Letteratura | Il-qagħda żvantaġġjata tal-letterati Maltin f’pajjiżhom; Fejn tibda u tintemm il-letteratura politika?

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Kevin Saliba jkompli jaqsam mal-qarrejja ħsibijietu rigward il-qagħda żvantaġġjata tal-letterati tagħna, din id-darba wkoll fil-livell nazzjonali. F’dar-rigward jissokta jiddiskuti l-ilment illi ressaq m’ilux Alfred Sant lill-Kummissjoni Ewropea dwar regola impliċita partikulari li tirrestrinġi qatigħ in-nominazzjonijiet possibbli għall-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (PUEL). Qabelxejn jikkummenta dwar il-korrispondenzi li kellu Sant mal-ġesturi tal-PUEL filwaqt li jevalwa l-kontenut politiku ta’ wieħed mix-xogħlijiet letterarji ewlenin illi ġew esklużi mill-premju, voldieri l-ġabra ta’ stejjer qosra Għall-Glorja tal-Patrija (Kapriċċi Patrijottiċi) t’Aleks Farrugia mitbugħ mill-SKS Publishers. Jistaqsi wkoll sensiela twila ta’ mistoqsijiet dwar x’jifred il-kitba partiġġjana minn dik politika u dwar għadd ta’ kriterji oħrajn illi jillimitaw bil-kbir il-parteċipazzjoni tal-awturi tagħna f’dan is-suppost l-ogħla premju letterarju fil-livell Ewropew. Saliba jtemm billi jistieden lil Alfred Sant u lill-partijiet interessati biex jieħdu nota tal-argumenti mressqa minnu hawnhekk filwaqt illi jerġa’ jfakkar fil-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba 2021 tad-29 ta’ Mejju.

Aleks Farrugia
Aleks Farrugia

Bħalma bassru bosta persuni midħla tax-xena letterarja tagħna – mhux l-inqas jien ġaladarba m’għandix l-għażla li ma nsegwix dawn l-episodji – il-kontroversji rigward il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (PUEL) tul dawn l-aħħar jiem komplew jirrankaw qatigħ. U kif spiss jiġri meta tasal xi okkażjoni ta’ xi premju letterarju – daqqa fil-miftuħ u daqqa fil-magħluq – minn xi daqqiet reġgħu ma naqsux is-suppożizzjonijiet, il-malintiżi, l-allegazzjonijiet, l-akkużi, il-battibekki, u l-bqija. Tassew bħalissa qiegħed ngħix bit-tama – u nispera li did-darba ma mmutx bil-piena – li jiġri x’jiġri fil-jiem li ġejjin ma jirreputax ruħhom ċerti stejjer komuni tas-soltu li ġieli saħansitra, jaħasra, jisfrattaw il-kollaborazzjonijiet letterarji u ġieli adirittura jkissru l-ħbiberiji personali bejn il-partijiet interessati.

Madankollu f’din l-okkażjoni ma naqsux lanqas għadd ta’ żviluppi pożittivi, bħal pirkażu l-pubblikazzjoni ta’ materjal relevanti u utli, kritiki u suġġerimenti kostruttivi kif ukoll, għal darba, turiji ta’ solidarjetà u xewqat sbieħ bejn il-kittieba li ntlaqtu – tajjeb jew ħażin – minn ċerti deċiżjonijiet pjuttost dubjużi li ktibt dwarhom ġimgħa ilu. Aktarx l-iktar żvilupp konkret fil-kwistjoni kollha kien il-pubblikazzjoni minn Alfred Sant tal-korrispondenzi li saru bejnu u r-rappreżentanti ewlenin tat-tliet entitajiet responsabbli mill-fondi tal-PUEL, voldieri l-Kunsill Ewropew tal-Kittieba (KEK), il-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej (FPE) u l-Federazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Kotba Internazzjonali u Ewropej (FBKIE). Tabilħaqq għaldaqstant issa nistgħu ngħidu li dan il-każ – bis-saħħa ta’ dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom – seħħlu jasal sal-ogħla qċaċet amministrattivi ta’ dan il-premju letterarju Ewropew. Fil-fehma tiegħi l-ittri inkwistjoni xeħtu dawl siewi ħafna fuq il-veduti – uħud minnhom f’lokhom mentri oħrajn inqas – ta’ bosta partijiet interessati, qabelxejn fuq dawk t’Alfred Sant u dawk ta’ dawn it-tliet ġesturi. F’dawn l-interventi uffiċjali Sant ilmenta li r-regoli uffiċjali tal-PUEL imkien ma jispeċifikaw – la b’mod impliċitu u lanqas b’mod espliċitu – li dan il-premju huwa konkors “apolitiku”. Żied jgħid illi dan il-kriterju ftit li xejn jagħmel sens għax li jħoll u jorbot kollox għandu jkun, fl-aħħar mill-aħħar, il-livell tal-kontenut letterarju mressaq mill-awturi u mhux in-natura tal-pubblikaturi tagħhom. Bl-istess argument, kompla jargumenta Sant, f’ġieħ il-konsistenza jkun jenħtieġ jiġu esklużi mill-PUEL pubblikaturi affiljati mal-knejjes, mat-trejdunjins u l-bqija. F’intervent ieħor t’Alfred Sant fuq Twitter ingħatat ukoll tweġiba ċara għall-mistoqsija – pjuttost retorika iżjed milli ħaġ’oħra – li staqsejt hawnhekk ġimgħa ilu dwar jekk kienx hemm xi pubblikazzjoni tas-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS Publishers) li ngħatat il-ġenb mid-deċiżuri tal-premju. Filfatt issa ħareġ fid-dieher illi difatti wieħed mix-xogħlijiet letterarji skwalifikati kienet il-ġabra ta’ stejjer ta’ qosra Għall-Glorja tal-Patrija (Kapriċċi Patrijottiċi) ta’ Aleks Farrugia – mitbugħa proprju mill-SKS Publishers – li din is-sena rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (PNK) fil-kategorija rispettiva tagħha.

