Letteratura | Il-politiċi tagħna mhumiex granallat - Lara Calleja dwar il-kitba impenjata

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jitħaddet mar-rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea (PUEL) Lara Calleja. Qabelxejn jistaqsiha tesprimi l-fehmiet tagħha rigward il-kontroversji li nqalgħu dan l-aħħar matul il-proċess aġġudikattiv tat-tħejjija tax-xogħlijiet letterarji eliġibbli għal dan il-premju Ewropew. Id-diskussjoni mbagħad iddur fuq l-intellettwali pubbliċi u l-kitba impenjata, it-temi politiċi ewlenin illi jittratta r-rumanz rebbieħ tagħha Kissirtu Kullimkien u l-kittieba Maltin u barranin illi ħallew impatt qawwi fuq din l-awtriċi emerġenti

KS: Qabelxejn nifraħlek talli ftit jiem ilu poġġejt lil pajjiżna fuq il-mappa letterarja kontinentali billi rbaħt il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (PUEL). Jidhirli li t-tnejn li aħna naqblu li din l-edizzjoni għamlet ferm iżjed ħoss minn dawk preċedenti, l-iżjed kaġun tal-kontroversji li nqalgħu rigward ir-rumanzi ineleġibbli għal dan il-konkors. Minn banda episodju bħal dan żgur kapaċi jiġġenera l-pubbliċità għall-kittieba inkwistjoni u għaldaqstant minkejja kollox jista’ wkoll, sa ċertu punt, jingħadd b’sitwazzjoni pożittiva. Mill-banda l-oħra madankollu nifhem tajjeb ukoll illi kontroversja bħal din tista’ tikkawża ċertu fastidju u ttellef mis-sodisfazzjon tal-kittieba rebbieħa. Biss, jidher illi l-biċċa l-kbira ta’ dawk illi kkummentaw kwantu l-esklużjoni ta’ ċerti rumanzi m’għamlux dan b’malafidi. Barra dan, nemmen illi bosta mir-riżervi mistqarra f’dawn l-aħħar jiem minn Alfred Sant u oħrajn rigward dan il-każ – kemm-il darba issa jingħataw widen – jistgħu jtejbu qatigħ l-livell tal-PUEL u saħansitra jżidulu l-prestiġju. X’inhuma sewwasew il-veduti tiegħek dwar dina l-kwistjoni? Taħseb li ċerti ilmenti li tqajmu dan l-aħħar huma ġġustifikati?

LC: L-ilmenti li tressqu kienu lmenti validi. Urejt l-appoġġ tiegħi għal dawn l-ilmenti pubblikament u anke bgħatt messaġġi personali ta’ awguri. L-awturi dejjem għandhom ikunu magħqudin fi kwistjonijiet bħal dawn. Billi nnominawni għal-lista l-qasira ma jfissirx li ma kellix għalfejn nikkummenta. Dawn l-ilmenti kienu importantissmi biex l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar u ninsab pożittiva li dawn ser iwasslu għal bidliet xierqa. Ħadt gost ukoll li Aleks Farruġia – li ġie skwalifikat minħabba l-kwistjoni tal-pubblikatur tiegħu – feraħli pubblikament talli rbaħt dan il-premju. Nistqarr li apprezzajtha immens. Min-naħa l-oħra, kont iddiżappuntana li Alfred Sant ma lissinx kelma waħda ta’ awguri. Nemmen li dan kien ikun ġest sabiħ. Wara kollox aħna lkoll kittieba u anke jien, minkejja li rbaħt il-PUEL, biħsiebni nibqa’ nissielet biex l-affarijiet dejjem jibqgħu jitjiebu. Għandna dejjem inkunu magħqudin, fuq kull front.

