Letteratura | L-istat tan-nazzjon: il-politika tal-letteratura u l-letteratura politika

Mark Vella jistħarreġ ir-relazzjoni bejn id-diskors u l-poter fil-punt kritiku fejn il-letteratura ta’ xeħta politika potenzjalment tissarraf f’attiviżmu li jmur lil hinn mill-karta. Ħarsa lejn ir-rumanzi L-Aqwa Żmien ta’ Immanuel Mifsud Għall-Glorja tal-Patrija! ta’ Aleks Farrugiafid-dawl tal-konferenza riċenti dwar l-istat tan-nazzjon u l-ġrajjiet u l-kontroversji li laqtu l-industrija tal-kotba

Immanuel Mifsud u Aleks Farrugia
Immanuel Mifsud u Aleks Farrugia

Jekk hiex fuq fomm kulħadd, għad irridu naraw, imma l-pjattaforma mnedija mill-President hija okkażjoni tad-deheb biex jinfetħu d-diskorsi. Ċans li l-intellettwali mistednin iridu jaħtfuh mhux għall-vanità temporanja tad-dehra pubblika, iżda biex jagħmlu l-ħoss f’ambjent li, għax sponsorjat mill-poter, għandu l-limiti ta’ xi jrid jisma’. Il-kittieb u l-artisti ddaħħlu wkoll, u fil-konferenza rajna żewġ faċċetti distinti tal-ilħna tas-settur. Tkellmu bi prominenza sew Immanuel Mifsud, kittieb prolifiku li tul is-snin beda riesaq lejn ir-rwol ta’ formulatur rispettat tal-kuxjenza moderna tan-nazzjon, u r-relattivament emerġenti Aleks Farrugia, li kien ilu jżiġġ fix-xena għal bosta snin, imma li issa beda jitfittex b’regolarità għal fehmietu. 

Kittieba li għandhom ħafna xi jgħidu, u li jwassluh ukoll b’suriet alternattivi għal kif imdorri jseħħ id-diskors f’Malta. Bejniethom, jaf ukoll jaqtgħu d-differenza tipika, mhux neċessarjament dik binarja tas-soltu, ta’ kif tingħex l-espressjoni f’pajjiżna. Mifsud li xogħlu bilfors jieħdu għall-iżvilupp ta’ ħsieb politiku, dejjem indipendenti u kritiku tal-poter, sew dak tal-gvernijiet tal-ġurnata sew l-artikolazzjoni aktar pervażiva tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum. Farrugia b’viżjoni essenzjalment xellugija u anki klassista li tinħass bħala nifs ġdid għall-analiżi, minkejja li tibqa’ titnikker sensazzjoni ta’ lġiem minħabba l-qrubija ambigwa tiegħu mal-Partit Laburista.

Żewġ kittieba li kienu wkoll protagonisti tal-aħħar Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Bħala wieħed mill-ġurati għall-kategorija tan-novelli, stajt nara dan ix-xenarju fil-mument tal-għażla tar-rebbieħ minn bejn dawn iż-żewġ awturi li konna wasalna għalihom wara l-proċess tat-tnaqqir tal-lista l-qasira. Mifsud jaf kien il-favorit nett, minn qabel sew, foregone conclusion u ħu l-fama... Kien ukoll l-ewwel ktieb minn dawk magħżula li kont ili li qrajtu malli ħareġ, u ġa kelli r-riżervi tiegħi dwaru, u l-feġġ ta’ Farrugia serva, jekk mhux ta’ kontrapiż, bħala alternattiva sorprendenti li introduċiet diskors mod ieħor u li seta’ tassew jiġġenera skontru ta’ ideat u viżjonijiet. 

Ir-rebħa ta’ Farrugia kellha żewġ togħmiet: id-dehra ta’ proġett intelliġenti u maħdum bir-reqqa, kif mixhud mill-vjaġġ ironiku tul il-waqtiet ewlenin tal-istorja ta’ Malta f’Għall-Glorja tal-Patrija! (SKS, 2020), imma wkoll in-nuqqasijiet ta’ L-Aqwa Żmien (KMM, 2020) ta’ Mifsud. Li hemm komuni fiż-żewġ ġabriet huwa l-intenzjoni għal xogħol organiku aktar milli antoloġija ta’ novelli mlaqqa’ flimkien biex jagħmlu volum. Tul ix-xogħlijiet, jgħaddi fil kostanti li donnu jwassal is-sodisfazzjon għall-qarrejja bl-istess effett tat-taħlila jew l-għeluq xieraq ta’ rumanz. Il-ktieb ta’ Mifsud jaf madankollu kien vittma tas-suċċess mixtieq għalih, ippumpjat kif kien mill-pubbliċità li straħet fuq l-ironija tal-islogan sinonimu ma’ Joseph Muscat u l-istqarrijiet promozzjonali minn kummentaturi varji. 

Imsejjes fuq il-ħdim letterarju ta’ ġrajjiet reċenti li xxukkjaw lil bosta, fosthom il-qtil ta’ Lassana Cisse u l-fatt kurjuż ta’ l-Amerikana ssuttata bil-bajd waqt bachelors party, l-intenzjoni hija ċara, imma f’dan il-każ, titlu ma jagħmilx ktieb. Jista’ jkun ukoll li l-interpretazzjoni u t-tgawdija jiġu kkundizzjonati anki minn dak kollu li jseħħ lil hinn mill-paġnai. Minkejja s-sengħa evidenti ta’ Mifsud, li anki jorbot dawn iż-żewġ aħbarijiet b’mod narrattiv minn novella għal oħra sakemm anki jagħtu t-tmiem lill-ġabra, għandna elenku tas-sintomi tal-marda tan-nazzjon, iżda qatt ma naslu sewwa għall-qofol ta’ dan il-kankru. Il-vakwità ta’ slogan elettorali tagħmilha faċli l-konnessjoni immedjata, imma Mifsud donnu jieqaf ma’ deskrizzjoni ta’ mumenti x’aktarx emblematiċi  ta’ kif qed tiżviluppa l-kontemporanjetà Maltija forsi anki fis-sens ta’ red flags li madankollu ma jirnexxiliex toħroġ b’qawwa l-kwalità tal-vjolenza tagħhom, u r-rabta li donnu qed jiġi ssuġġerit li għandhom ma’ xi forma ta’ poter li tippermetti l-propagazzjoni u saħansitra n-normalizzazzjoni tagħhom. Kieku ma kienx għat-titlu, stil instant book miktub għall-okkażjoni f’dawk il-mumenti fejn l-istorja tassew  tinħass li qed tingħex, x’seta’ baqa’ minn dan il-ktieb?  

Spiss il-kwadretti ta’ Mifsud għandhom laqta patetika li mhix tipika tal-awtur, bi djalogi li jafu jkunu zopop quddiem l-għarfien li ġa għandu l-qarrej tal-qilla ta’ dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi. Anki t-tendenza għal-liriċizzazzjoni, dik l-awra poetika li tfittex xi ħjiel ta’ sentiment anki fl-atroċità ovvja, tissogra ġġib ir-rakkont innokwu: sempliċi riproduzzjoni riflessiva, jew inkella rinterpretazzjoni fejn il-finzjoni għaliha nnifisha tispiċċa tidilwixxi l-veru u l-implikazzjonijiet reali tiegħu. Huwa realiżmu li narah ifalli did-darba għaliex ma jasalx għall-qalba tal-kwistjoni u għal analiżi aktar profonda ta’ minn fejn ġejja din l-iskumdità li qiegħda tinfirex b’rati diversi f’kull livell tal-komunitajiet tagħna. 

Realiżmu, wkoll, li irid jaħdem mhux biss bħala mera jew lenti. It-traġiċità tal-vjolenza tal-kronaka titlob analiżi tal-poter u tas-sitwazzjonijiet materjali li jippermettulha tinbet, imma anki stħarriġ tal-vjolenza fiha nnifisha, li tagħti anki x’tifhem li għandha għeruq kulturali. Bi tqabbil, novella klassika bħal mhi Il-Baqta ta’ Henry Holland, li x’aktarx hija l-akbar xogħol Malti mill-ftit li ttrattaw il-vjolenza, jirnexxielha tidħol tassew fil-qalba ta’ qilla profonda u endemika intrinsikament marbuta mal-klassi u saffi partikolari tas-soċjetà li l-kittieba Maltin spiss ma jafux eżatt kif jaffrontawhom.

Is-saħħa ta’ Mifsud tibqa’, fl-aħħar mill-aħħar, il-liriċiżmu: il-kittieb li kapaċi jħares lejn l-umanità b’nuċċali poetiku, saħansitra ċinematografiku, bħal fin-novella eċċezzjonali 10718, u speċjalment lejn ir-ruħ weħidha f’dinja dejjem aktar inkomprensibbli. Daqs il-vjolenza ta’ kuljum li issa niskrolljawha minn filmat għall-ieħor fuq il-midja soċjali. Imma forsi din ir-realtà hija qrib wisq tagħna? Jeħtieġ is-soltu distanza taż-żmien biex wieħed jistħarreġ sew il-mument storiku, jew inkella l-kittieb il-ġdid jeħtieġ jirfina l-għodod tiegħu?  

