Letteratura | Ix-xibka mudlama

Lil Mark Vella entużjażmah Nyctophilia, l-ewwel rumanz ta’ Daniel Schembri, anki għax jidħol bla kantunieri fl-irkejjen l-aktar profondi u mudlama tal-bniedem u tal-motivazzjonijiet għall-azzjonijiet u l-għażliet tiegħu

Daniel Schembri
Daniel Schembri

Nevita li nkellem lill-awtur biex nifhem xogħlu, għax nemmen li x-xogħol jitkellem għalih innifsu. Sakemm mhux qed isir xi studju partikolari, u hawn forsi mmur kontra xi xeħtiet ta’ prassi jew fehim, ma rrid nisma’ xejn mill-bniedem tad-demm u l-laħam li fantas in-narraturi u l-karattri tar-rakkont tiegħu. Did-darba, żgarrajt tikka minn dan il-prinċipju, anki għaliex awtur ġdid b’rumanz li xrobtu, u għalhekk smajtu fuq Taħt il-Qoxra, il-programm radjufoniku-online tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u ktibtlu messaġġ biex insaqsih għala ma ħarġux ma’ pubblikatur.

Din tal-aħħar minħabba li almenu nofs Nyctophilia (awto-pubblikat, 2021, distribwit mill-BDL, €10) kapaċi jiskandalizza għaxar darbiet daqs Li Tkisser Sewwi. Il-każ ċelebri ta’ Alex Vella Gera u Mark Camilleri kien serva biex idawwal l-idjozija taċ-ċensura pudika kif ukoll ta’ edukazzjoni letterarja zoppa – li kienet skandalizzatni għax l-agħa kien qam mill-imkejjen suppost dotti – li attribwiet, b’eki tal-ġrajjiet extra-filmiċi ta’ Il-Madonna taċ-Ċoqqa fi żmienu, l-intenzjonijiet letterarji lill-awtur li jġib ismu fuq il-qoxra. Il-kilba tax-xovinist ta’ Vella Gera hawnhekk tiddistingwi lilha nnifisha bħala deskrizzjoni ta’ karatteristika soċjali u kulturali, b’riskontri kwotidjani mad-dimensjoni Maltija u Mediterranja tagħna – u għalhekk hija pass importanti fil-mixja tal-letteratura tagħna – iżda mhi assolutament xejn quddiem id-deskrizzjoni dettaljata ta’ akkoppjament minn wara mmexxi mill-alluċinazzjonijiet miġjuba minn bolla LSD.

Madankollu, la Vella u Gera u lanqas Schembri ma kitbu l-pornografija. Anzi, kapitlu minnhom tar-rumanz jismu proprjament Pornosofia, il-forma tal-għerf marbuta mal-imħabba u l-apprezzament tal-pornografija, anki fis-sens etimoloġiku oriġinali tal-pjaċir mogħti mill-porni, il-prostituta tal-Greċja Antika li, bħalma hu l-iskop tal-eqdem mestier tad-dinja, xogħolha mhix biss li sserraħ istint iżda anki li tagħti esperjenza lil tmur lil hinn minn dawk limitati u ddettati mis-sikkaturi liġġiema tal-moralità soċjali. Pornosofia huwa wkoll ktieb tal-filosofu Taljan Simone Regazzoni, li jesplora l-pornografija mingħajr il-moraliżmu mistenni mill-filosofija tradizzjonali bħala fenomenu mill-aktar qawwi tal-kultura tal-massa.

Is-sess huwa ċentrali, għalhekk, f’Nyctophilia, u nieqaf hawn anki għaliex il-ktieb maħdum b’sengħa ta’ rakkont li jżommok taqra, mhux biss għas-soluzzjoni ta’ plott essenzjalment lineari u għalhekk forsi sempliċi, imma għaliex it-tensjoni tat-tmiem hija ddeterminata mill-ħila li jinħolqu karattri li l-ħjiliet dwar ħajjithom u l-motivazzjonijiet tagħhom jitqiegħdu f’ekwilibriju perfett li jsostni l-pass tal-istorja. Minkejja żewġ protagonisti ewlenin li nisimgħu b’alternanza r-rakkont tagħhom fl-ewwel persuna, hemm żewġ karattri oħra kriptiċi u fiżikament assenti, speċjalment fil-mod kif jikkontribwixxu għall-ħolqien tas-sitwazzjoni kumplessiva tar-rumanz, u anki l-karattri wisq aktar verosimili tal-omm u n-nanna tal-protagonist iroddu konkretezza soċjali u tipika konvinċenti.