KS: Ftit tax-xhur f’din il-paġna kont ktibt żewġ artikli – b’referenza partikulari għal kwistjoni li kienet qamet bejn Alfred Sant u Oliver Friggieri lura fis-snin tmenin – rigward il-kitba impenjata u r-rwol tal-kittieba u l-ħassieba fis-soċjetà. F’wieħed minnhom, voldieri L-intellettwali pubbliċi u l-ambjent ikkonkritizzat –Problemi tal-lum (2), kont irreferejt għal kumment tiegħek rigward is-silenzju ta’ ċerti awturi u intellettwali kwantu bosta problemi ta’ żmienna. Fost il-punti li qajjimt dakinhar kont sħaqt li mhux l-awturi kollha huma fis-sew intellettwali u li mhux l-intellettwali kollha huma tal-istess xorta. Biex ma ntawwalx wisq, ngħid għalija f’dak l-artiklu ma ddejjaqt xejn niddefendi lill-intellettwali passivi u wisq inqas ipprendejt nirrimarka li minkejja kollox l-ikbar ħtieġa bħalissa hija l-ħsieb iżjed milli l-azzjoni u li hu x’inhu l-attiviżmu politiku ftit li xejn jista’ jkun ta’ fejda kemm-il darba dan ma jkunx imsejjes bis-sħiħ fuq fehim intellettwali tal-isfidi li għandna quddiemna. Barra dan, ħaġa ċara ħafna – għall-inqas għal dawk midħla tal-filosofija – li t-teorija politika tagħmel biss parti mill-firxa vasta tal-istudji filosofiċi u li għaldaqshekk ħaġa ċara wkoll li mhux l-intellettwali kollha jagħżlu li jkunu b’xi mod jew ieħor pubbliċi jew li jispeċjalizzaw fil-ħwejjeġ tal-polis. X’kienu sewwasew il-ħsibijiet tiegħek rigward dawn l-argumenti tiegħi dika l-ħabta? Inbidlu xi ftit maż-żmien? Barra dan, ma taħsibx illi l-analiżi hija wkoll għamla siewja ta’ attiviżmu?

LC: Hemm diversi tipi ta’ kitba. Fil-letteratura l-preferenza naturali tiegħi xxaqleb lejn kitba diretta li tmiss lin-nies. Il-kitba wara kollox tinkiteb biex tinqara min-nies u nemmen li ma tistax tikteb mingħajr ma tirrelata mal-qarrejja. Fl-istess waqt il-kitba ma tistax tkun għan-nies biss. Trid tkun xi ħaġa internaliżżata. Hemm proċess ta’ kif tkun inti bħala persuna u kif ‘tiddeċiedi’ li tinternaliżża lid-dinja ta’ barra ġewwa fik, biex imbagħad – permezz tal-kitba – dak li tinternaliżża terġa’ toħorġu ’l barra minnek ħalli jaqrawh in-nies. Kif tiddeċiedi li tinternaliżża u/jew tinterpreta lid-dinja ta’ barra jiddependi wkoll kif int bħala persuna jew minn liema żmien (tajjeb jew ħażin) tinzerta għaddej jew minn ma’ liema influwenzi tkun qed tiddjaloga. Dawn kollha jbiddlulna l-perċezzjoni tad-dinja ta’ barra u l-modi kif ninternaliżżawha ġo fina. Issa, ngħid jien, kif tista’ tassorbi lid-dinja ta’ barra u tiddeċiedi li tibqa’ teskludi temi tant ovvji fis-sitwazzjoni soċjopolitika ta’ pajjiżek? Il-politika wara kollox mhijiex biss il-partiti iżda wkoll jekk għandekx biżżejjed flus għal kafè u kemm isservik il-paga. Tfisser l-arja li qed tieħu nifs fiha. Tfisser dik il-blokka fletts li tellgħu warajk u li biha ser joħdulek tal-inqas erba’ sigħat mid-dawl tax-xemx kuljum. Il-politika tfisser ukoll sa liema punt klassi ta’ nies partikolari ser tiġi ddiskriminata biex tiġi aġevolata klassi oħra. Li ma titkellimx fuq il-politika, fuq kull politika, tiġi qisu għandek iljunfant fil-kamra tiegħek u tibqa’ ma ssemmiehx. Mill-banda l-oħra nifhem li hawn kitba oħra b’xejra maġika u straordinarja. Dik it-tip ta’ kitba napprezzaha wkoll. Anzi tispirani nkun kittieba aħjar. Wara kollox, l-element politiku tista’ ddaħħlu anke fl-iktar storja maġika u fantastika.