Aleks Farrugia igawdi mbagħad mid-distanza storika deliberata, fejn jgħaddi minn fuq il-mumenti ewlenin tal-istorja Maltija, fosthom il-waqtiet li saru mitiċi fl-immaġinarju kollettiv (anki kif deliberatament ippropagati mis-setgħa), u jaffordja jinterpreta mill-ġdid, huwa wkoll, il-ġrajja lil hinn min-narrattiva dominanti. Għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, liema huma l-aqwa żminijiet? Għal Farrugia, jafu kollha huma l-agħar, anki jekk affrontati b’ ironija u umoriżmu kkontrollati. Għalkemm ovvja li l-istorja tinkiteb mir-rebbieħa, Farrugia jaqbad il-verità ta’ din il-klixè, u jagħfas fuq l-interpretazzjoni tal-poter, mhux neċessarjament biex irebbaħ lit-telliefa li l-istorja ma rreġistrathomx, iżda aktar biex jiddemitizza figuri jew personaġġi permezz tal-kixfa ta’ kif eżerċitaw il-poter u l-istatus tagħhom. 

L-istil ta’ Farrugia, sostnut u ekwilbrat tul ir-rakkonti kollha, ifakkar ħafna fid-divertimenti ta’ Alfred Sant jew anki f’Taħt il-Kappa tax-Xemx ta’ Karl Schembri, fejn il-veritajiet uffiċjali jispiċċaw jieħdu suriet grotteski u surreali meta mgħoddija mill-għarbiel immaġinattiv. Ħarsa li togħxa tilgħab bil-konfużjoni li ġġib magħha s-satira, bil-qlib tar-rwoli u bil-perspettivi kontinwament jinbidlu, u aktar milli l-għeluq ta’ perspettiva rassenjata li tħallina fejn aħna, tittantana dwar x’inhuma tassew id-dinamiċi attwali tas-setgħa.

Imma l-paraguni sfortunament odjużi, u l-kwistjoni tal-impenn f’żewġ xogħlijiet politiċi bħal dawn ikollha bilfors tmur lil hinn mill-paġni miktuba. Jekk Mifsud forsi ‘dineb’ għax ħalla li jintrikeb mill-pubbliċità, jew inkella approfitta mill-mument storiku eċċezzjonali, għad irridu naraw jekk Farrugia jittraduċix il-potenzjalitajiet tal-kitbiet tiegħu għal azzjoni rilevanti (jekk, wara kollox, irid). Li tmur lil hinn mit-talking head mistieden, u eqreb lejn il-pożizzjonijiet kostanti u konsistenti ta’ Mifsud il-kittieb-attivista impenjat, li jistħarreġ ir-realtà politika u soċjali aktar mil-lenti tal-astrazzjoni milli b’għanijiet programmatiċi. Il-kontroversja sfortunata li kellna milux dwar il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura taf tpinġi b’mod konkret dawn id-differenzi: l-eliminazzjoni ta’ Farrugia u d-difiża tiegħu minn Alfred Sant, saret mingħajr ma’ Farrugia qatt ħareġ għonqu darba, ħlief meta ġie ċċitat li jifhem li kien qed jintmesslu d-dritt tal-assoċjazzjoni. 

Ċans ieħor tad-deheb biex l-awtur jitkellem, daqs kemm hi opportunità kbira l-konferenza u l-istedina bil-barka tal-President tar-Repubblika. Kienet diskussjoni politika ironikament imqanqla mir-rekwiżit tal-apolitiċità tal-Premju, fejn donnu ma nftiehmux l-implikazzjonijiet gravi tas-sjieda politika,  f’dan il-każ tal-komunikazzjoni u tal-kultura.. 

Imma din l-opportunità għal diskussjoni rilevanti nħliet fost it-tosku tal-partiġġjaniżmu, u min kellu jitkellem, jew baqa’ sieket jew tkellem xi ħadd ieħor, leħnu jwassal aktar, għalih. Mill-istejjer mġienen li naqraw fl-aħbarijiet li qed iriegħdulna l-ftit ċertezzi li seta’ kellna, u li sirna mmissuhom b’idejna dejjem aktar malli nirfsu barra l-bieb, sal-qagħda immutabbli ta’ kif id-diskors tagħna irid b’xi mod xorta waħda jiġi ddettat mill-intervent tal-qaddis jew tal-partit (jew tat-tnejn f’persuna waħda), anki il-kitba u x’nagħmlu biha, u l-mod kif nagħżlu meta u għala nsemmgħu leħinnha, jgħidu ħafna, jgħidu wisq, dwar l-istat tan-nazzjon. 

L-Aqwa Żmien taImmanuel Mifsud (KKM, 2020) €12, u Għall-Glorja tal-Patrija! taAleks Farrugia (SKS, 2020) €15, jistgħu jiġu akkwistati mil-librara ewlenin.

More in Arti