidhru mgħaġġla, anki meta wieħed jipprova jistħarreġ ir-riżultati f’ċertu dettall. Fil-każ ta’ Malta, ir-ritratt juri li l-ktieb xorta waħda għadu jolqot mill-inqas wieħed minn kull tlieta tal-popolazzjoni. Dak li għandu mnejn jidher bħala problematiku jaf jiġi sfruttat għat-tajjeb jekk ninsew għal ftit ir-retorika intellettwali li tikkastiga lil min ma jaqrax u jekk naraw fejn eżattament il-qari għadu ħaj jew saħansitra kapaċi jkompli jikber u jiffjorixxi: iż-żgħażagħ u l-qasam bejn is-16 u l-35 sena, u s-settur tal-popolazzjoni li għandu edukazzjoni terzjarja.

Tista’ ma tkunx konsolazzjoni, speċjalment għal min jaqla’ x’jiekol mill-qasam tal-kotba, u anki għal dawk li jemmnu li l-qari għandu xi setgħa ċivilizzanti. Din tal-aħħar jaf fehma qarrieqa, anki jekk intenzjonata tajjeb, għaliex ta’ min anki wieħed jiddiskuti dak li huwa x’aktarx mit li jsostni l-qari huma minnu nnifsu edifikanti u jagħmlek aħjar. Mingħajr ma naqgħu għall-eżempji estremi ta’ nies kolti li xorta waħda kienu kapaċi jwettqu għemil mill-aktar ħajjen, anki ħarsa lejn il-panorama editorjali kontemporanja turina varjetà immensa ta’ xogħlijiet popolari li mhux bilfors jidħlu kexxun f’din il-viżjoni. Il-gwerer kulturali mmexxija minn xi ħadd bħal Jordan Petersen żgur żiedu l-qari f’kategorija ta’ rġiel qed ifittxu sens ġdid għall-eżistenza tagħhom f’dinja soċjalment aktar inkomprensibbli. Min-naħa l-oħra, se ssib, l-aktar fuq in-naħa l-oħra tal-barrikata ideoloġika, min sejjer jinkwieta dwar influwenzi bħal dawn li jmorru kontra idea monolitika tal-kultura bħala li, biex nagħtu biss żewġ eżempji kuntrastanti, jew tirfinalek is-sentimenti u ġġibek ċertu xorta ta’ doċli, jew inkella tqanqlek biex tkisser sistema li daż-żmien, madankollu, jew hemm aktar minn waħda minna jew inkella mhijiex l-istess għal kulħadd.

Il-każ tal-Italja narah dejjem interessanti għax pajjiż simili għal tagħna, mhux biss fis-sens vag tal-ambjenti u t-temperamenti, imma anki minħabba r-rabta storika u kulturali tant qawwija, iżda li spiss tiġi sottovalutata anki mill-intellettwali. Sa mis-sittinijiet, dawwarna ħarsitna lejn id-dinja Anglo-Sassona li mhux bilfors dejjem qdiet il-ħtiġijiet speċifiċi tagħna, sal-adorazzjoni kontemporanja tal-Iżlanda (u forsi anki x-xiri għami tan-nation building tal-gżira Skandinava) li donnha kull fejn tmiss kulturalment isirilha deheb, mill-mużika sal-letteratura, u saħansitra fl-isport. Id-dinja, naturalment, hija enormi, u filwaqt li m’għandniex nibqgħu kkakkmati fi globu wieħed, jew inkella nerħu dinja biex nivvjaġġaw lejn oħra, ikun siewi li nżommu ħarsa miftuħa u mifruxa daqs l-infinità ta’ stimoli li daż-żmien jiġuna mid-dinja online.

X’qed jaqraw it-Taljani bħalissa? Minkejja t-tgergir ġustifikat, f’pajjiż bi storja kulturali ta’ min jgħir għaliha, u ħemel  kotba u pubblikaturi ta’ kull xorta, il-qarrejja, mid-dgħajfa għall-felħana, kollha missew ma’ Stefania Auci u s-saga tagħha I Leoni di Sicilia. Fl-2019, l-ewwel volum mis-sensiela biegħ rekord ta’ 300,000 kopja, u dar-rumanz kull ma hu rumanz storiku, all’ antica, minn dawk li nafuhom sew aħna hawn Malta. Huwa rumanz interessanti fuq livell storiku, irriċerkat għall-aħħar, u juri sew il-ġrajjiet ta’ familja ta’ negozjanti fil-Palermo bejn is-sekli 19 u 20; madankollu, qarrej felħan jaf jgħidlek li l-karattri huma stereotipati u d-djalogi patetiċi jew xotti, u l-maġġoranza tal-qarrejja, statistikament ‘dgħajfa’, se jgħidulek li żammhom u ma telquhx minn idejhom, u iġri joħroġ il-volum li jmiss.

Hemm bżonn għalhekk naraw x’irridu mill-kotba u mill-qarrejja. Jaf wasal iż-żmien li nitilqu mill-idea astratta għall-aħħar tal-edifikazzjoni u nersqu, anki jekk b’pass kawt kemm ma naqgħux fil-banalità tas-sempliċi bejgħ, xiri u qligħ, għal idea tal-industrija u, anki b’mod aktar granulari, tad-diversi oqsma ta’ qarrejja quddiem l-immensità ta’ kotba li jinħarġu fis-sena. F’Malta wkoll, l-ammont ta’ kotba mitbugħa, li dejjem jikber u li l-ħin kollu niċċelebrawh dan l-għadd dejjem joktor, jaf huwa sproporzjonat quddiem l-ammont potenzjali ta’ qarrejja, u huwa ovvju li se jkun hemm dawk il-waħdiet li jispiċċaw, sew għax b’ħilithom sew għax hekk jiddetta s-suq, jaħtfu l-kejk kollu, bl-oħrajn jiġġieldu għal-loqom. Xorta waħda, hemm diversi niċeċ li jistgħu jiġu esplorati, u anki ħtieġa ta’ problematizzazzjoni tad-dinja tal-qari li tista’ twassal għal soluzzjonijiet li jrendu. Għala qed jaqraw aktar iż-żgħażagħ, imma x’qed jaqraw? Hemm xi rabta mal-istimoli li jiġuhom lil hinn mill-qari imma li mbagħad imexxuhom lejn il-ktieb? Għala ta’ ċertu nħawi jaqraw inqas minn ta’ oħrajn? Għala l-anzjan forsi ma jsibx ktieb li jgħodd għalih? U, minn fost bosta mistoqsijiet oħra, x’qed tagħmel l-iskola biex tħajru l-qari, jew aħjar, biex ma tgerrixx minnu?

Make books great again

Mark Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, donnu dil-biża’ ma tagħmilx bih. Mhux biss għax l-istatistika m’għandhiex imnejn tgiddbu, imma anki għaliex għan il-ħidma tal-entità governattiva li jmexxi hija l-promozzjoni tal-ktieb b’kull mezz possibbli għat-tgawdija tal-atturi kollha fil-katina, mill-pubblikatur sal-qarrej, u l-ħaddiema l-oħrajn kollha bejniethom. L-islogan li Camilleri qed ixerred dal-aħħar fuq il-media soċjali huwa kollu hemm hu tiegħu u mhux xi branding uffiċjali tal-Kunsill, imma t-tidwira ironika tal-għajta ta’ Trump turi fidi fil-ktieb u dak kollu li jista’ jwiegħed, imma anki x-xewqa li l-karta stampata terġa’ ssir mezz rilevanti minkejja l-isfidi tat-tekonoloġija u d-diversjonijiet ta’ din is-soċjetà ġdida li għadna qed niskopruha.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ dis-sena ma stedinx lil Irvine Welsh b’kumbinazzjoni bħala ċ-ċelebrità għal din l-edizzjoni. Welsh u d-dinja ta’ madwaru kienu influwenti għall-feġġ ta’ kitba u editorija ġdida f’Malta fi tmiem id-disgħinijiet, u l-isforzi ġodda tal-Kunsill flimkien mal-bosta żviluppi bla heda li qed iseħħu fil-qasam donnhom verżjoni aktar sofistikata u potenzjal tal-perjodu fejn grupp ta’ nies ippruvaw jerġgħu iqiegħdu l-ktieb fuq l-aġenda tal-pajjiż. Il-ktieb kapaċi jqanqal, kif rajna mill-aħħar ġrajja dwar il-bijografija ta’ Mintoff, u kif qed iwiegħed l-istess Camilleri bi ktieb li qed ilesti u li mid-dehra se jaqla’ l-ħama dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti u ċertu personaġġi dubjużi tagħha.

Fl-istess ħin, hemm proġett li qajla jissemma fil-beraħ, imma li jaf ikun il-pedament meħtieġ għal infrastruttura xierqa għall-kotba li bħalissa hija nieqsa, u li forsi anki twassal għall-kastelli fl-ajru tal-ħolm u l-ideali dwar il-qari li spiss jissarrfu f’diżappunt meta jaħbtu ma’ realtà mhux investigata biżżejjed. L-hekk imsejjaħ Palazz tal-Kotba (jew kif ġa għammdu Camillieri) huwa bini mitluq il-Belt li ħadu f’idejh il-Kunsill tal-Ktieb għar-restawr, u li fi żmien tliet snin oħra, se jservi mhux biss bħala l-uffiċji tal-entità governattiva, imma anki ta’ ħanut tal-kotba u mużew tal-letteratura.

Ċentru bħal dan għandu l-għan li jipprovdi għajn ġdid ta’ dħul finanzjarju għall-industrija tal-kotba, u fl-istess ħin jisfida d-drawwa tal-ispazji pubbliċi li jiġu kkapparati mill-privat li ma jispiċċa ma jrodd xejn lill-kultura u lill-komunità tal-post. Huwa spazju strateġiku bħal dan li kapaċi jmexxina lejn metodi aktar realistiċi u fattibbli ta’ kif immexxu l-kotba u nħajru lil min jaqrahom, mhux billi nbellgħuhom lin-nies skont id-daqqa ta’ tanbur ideoloġika li jtarrax, imma billi naraw il-kumplessità ta’ suq li ġejja mill-fatt li li trid tbigħ il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet u tolqot il-mitt fehma ta’ mitt bniedem.

More in Arti