Lara Calleja
Lara Calleja

KS: Jidher ċar illi bħala awtriċi f’xi punt ħadt deċiżjoni konxja li tkun kittieba pubblika li tikteb rigward kwistjonijiet pubbliċi, fil-biċċa l-kbira politiċi. Dan kien diġà deher ċar malli deher l-ewwel ktieb tiegħek Lucy Min?. Iżjed tard komplejt issaħħaħ din l-immaġni billi ngħaqdt mal-Moviment Graffiti u mbagħad, sintendi, bit-tieni ktieb tiegħek Kissirtu Kullimkien illi rebaħ il-PUEL. Mhemmx dubju li l-kwistjonijiet politiċi li tittratta f’dawn il-kitbiet bħal fost oħrajn l-industrija tal-kostruzzjoni, l-ambjent u l-qagħda tal-immigranti huma temi attwali kruċjali ħafna mhux biss mill-perspettivi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u kulturali iżda anke minn dawk tal-benessri fiżjoloġiku u psikoloġiku. F’intervista li tajt m’ilux lil Teodor Reljić għall-ġurnal MaltaToday stqarrejt illi bosta minn dawn id-disturbi – insejħilhom hekk għax tassew nemmen li hekk huma – ħallew fuqek impatt psikoloġiku negattiv. Qabelxejn, nissimpatizza ħafna miegħek għax nidentifika bis-sħiħ ma’ din il-frustrazzjoni tiegħek. Tista’ telabora iżjed dwar dan? U issa li erbaħt il-PUEL bi ktieb illi jittratta appuntu dawn il-ħwejjeġ, taħseb illi dax-xogħol letterarju tiegħek kapaċi jsaħħaħ imqar bi ftit is-sensibilizzazzjoni kollettiva dwar dawn l-isfreġji fil-livelli nazzjonali u Ewropej?

LC: Iva, l-esperjenza li jtellgħu blokka kbira fletts ħdejja ħalliet impatt psikoloġiku negattiv fuq ġismi u fuq moħħi. Il-blokka damet sentejn tielgħa. L-istorbju kien jibda mis-6.30 ta’ filgħodu u jibqa’ għaddej sat-8.00 ta’ filgħaxija. Immaġina! Tqum u tisma’ ċ-cejser għaddej bil-mija. Tagħmel siegħa fit-traffiku. In-nervi jkunu diġà kważi messu mal-limitu. Imbagħad, wara disa’ sigħat xogħol, terġa’ tqatta’ siegħa oħra fit-traffiku sakemm tasal lura d-dar u terġa’ ssib jilqgħuk il-ħsejjes tal-kostruzzjoni. Din mhix storja tiegħi biss iżda ta’ kulħadd. Hija l-istorja ta’ kif Malta qed timxi lejn sfreġju ambjentali u nuqqas ta’ spazji miftuħa – sitwazzjoni tal-biki. Kif tista’ ma tgħid xejn dwar din? U kif nista’ niddeċiedi li nkun fatalista billi ma nagħmel xejn dwarha? Nifhem li iktar ma n-nies jikbru iktar forsi jirrassenjaw ruħhom u jkun faċli li jippreferu jitilqu milli jesponu dan kollu. Imma ngħid għalija dan hu pajjiżi u nitilqu biss meta nħossni ġġilidt għalih biżżejjed. Għax hawnhekk twelidt. Huwa hawn fejn għandi l-isbaħ memorji. Huwa hawn fejn inxomm irwejjaħ familjari: il-baħar, il-ħobż, il-birra. Huwa hawn fejn inħossni komda nitkellem l-iktar, b’din il-lingwa sabiħa, ikkulurita u xi kultant ftit ħarxa tagħna. Hawnhekk biss. U ma rridx li kaġun t’erbgħa min-nies bi bwiet ħoxna li jaħsbu li saru granallat ikolli bilfors nitlaq. U l-Maltin, fil-fehma tiegħi, għandhom jieqfu jiġġieldu bejniethom fuq aħmar, blu u aħdar u minflok iqumu mir-raqda. Għax fl-aħħar mill-aħħar il-politiċi tagħna mhumiex granallat u ħadd minnhom mhu ser jiġi f’darna jwennisna meta l-isfreġju jibda jaffettwana ħażin. Jekk ma nitgħallmux ningħaqdu u nħanġru lkoll f’daqqa ser jibqgħu jsiru iktar sfreġji. Imma hemm soluzzjoni. Fl-għaqda dejjem hemm soluzzjoni; huwa biss fil-firda li dawn jibqgħu jagħmlu li jridu. Minkejja li l-ktieb tiegħi Kissirtu Kullimkien għandu titlu negattiv xorta waħda jispiċċa billi jwassal il-messaġġ illi fl-għaqda tabilħaqq hemm is-saħħa. Din mhijiex xi teorija fantastika li ħriġt biha jien, imma hi l-istorja tal-bniedem li dejjem iġġieled għad-drittijiet tiegħu u fl-aħħar kisibhom. Bħala attivista mal-Moviment Graffitti ninnota kif meta n-nies jingħaqdu l-messaġġ joħroġ iktar qawwi. Ġieli tlifna battalji iżda rbaħna oħrajn ukoll proprju għax ingħaqadna kontra nies li jaħsbu li saru granallat. Finalment nirrispondi d-domanda tiegħek b’mod dirett: iva, bħala regola, f’kull okkażjoni li nsib dejjem nipprova noħloq ċerta sensibilizzazzjoni fuq dak kollu li jkun għaddej: kemm jekk inkun għand tal-growser nitkellem mal-kaxxiera, kemm f’xi protesta nħanxar ma’ “xi erba’ boloh m’għandhomx x’jagħmlu’’, kemm meta naqbad neqred fuq il-Facebook u kemm fil-kitba letterarja. Din mhijiex xi ħaġa li nagħmel b’intenzjoni iżda toħroġ waħedha b’mod organiku, għax ġenwinament nemmen li s-sensibilizzazzjoni pubblika tista’ titjieb b’xi ħaġa sempliċi bħall-informazzjoni u b’kif niddeċiedu li nwassluha. Ngħid għalija nemmen li iktar ma nużaw diskors komuni biex inwasslu l-messaġġ iktar kapaċi nagħmlu l-messaġġ tagħna aċċessibbli. L-argumenti intellettwali, għalkemm stimulanti, ħafna drabi ma jappellawx għan-natura prattika tiegħi li s-soltu tfittex li tiċċaqlaq lejn l-immedjat biex tipporova ssolvi l-problema.

