Letteratura | Għotjiet b’riżq il-pubblikaturi u t-tradutturi letterarji; Is-Centre national du livre u l-Institut Français

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jagħti tagħrif rigward skema ta’ sussidji disponibbli minn żewġ entitajiet kulturali pubbliċi Franċiżi, voldieri s-Centre national du livre u l- Institut Français, għall-pubblikazzjonijiet ta’ traduzzjonijiet f’ilsna barranin ta’ xogħlijiet letterarji Frankofoni. Qabelxejn Saliba jagħti ħarsa ħafifa lejn id-diffikultajiet illi t-tradutturi u l-pubblikaturi spiss ikollhom iħabbtu buthom magħhom minħabba ċ-ċokon partikulari tas-suq Malti. Imbagħad jispjega l-kundizzjonijiet u r-regoli tal-fondi offruti minn dawn it-tnejn, bit-tama li t-tradutturi letterarji Maltin li jaħdmu bil-Franċiż jistgħallu kemm jistgħu minn dawn l-isekmi ġenerużi t’għajnuna

Fiċ-ċrieki traduttoloġiċi tagħna ilna snin nisimgħu bosta ilmenti dwar id-diffikultajiet illi l-pubblikaturi u b’mod speċjali t-tradutturi letterarji spiss isibu ruħhom fihom biex jipproduċu u mbagħad ipoġġu fis-suq f’għamla stampata – mingħajr almenu ma jġarrbu telf finanzjarju – traduzzjonijiet ta’ materjal letterarju għall-Malti. Iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ traduzzjoni letterarja maħsuba biex tilħaq il-ħwienet tal-kotba s-soltu jeżiġi kemxejn iżjed żmien u jiġi jqum ukoll iktar flejjes minn dak ta’ kull materjal ieħor mhux tradott. Dan iċ-ċiklu partikulari jinvolvi għadd ta’ kwistjonijiet – fil-biċċa l-kbira marbuta mal-liġijiet tal-proprjetà intellettwali fis-seħħ – li l-kittieba l-oħra u l-pubblikaturi tagħhom ma jkollhomx għalfejn jidħlu fihom. Ċerti aspetti legali ta’ proċessi kummerċjali bħal dawn akkont kapaċi jirrikjedu aktarx iżjed żmien u żgur iżjed flus. 

Dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma midħla tat-traduzzjoni letterarja żgur konxji minn dan. Min-naħa tagħhom it-tradutturi sikwit jilmentaw li l-ispejjeż li bilfors jeħtiġilhom jidħlu fihom ’qas biss ikopru x-xogħol tant iebes – ġaladarba t-traduzzjoni ta’ xogħol letterarju mhix ċajta – li jkunu għamlu. Biex tgħaqad, il-pubblikaturi mill-banda l-oħra ħafna drabi ma jkunux f’qagħda soda biżżejjed biex jirremuneraw lit-tradutturi tagħhom b’mod xieraq, l-iżjed meta tqis il-flejjes illi minn daqqiet jintalbu jġorru biex jikkonkludu bis-sħiħ in-negozjati meħtieġa dwar id-drittijiet tal-awturi tat-test-sors u l-barka aħħarija mill-pubblikaturi barranin tagħhom. Uħud mill-entitajiet ewlenin interessati fl-industrija tal-ktieb, l-iżjed f’dik tat-traduzzjoni letterarja, jidhru konxji minn dawn il-limitazzjonijiet. Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura u iżjed u iżjed il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb issa ilhom snin, b’mod regolari, joħorġu skemi ta’ sussidji monetarji biex itaffu l-piżijiet spiss pjuttost projbittivi li jkollha ġġorr l-industrija tat-traduzzjoni biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-liġijiet tal-proprjetà intellettwali. Kull sena preċett il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb joħroġ skema ġenerali t’għajnuna għall-kittieba li minnha jistgħu jibbenefikaw anke t-tradutturi li jittraduċu xogħlijiet letterarji minn ilsna barranin għall-Malti. M’ilux beda joħroġ ukoll oħra simili b’riżq dawk illi jroddu xogħlijiet Maltin f’lingwi barranin.

Madankollu l-ammont massimu offrut minn dawn l-iskemi mhux dejjem jibbasta tajjeb biex jinfdew l-ispejjeż kollha meħtieġa, l-iżjed meta x-xogħlijiet letterarji barranin inkwistjoni ma jkunux għadhom saru – skont il-liġijiet tal-copyright rispettivi tal-pajjiż inkwistjoni – parti mid-dominju pubbliku. F’każi bħal jenħtieġ illi qabelxejn il-pubblikatur iħallas somma miftehma lis-sidien tad-drittijiet tal-awtur. Ħafna drabi l-ammont mitlub ma jkunx sold jew tnejn. Ħaġa ċara li das-suq tal-kotba ċkejken tagħna – b’xorti ħażina forsi partikularment dak tat-traduzzjoni letterarja – qajla jista’ jagħmel tajjeb għal dan l-infiq bil-ftit kapital li jiġġenera mill-bejgħ tal-kotba. 

Dawn l-intoppi ma jolqtux biss lill-industrija tal-kotba tagħna. Naf bosta tradutturi barranin, saħansitra minn pajjiżi ferm ikbar minn pajjiżna, li ġieli xorta ltaqgħu ma’ barrieri monetarji bħal dawn. Lilna jkidduna iżjed għax is-suq tagħna, apparagun, huwa bil-wisq iżgħar. Fl-aħħar mill-aħħar iċ-ċokon ta’ gżiritna jiddettalna naħdmu, anzi naqdfu – ngħiduha ċara u tonda kif inhi – f’wieħed mill-iżgħar swieq tal-kotba fid-dinja. Xejn ma jgħin imbagħad il-fatt illi qajla għandna possibiltajiet kummerċjali vijabbli biex nesportaw barra xtutna materjal letterarju miktub bil-Malti. 

Mela ħabat tajjeb għat-tradutturi, l-iżjed għal dawk tagħna, li bosta korpi u entitajiet kulturali fid-dinja f’dal-aħħar snin – bħall-KNK u l-KMAK – bdew jaqdu wkoll ir-rwol kruċjali ta’ intermedjarji kummerċjali bejn il-pubblikaturi. Wieħed mill-iktar katalisti attivi f’ħidmiet bħal dawn huwa s-Centre national du livre (CNL) ta’ Franza. Ibbażat f’Pariġi taħt il-Ministeru għall-Kultura u l-Kommunikazzjoni Franċiż, is-CNL twaqqaf apposta biex jappoġġja ċ-ċikli tal-ħajja tal-produzzjoni tal-kotba letterarji, l-iżjed ta’ xogħlijiet impenjattivi, eżiġenti u ambizzjużi. Sintendi, nafu kif inhuma l-Franċiżi: bosta mill-inizjattivi tiegħu tfasslu biex jagħtu spinta – b’mod speċjali fil-kamp traduttoloġiku – lill-preżenza u lit-tixrid tal-letteratura Frankofona kemm fi Franza u kemm fil-bqija tad-dinja. Hekk għandu jkun. Hu x’inhu, dan iċ-ċentru nazzjonali tal-ktieb donnu jagħti prijorità qawwija lit-traduttoloġija. Mhux biss għax joffri għadd ġmielu ta’ skemi ġenerużi t’għajnuna għat-tradutturi letterarji, iżda wkoll għax ftit tas-snin ilu saħansitra waqqaf ukoll l-iskola traduttoloġika École de traduction littéraire! 

Waħda mill-iskemi ewlenin tas-CNL li żgur mhux forsi għandha tiġbed l-attenzjoni tat-tradutturi Maltin illi jaħdmu bil-Franċiż hija l-Aide aux éditeurs pour la traduction d’ouvrages français en langues étrangères: għotja maħsuba apposta għall-pubblikaturi li jittantaw jitbgħu f’format stampat jew diġitali traduzzjonijiet letterarji ta’ xogħlijiet Franċiżi. Tistgħu tniżżlu kopja tar-regolamenti li jrieġu dan il-fond traduttoloġiku mis-sit web uffiċjali tas-CNL. Ir-regolamenti disponibbli biss bil-Franċiż. Għaldaqshekk tajjeb illi nagħti ftit tagħrif kwantu dan il-fond partikulari u l-iżjed kundizzjonijiet bażiċi tal-proċeduri amministrattivi tiegħu.

Qabelxejn, it-talba uffiċjali għal dan is-sussidju għandha ssir mill-pubblikatur tax-xogħol Franċiż inkwistjoni bil-Franċiż u mhux mill-pubblikaturi tat-tradutturi Maltin. Il-pubblikaturi lokali jenħtieġ ikunu ilhom attivi fis-suq tul mill-inqas sena, ikunu diġà ħarġu għall-bejgħ fis-suq lokali mill-inqas tliet xogħlijiet u jkollhom f’idejhom il-kuntratti tad-distribuzzjoni. Importanti wkoll illi l-proġetti mressqa lilu ma jkunu qatt ma ġew ivvalutati qabel mill-bord aġġudikattiv tas-CNL, ma jiġux ippubblikati qabel tintemm il-valutazzjoni u jkunu jaqgħu fl-ambitu tal-isferi letterarji appoġġati miċ-Ċentru. Ir-regolamenti jelenkaw it-tipi ta’ xogħlijiet illi bħala regola din l-iskema ma tkoprix. Mitlub ukoll li t-testi-sors (għajr il-komiks u l-kotba għat-tfal) ikunu testi mhux mid-dominju pubbliku, maqluba għall-Malti b’mod dirett mill-Franċiż jonkella minn wieħed mill-ilsna ta’ Franza, jinkludu mill-inqas 50% test apparagun mal-illustrazzjonijiet, stampati mill-pubblikatur lokali u mhux mit-traduttur innifsu b’minimu ta’ 500 kopja (300 biss għall-poeżija u t-teatru), u diġà s-suġġett ta’ kuntratt validu ta’ trasferiment tad-drittijiet tal-awtur. F’kull waħda mit-tliet sessjonijiet annwali mnedija mis-CNL il-pubblikaturi lokali jistgħu jitlobu – dejjem tramite l-pubblikatur Franċiż – massimu t’għaxar għotjiet differenti.

It-tressiq tat-talbiet għal din is-subvension tista’ ssir biss online permezz ta’ portal diġitali mfassal apposta mis-CNL biex jirreġistra u jilqa’ dawn l-applikazzjonijiet. L-applikanti jintalbu jirreġistraw mal-portal u jtellgħu fih diversi dokumenti relevanti flimkien ma’ tagħrif ieħor. Safrattant, il-membri tal-bord aġġudikattiv jiltaqgħu diversi drabi fis-sena. L-iskadenzi tat-tliet sessjonijiet annwali tat-tressiq tal-proposti tal-pubblikaturi jinsabu wkoll fit-taqsima relevanti tas-sit web taċ-Ċentru. Ma jiġux aċċettati proposti mibgħuta wara tmiem l-iskadenzi. Kull proposta jsirilha mill-inqas rapport espert wieħed illi mbagħad jitressaq lill-bord kompetenti bil-fini li iżjed tard il-membri tiegħu – fid-dawl tat-talbiet kollha mressqa lilu u l-pakkett baġitarju allokat għas-sessjoni inkwistjoni – l-opinjoni tagħhom dwar il-validità, il-livell, il-valur tagħha. Il-proġetti jiġu ġġudikati skont bosta kriterji, fosthom il-kwalità tat-test-sors, ir-rilevanza tat-traduzzjoni anke jekk ma tkunx l-ewwel waħda, id-diffikultà tal-proġett, il-kwalità tas-siltiet tradotti mressqa; il-politika editorjali tal-pubblikatur u l-istorja tar-rapporti professjonali tiegħu mal-pubblikaturi Franċiżi; ir-riskji kummerċjali meħudin mill-pubblikatur, l-għadd mistenni ta’ kopji mitbugħa, ir-remunerazzjoni tat-tradutturi fl-isfond tal-prattiki kummerċjali ta’ pajjiżhom, l-għajnuna pubblika diġà miksuba għall-proġett, u l-opinjoni tas-servizzi kulturali relevanti tal-Ambaxxata Franċiża fil-pajjiż tal-applikant.