Fil-biċċa l-kbira tal-oġġezzjonijiet imressqa minn Sant ma nsib xejn ħażin. Anzi, b’mod ġenerali nemmen bis-sod illi l-ilmenti ta’ Sant huma tabilħaqq validi u ġġustifikati bis-sħiħ. Madankollu, forsi Sant seta’ evita ċertu diskors kemxejn affrettat, bħal ngħidu aħna forsi d-deskrizzjoni skjetta tal-każ bħala “manuvra” u “skandlu” jew l-insinwazzjoni li did-darba fil-proċess tal-għażla bilfors kien “hemm xi ħaġa tinten”. Ibda biex suġġerimenti bħal dawn – ġaladarba lkoll nafu ben tajjeb kif aħna – taw lok aktarx xejn f’loku għal spekulazzjonijiet u teoriji ta’ konfoffa pjuttost imġebbda, tant illi ċerti kummentaturi saħansitra mbagħad żeffnu fil-kredu l-ismijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti! Mill-banda l-oħra, it-tweġiba konġunta ta’ dawn it-tliet entitajiet ngħid għalija sibtha daqstant ieħor fjakka, adirittura inkwetanti. Qabelxejn, fir-rispons tagħhom imkien ma dehret xi rieda li ssir reviżjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni esklużiva jew inkella, almenu, xi diskussjoni miftuħa viżavì l-merti tar-rationele illi ggwida dina l-esklużjoni arbitrarja. Mhux talli dan ma sarx, talli it-tliet entitajiet inkwistjoni tawna wkoll ħafna x’nifhmu li mis-sena d-dieħla biħsiebhom jikkonvertu dan il-prinċipju konswetudinarju u impliċitu f’regola formali u espliċita ħalli ma tibqa’ ebda ambigwità f’dan ir-rigward.

Madankollu dawn it-tlieta stiednu lil Sant biex jiddiskutu miegħu – għandna nifhmu wiċċ imb wiċċ fil-privat – l-ilment imqajjem minnu u minn diversi osservaturi letterarji. Ikun tajjeb li Sant ma jonqosx milli jisfrutta din l-okkażjoni. Ikun tajjeb ukoll illi mbagħad, xħin u meta jasal il-waqt, insiru nafu l-eżitu aħħari ta’ din il-laqgħa. Għaldaqstant nistieden lil Sant kif ukoll lid-diriġenti tal-SKS sabiex qabelxejn jipproponu reviżjoni sħiħa tar-regoli uffiċjali tal-PUEL, b’mod speċjali fir-rigward ta’ tliet kundizzjonijiet dubjużi oħra li jwasslu għal ineliġġibiltà awtomatika: l-esklużjoni ta’ dawk l-awturi li jaħdmu fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-Unjoni Ewropea, ta’ dawk illi l-aħħar xogħol tagħhom ikun ilu mitbugħ iżjed minn tmintax-il xahar kif ukoll ta’ dawk li jkunu ppubblikaw inqas minn żewġ xogħlijiet letterarji jew inkella iżjed minn erbgħa. Minn stqarrija mogħtija lill-ġurnal MaltaToday minn wieħed mill-membri tal-ġurija, voldieri Albert Marshall, tħabbar ukoll illi minħabba l-assjem ta’ dawn ir-restrizzjonijiet strambi – għandi nifhem b’mod partikulari kaġun din l-aħħar – ir-rumanz Castillo ta’ Clare Azzopardi ma kienx eliġibbli biex jiġi kkunsidrat għan-nominazzjoni. Nissuponi li xogħlijiet reċenti ewlenin oħrajn bħal 365 ta’ Trevor Zahra u Il-Wiċċ l-Ieħor ta’ Ġorġ Peresso fost oħrajn tħallew ilkoll l-art mill-bidu nett proprju minħabba l-istess restrizzjonijiet. Ta’ min infakkar illi, sewsew bħall-ġabra t’Aleks Farrugia, ix-xogħlijiet imsemmija lkoll intlaqgħu tajjeb ħafna fil-livell nazzjonali, tant illi wħud minnhom saħansitra rebħu wkoll il-PNK.

F’dar-rigward ma nistax ma nagħmilx ċerti mistoqsijiet mill-iżjed skjetti: għaliex premju letterarju suppost tant prestiġjuż bħal dan – almenu fil-prinċipju l-ogħla wieħed fil-livell Ewropew – għandu jkun aċċessibbli biss għall-awturi emerġenti? Hu x’inhu, għaliex awturi li fiż-żmien stipulat mir-regoli jkunu laħqu ppubblikaw biss xogħol letterarju wieħed ma jingħaddux bħala kittieba emerġenti? Terġa’, ġaladarba skont iċ-ċiklu tal-konkors kull pajjiż ikun eliġibbli kull tliet snin, x’sens jagħmel illi jitqiesu biss il-pubblikazzjonijiet li jkunu dehru fis-suq tul it-tmintax-il xahar ta’ qabel? Bir-rispett kollu lejn kulħadd, fuq liema premju qegħdin nitkellmu eżatt? Kif jgħid id-djalett Aretin: de che se parla?

Mill-kjarifiki ta’ Marshall sirna nafu wkoll illi l-ġurija – abbli wkoll, biex jingħad kollox, f’isem l-Akkademja tal-Malti li ħatritha bla ebda ndħil ulterjuri – kienet ipprotestat mal-ġesturi tal-PUEL kontra l-esklużjoni ta’ Farrugia iżda baqgħet ma ngħatat ebda palju. