Letteratura | Mix-xquq, it-tama

Mark Vella jqawwi qalbu b’inkjesta dwar il-bejgħ alternattiv tal-kotba f’Malta, fejn lil hinn mill-monotonija tal-offerta dominanti, hemm għażla interessanti u dinamika ta ’opportunitajiet għal esperjenzi ġodda ta ’qari u akkwist tal-kotba

L-akbar klixè hi li l-klixè tant għandha verità kbira marsusa fiha li għalhekk hi li hi. U nagħmlu minn kollox biex nevitawha. Nippruvaw ngħiduha mod ieħor il-ħaġa, l-aqwa li nisfidaw l-awtomatiżmi li l-ħajja jġibuha kollha xorta. Il-ġimgħa li għaddiet, aċċennajt għal-livellament fejn tidħol f’kull ħanut ewlieni u tara dejjem l-istess ħaġa, l-istess kotba. Tant li kważi tgħaddiha aktar iddur is-supermarkets milli l-librara, għax almenu tara ditti differenti jħajruk tvarja x-xirja.

Klixè oħra veritiera hija mbagħad dik li tiżgħed il-posters motivazzjonali u li għandha diversi varjazzjonijiet. Jien u nfittixha, jidher li anki attribwita għall-komiku irriverenti George Carlin u tfakkar ukoll fi kliem Leonard Cohen dwar id-dawl li jgħaddi mix-xquq. Il-fjura waħdiena li tikber mix-xquq tal-ħitan, jew inkella f’xi ħaġa mejta bħall-konkos u l-konkrit, u dil-ġimgħa ndur in-nies u l-imkejjen qawwitli qalbi b’dan il-mod. Anki fil-monotonija griża daqs dik tal-bini ikrah tiela ’kullimkien, qed jinbtu rimjiet ta ’reżistenza. Bastjuni ċkejknin iżommu t-taqbida għaddejja, imma li wkoll iġegħluna nitħassbu dwar assunzjonijiet wisq faċli li spiss nagħmlu dwar il-qari u l-konsum tal-kotba f’pajjiżna. U hemm nerġgħu niġu għall-klixè.

Dan ħareġ anki minn kliem Pietro Bossi, sid ta ’Solo – Vinyl and Books (92 Triq Bordin, l-Imsida), u Roderick Mallia ta ’Mallia & D’Amato Books (fuq Facebook). Il-Maltin, u dan minn ras il-għajn, allura, qarrejja kurjużi u jfittxuh il-ktieb. Ħalliha li l-istatistiċi uffiċjali jgħidu eżatt il-kontra, u nispiċċaw nestrapolaw dawn is-sejbiet għal kull realtà li mmissu magħha, mit-tfal tal-iskola saż-żgħażagħ moħħhom fil-mobile u l-ġudizzju faċli dwar injoranza ġenerali ta ’poplu. Preġudizzju infurmat ħażin, sew boomer sew borgiż? Minn wara l-bank stivat diski, Bossi jkellimni dwar il-klijentela varjata tiegħu, li nikkonfermaha jien u nosserva min dieħel iqalleb. It-tfajla bil-libsa ħafifa tikxfilha dirgħajha mpinġija, u l-koppja kiebja qed tagħżel bir-reqqa mill-kotba. Donnu jipponta minn taħt biex jurini: ara min jiġi hawn. Kulħadd, ħlief l-estremi li tistenniehom jidħlu jliegħbu f’post bħal dan: l-intelligentsia u l-intellettwali (kemm biex nibqgħu fit-tema tal-klixejiet totalizzanti) u l-klikek nominalment alternattivi.

L-istess jifhimha Roderick Mallia, minkejja attività għal kollox differenti mill-ħanut tal-kotba u d-diski ta ’Bossi. Lil Mallia & D’Amato rsaqt lejhom b’kurżità kbira għax mudell li domt biex nifhmu. Azjenda ċkejkna li sidienha stess jgħidu li mhix qiegħda għal xi qligħ enormi, fl-aħħar mill-aħħar, imma mwielda mill-imħabba għall-kotba ta ’tnejn min-nies bi professjonijiet mhux relatati mal-industrija li daħlu għaliha. Wieħed kittieb mediku, l-ieħor analista informatiku. Mallia & D’Amato jeżistu tista ’tgħid online biss, sakemm tarahom ma ’wiċċek iwasslulek il-kotba d-dar u jieqfu jgħidu kelma miegħek. Ispirati minn klabb tal-kotba li kienu jipparteċipaw fih, joffru l-esperjenza lill-qarrejja li qajla saru jsibuha fil-ħwienet tal-kotba. Jordnawlek il-kotba minn barra, u jistinkaw biex anki jġibuhom bi prezz anki aktar favorevoli minn dak tad-distributuri online. Imma mbagħad, jagħmluha ta ’kumpanni għall-qari tiegħek. Għoġbok awtur u qed titħajjar taqra x-xogħlijiet l-oħra tiegħu, jew forsi trid xogħlijiet simili? Ituk konsulenza dwar x’tista ’taqra, u jaħdmulek dak li jsejħulu bundle, għażla li tifhem u tinterpreta t-twebbila li kellek, u jgeżwruhielek f’pakkett speċjali b’messaġġ personali bil-miktub. Mhux kaxxa oħra mill-ġunġla tal-imħażen imxerrdin mad-dinja miġjuba minn messaġġier mgħaġġel, imma rigal għal kull darba li tħajjart taqra.

L-offerta varja minkejja ċ-ċokon tal-impriża, li żżomm ukoll stokk żgħir skont ix-xejriet li jkunu qed jissawru. Mallia jgħidli li hemm firxa partikolari ta ’klijenti li jkellmuhom mhux biss għall-parir għall-qari tagħhom, imma anki għal rigali adattati għal min se jirċevihom, jew inkella ġenituri li qed ifittxu kotba speċjali għal uliedhom. Fuq din tal-aħħar, jidher li hemm xejra ġenerazzjonali fejn il-ġenituri jipparteċipaw fl-esperjenza tal-qari billi jirriċerkaw, anki permezz ta ’kuntatt bħal dan, dwar x’jista ’jiżgħed l-orizzonti tat-tfal tagħhom.

L-inizjattiva u l-attività, f’sens ta ’proċess taħ ’sieb u ta ’immaġinazzjoni, huma tista ’tgħid il-fil li jgħaqqad din id-dinja tal-bejgħ alternattiv tal-kotba. Bħalma, nagħtu każ, Mallia u D’Amato jipproponulek pakkett tal-longlist kollha tal-Booker, jew inkella ktieb relatat mal-aħħar sensiela li rajt fuq Netflix, Pietro tas-Solo l-ktieb Malti ma jaqbadx u jordnah online, imma jżur l-imħażen tad-distributuri jara x’jgħodd għalih. Fl-għażla tgħammxek ta ’kotba l-ġmiel tagħhom dwar suġġetti varji, mill-arti u d-disinn sal-ġurnaliżmu u l-arkitettura, għandu wkoll xkaffa dejjem tikber ta ’xogħol Malti li ma ssibux fil-vetrini tal-ħwienet ewlenin. Minn xogħlijiet awtopubblikati jew inkella suġġetti li jaqblu mal-ethos politiku tal-ħanut, Bossi jħoss li għandu jmissu l-ktieb u jsir sidu, fis-sens li jagħmel l-għażla konxja li jixtrih, jippromwovih u jġorru sakemm jitlaq lejn il-qarrej. Ikellimni dwar l-etika punk tal-attività tiegħu u l-esperjenzi tiegħu f’Milan, fejn tkisser fl-attività tal-kotba, u jtini li nkompli nsaqsi imma noqgħod lura biex ma ntellfux mill-klijenti. Fost l-oħrajn, jolqotni l-fatt li l-attività bla dejn, kull ma għandha mħallas u tagħha, u x-xogħol iġibu biss meta jkollu l-flus biex jixtrih.

Post ieħor li adotta mudelli ekonomiċi simili huwa Kixott (169, Triq il-Kbira, il-Mosta), il-kunċett tal-fotografu u diżinjatur Zvezdan Reljić u erba ’freelancers iżiġġu minn proġett għall-ieħor, li ddeċidew li jiġġieldu kontra l-irdieden, bħall-kavallier ta ’Cervantes li għammed lil din l-impriża li għandha aktar l-identità taċ ’entru kulturali. Bħalma Solo sar b’xi mod punt ta ’riferiment għal xirja kotba alternattivi, Kixott irrestawraw binja antika fil-qalba tal-Mosta li tħaddan fiha bar, spazju għall-wirjiet u attivitajiet varji, u xkafef ta ’kotba magħżula bir-reqqa u l-prinċipji li jiddefinixxu l-attività. Għażla ta ’narrattiva u poeżija anki b’lingwi differenti (fosthom verżjonijiet differenti tal-Passaport ta ’Antoine Cassar), femminiżmu, politika u soċjoloġija, u anki x-xogħol ta ’EDE Books, id-dar tal-kotba mibdija minn Zvezdan li tispeċjalizza fl-immaġni, iżda mhux biss, bħal fil-każ ta ’Mill-bieb ’il ġewwa ta ’Loranne Vella, finalist għall-kategorji tan-novelli tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li għadda.

Mhux kollox alternattiv, kumpless jew inkella barrani. Omonimu tiegħi ilu mill-2001 ibigħ kull xorta ta ’kotba fil-fieri pop-up tal-Bargain Box (fuq Facebook) li jżuruhom kull kategorija immaġinabbli ta ’klijenti, fosthom dawk li għandek imnejn tqishom mhux-qarrejja, mal-ewwel daqqa ta ’għajn. Apparti l-pubblikazzjonijiet Wise Owl tagħhom, huma fost il-ftit li jispeċjalizzaw fir-remainders u ċertu xiri u bejgħ bir-ribass li jipprovdi kotba bi prezzijiet affordabbli għall-aħħar. L-awra tal-ktieb u tal-librar tiġi ssagrifikata, imma l-għażla tinkludi kotba rħas anki għax prodotti b’dak il-għan, bħal nagħtu każ edizzjonijiet ekonomiċi bl-Ingliż tal-klassiċi tal-letteratura, jew kotba ta ’referenza, bijografiji, u pubblikazzjonijiet storiċi aċċessibbli. Mark Anthony Vella jaqtagħli wkoll il-kurżità dwar il-faxxinu tiegħi għal dawn il-fieri fejn regolarment insib sorpriż kotba Maltin siewja li jkunu żelqu minn kull possibbiltà li jimxu, jinbigħu jew isiru magħrufa. L-impriża okkażjonalment tixtri l-fdalijiet tal-istokk taċ ’ertu pubblikaturi u għalhekk wieħed jista ’jagħmel sejbiet interessanti, fosthom mill-katalgu ta ’Bugelli, kotba varji dwar folklor u storja, u anki studji u kotba ta ’referenza lokali.

Lil hinn mill-ktieb, din hija wkoll opportunità għar-riġenerazzjoni urbana u komunitarja, u l-operaturi stess kollha kelma waħda: li hemm wita mifruxa biex ikomplu jinbtu dal-fjuri sbieħ u ċkejknin minn fost ir-radam u t-torbien.

More in Arti