KS: Mhux spiss nistaqsi mistoqsijiet prevedibbli li jsiru s-soltu. Iżda din id-darba – ġaladarba qiegħed nitħaddet ma’ kittieba emerġenti li saħansitra għadha kif rebħet premju internazzjonali – ma nistax ma nistaqsikx dan: fl-istess intervista ma’ Reljić stqarrejt illi tnebbħek ħafna l-kitba ta’ Immanuel Mifsud. Minbarra Mifsud, liema huma l-iktar kittieba u ħassieba Maltin u barranin li influwenzaw bil-kbir il-ħidma letterarja u politika tiegħek tul is-snin? Hemm ħwejjeġ oħra li jinteressawk mill-qrib apparti l-politika? Kien hemm xi litterati li ħallew impatt sod fuqek iżda mbagħad madankollu skartajt maż-żmien? X’direzzjonijiet taħseb illi ser jaqbdu n-narrattivi u tematiki tiegħek fil-ġejjieni?

LC: Mingħajr ma nerġa’ nirrepeti ruħi fit-tul fuq Immanuel Mifsud, l-istil tiegħu kien influwenzani ħafna għax kien dirett, bla ħafna kantunieri. Kittieba oħra lokali li ħallew impatt kbir fuqi kienu Alex Vella Gera, Loranne Vella u John Bonello. Għad illi dawn qrajthom f’perjodi differenti ħafna lkoll ħallew fuqi impatt qawwi għax ħarġu ħafna ’l barra mill-comfort zones tal-letteratura Maltija. F’dawn il-kotba nħolqot struttura ta’ narrattiva tajba u b’saħħitha ħafna. Mill-kotba kollha li qrajt –għalkemm hemm ħafna iktar xogħlijiet lokali li saħħruni – kien f’dawn li semmejt illi l-iktar sibt in-narrativa li naspira għaliha.

Il-kittieba barranin li influwenzawni huma bosta. Hemm l-awtriċi Sud Amerikana Isabelle Allende li fi żmienha rnexxielha tgħaqqad is-superstizzjoni, ir-realiżmu, il-politika u l-element storiku b’element maġiku u b’abbiltà inkredibbli fit-tiżwieq tal-lingwa. Fil-kitba jogħġbuni wkoll ċerti elementi oskuri li jmissu temi xejn konvenzjonali u pjuttost devjanti. Meta kont iżgħar qrajt, ngħidu aħna, kotba bħal dawk ta’ Counte de Lautremont u Georges Bataille. Dik il-ħabta kont naqra biss awturi klassiċi bħal fost oħrajn Tolstoy, Balzac u Hugo. Kif kbirt imbagħad bdejt niftaħ moħħi iktar għal tipi ta’ letteratura oħrajn. Illum b’kulma naqra sirt inħoss bieb ġdid jinfetaħ fuq ħwejjeġ li qatt ma ħsibt dwarhom jew li qatt ma kont interpretajthom minn ċerti angoli partikolari. Il-ktiba hija proċess u finalment it-tir tiegħi jibqa’ li ntejjeb u niżviluppa l-kitba tiegħi, anke permezz ta’ korsijiet apposta. Doża bnina ta’ kritika nsibha importanti wkoll għax b’hekk il-kitba tiegħi tkompli tgħaddi ’l quddiem. Nikbru, nitgħallmu u naraw...

More in Arti