Rumanz dwar id-dlam u l-mibegħda tad-dawl, dawl Malti għalkollox li mill-ewwel ifakkarna fis-sħanat tal-istaġun. L-imħabba għad-dlam, li tagħti l-isem lir-rumanz, talludi għal dlam li mhuwiex biss fiżiku, fis-sens tan-nuqqas ċikliku tad-dawl, imma ta’ dlamijiet tar-ruħ li fuq livell superfiċjali jistgħu jiġu kklassifikati bħala tabù, anki soċjali, iżda li fir-rakkont ta’ Schembri jaslu sal-qigħan tal-perverżjoni u l-fetiċċju li huwa komuni f’kull wieħed u waħda minna aktar milli nixtiequ nammettu. Huma saffi tal-eżistenza tagħna li jiġu amplifikati bl-użu liberu tad-droġi imma anki mill-moralità partikolari tal-karattru ewlieni li jibni l-filosofija ta’ ħajtu madwar l-għażla tan-nuqqas tal-lgiem.

Mhuwiex se jkun karattru simpatiku għal kulħadd, anki għaliex mhuwiex maħsub li jkun. Imma l-valur tal-kitba ta’ Schembri qiegħda primarjament fil-plawżibbiltà ta’ karattru li minkejja li lil hinn minn kull moralità konvenzjonali, mhux xi libertin gratwit (u hemm taf qiegħda l-firda delikata mill-waqgħa għall-pornografija) jew inkella għodda bla ruħ għat-titillazzjoni gratwita, u lanqas xi psikopatiku pass ċkejken ’il bogħod minn xi Jason Bateman. Il-bidu ta’ ġrajjietu taf tqarraq, speċjalment fl-ewwel battuti tal-ktieb li huma partikolarment mgħobbija bil-metafori u x-xbihat imma fejn xi kultant ifeġġ kemm kemm is-sogru tas-sabta mill-għoli tas-sublimi għall-wita tal-banali. Ħaġa li Schembri jiskolpa ruħu minnha hekk kif tibda taqbad sew in-narrazzjoni, imma għal mument ħsibt li dan seta’ kien biss tarġa tikka ogħla mis-‘sixth-form poetry’, l-arti taż-żgħażagħ ma jafu xejn mill-ħajja li xi kultant ta’ adulti jispiċċaw joħorġuha għall-beraħ xorta f’awto-pubblikazzjoni. Dan għaliex il-karattru f’xi mumenti jagħti anki l-idea ta’ incel jobgħod lin-nisa, imma din l-impressjoni mill-ewwel taqa’ malli niskopru l-missjoni sesswali attiva tiegħu. Mumenti oħra, il-faxxinu bin-notturn jaf jidher artifiċjali, tfuli jew kappriċċjuż, bla motivazzjoni partikolari, speċjalment bl-allużjonijet bikrin għall-metal, is-sataniżmu, ċertu friegħi tal-pornografija...insomma, id-dark web mhux daqshekk inaċċessibbli ta’ ċertu ħajjiet.

Lura għall-iskandlu potenzjali, Schembri kulma qalli hu li kien hemm pubblikatur li m’emminx fil-vijabbiltà kummerċjali tal-ktieb. Ħsibt mod ieħor, u immaġinajt storja ta’ rifjut globali wara tidris bigotta. Imma lil hinn minn dan, it-tħaddim tal-kelma Maltija ta’ Schembri huwa wieħed li jisfronda ċertu parametri letterarji stabbiliti, u anki f’dan il-kuntest, xogħlu huwa x’aktarx uniku fil-kuntest usa’, anki storikament, tal-kitba Maltija. Id-deskrizzjonijiet u l-kunċettwalità, mhux biss fil-qasam tas-sess jew tad-drogi, iżda anki fl-ambitu tad-deskrizzjonijiet tal-kuntesti familjari jew tal-bosta patoloġiji u mardiet li jżiegħdu dar-rumanz, huma espressi b’għażliet u kostruzzjonijiet naturali (kif ukoll mumenti poetiċi) li ma jisforzaw la naħa u la oħra, u li jħallu wkoll il-post biex il-kittieb jikkonja kliem-kunċetti tiegħu stess li jidħlu kexxun f’punti strateġiċi tan-narrazzjoni.

Iktar milli distopija, u żgur mhux eżerċizzju masturbatorju, din ġrajja ta’ persunaġġi b’moralità u għodod biex jagħmlu sens tal-eżistenza, li jmorru kontra kull karatteristika stabbilta sew tal-ħajja soċjali standard, imma wkoll ta’ ċertu konfini spiss imposti fuq it-tiswir tal-ġrajjiet Maltin. F’daħla li seta’ għadda mingħajrha l-awtur, għax frankament inkomprensibbli daqs xi wħud mit-tifħiriet fuq il-qoxra ta’ wara, u għax, kif għidna ġà, ix-xogħol irid jitkellem għalih innifsu (u jirnexxilu), l-awtur jipprova jiġġustifika l-proċess tal-kitba, iżda wkoll isemmi l-antieroj. X’aktarx ir-referenza hija għall-forom differenti li wieħed isib ħemel imżewwaq minnhom fil-letteratura dinjija, għaliex dan żgur mhuwiex antieroj Malti. Mhuwiex ikkastrat mis-soċjetà, mhuwiex tellief ġà qabel ma tibda l-ġrajja, u lanqas ma huwa xi ruħ nobbli.

Anzi, dak li jolqotni fil-karattru, anki fuq livell ta’ storja letterarja Maltija, kif ukoll kif ikkontrollat mill-kittieb, hu li huwa konxju mill-perverżjoni u l-missjoni indannata tiegħu, imsejsa fuq vjolenza li, jekk mhux vendikattiva, hija waħda premeditata u organizzata b’kompliċitajiet kriminali u patoloġiċi. U, mingħajr ma nikxfu tmiem l-istorja, l-iżvilupp tiegħu tul l-ark tan-narrazzjoni ma nistgħux ngħidu li jwasslu għat-telfa. Id-dikotomiji tas-soltu hawnhekk jaqgħu, u ta’ min dal-ktieb jitgawda għall-prodott uniku li hu u anki għaż-żerriegħa ġdida li mnejn għandu jnibbet fl-għalqa letterarja Maltija.

Semmejtha ftit lill-karattru mara, u forsi qed nidneb hawn daqskemm jafu jkunu qed jidinbu l-awtur u l-karattru li għal darb’ oħra jpinġu mara essenzjalment vittma li x’aktarx kienet hi t-telliefa mill-bidu, anki jekk ir-rumanz jiftaħ b’sensiela ta’ xbihat interessati, immotivati minn għemil mara, dwar relazzjoni fi kriżi bbażati fuq il-kunċett tal-bini u tal-arkitettura, donnha tislima lit-‘tafal morchi’ ta’ Caxaro.

Fuq kollox, però, dan mhuwiex ktieb maħluq mix-xejn u msejjes fuq ix-xejn. Id-dinja kif milmuħa mil-fantażiji perversi u min-nuċċali tad-droga, fost l-oħrajn, hija wkoll id-dinja dejjem aktar komuni tat-“traġedja arkitettonika ta’ gallinari sitt sulari li ħanqet lir-raħal”, u din l-asfissija hija wkoll eżemplifikata tajjeb ħafna fir-relazzjonijiet familjari. Sandra li tqajjem lill-protagonista OCD u nevrotika kull Ġimgħa filgħaxija wara li tidħol sakrana f’dar li ma tiħux ħsiebha, filwaqt li l-oħra tnaddaf u tillostra u tingassa l-listi tal-fizzazzjoni u l-ossessjoni; u l-karattru li rajtu rnexxa sew tan-nanna kważi ċentinarja li żżomm familja ostaġġi u li sservi anki bħala kontrappunt realistiku għall-fantażiji tal-ħama, ħmieġ u mard li jmexxu lill-karattru ewlieni.

Schembri jagħti tassew daqqa ġdida lill-kitba Maltija u jaf ħabat tajjeb li l-massa moralistika mhux se tiddarras b’dan il-proġett li ma tantx jaf bih il-pubbliku wiesa’. Għax it-tidris, anki f’sens ta’ provokazzjoni sana, ta’ min iħossuh il-kittieba did-darba

More in Arti