L-ammont mogħti lill-pubblikatur jinħadem abbażi tal-ispejjeż tat-traduzzjoni u jlaħħaq sa €35,000. Madankollu, ir-rata tal-kontribut tas-CNL ma tistax tkun inqas minn €500 jew inkella taqbeż l-40% jew is-60%, skont il-każ. F’xi każi eċċezzjoni tista’ tilħaq is-70%. Iċ-Ċentru jirriżerva d-dritt li ma jgħaddix it-trasferiment tal-għotja lill-pubbliklatur kemm-il darba dan ma jippreżenta ebda prova ddokumentata b’mod formali li tixhed li jkun irremunera lit-traduttur skont il-ftehim milħuq. Tajjeb li ninnota li jekk il-pubblikatur lokali jkun kiseb ukoll għajnuna finanzjarja simili għall-istess proġett mingħand entità oħra, iċ-Ċentru jista’ jaġġusta l-ammont tal-għotja tiegħu skont iċ-ċifri diġà miksuba. Madankollu din il-kundizzjoni possibbli m’għandhiex iżżomm lura għalkollox lill-benefiċjarji tal-iskemi tal-KNK milli jittantaw japplikaw ukoll għal dan il-fond tas-CNL.

Il-perjodu tal-validità tal-għajnuna mogħtija jiskadi fi żmien 24 xahar mid-data speċifikata fid-deċiżjoni tal-għotja jew inkella, f’ċerti każi, mid-data tal-ftehim iffirmat mas-Ċentru. Din l-iskadenza tista’ tiġi estiża kemm-il darba ssir talba ġġustifikata mill-pubblikatur. Is-sussidju jingħata kollu f’daqqa, voldieri f’pagament wieħed biss, wara l-pubblikazzjoni tat-traduzzjoni fis-suq lokali. Sintendi, jekk il-proġett ma jilħaqx jitlesta jew inkella jitlesta wara din id-data l-għotja ma titħallasx. Ħlief f’xi każi eċċezzjonali, is-soltu l-għotja titħallas lill-pubblikatur Franċiż (jew lill-aġent letterarju li jkun ressaq it-talba) illi mbagħad għandu jgħaddiha lill-pubblikatur lokali.

Din l-isekma tas-Centre National du Livre kapaċi tgħin lill-pubblikaturi biex jifdu l-ispejjeż tal-proprjetà intellettwali msemmija qabel mingħand is-sidien tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet letterarji Frakofoni li ma jinsabux fid-dominju pubbliku. F’dan ir-rigward għaldaqstant il-pubblikaturi u t-tradutturi jistgħu wkoll jidħlu f’kuntatt ma’ organizzazzjoni kulturali Franċiża maġġuri oħra, did-darba l-Institut Français, li sikwit toffri wkoll – f’ħidma konġunta mas-CNL – skemi ta’ xiri tad-drittijiet tal-awtur imfassla apposta għat-tixrid barrani ta’ xogħlijiet letterarji Franċiżi tradotti f’ilsna barranin. Għaldaqstant l-applikanti jagħmlu tajjeb ħafna jekk qabelxejn jiftħu djalogu ma’ dawn it-tnejn permezz tas-siti web uffiċjali tagħhom biex jitolbuhom iżjed tagħrif dwar il-possibbiltajiet ta’ subvensions konġunti li joffru.

More in Arti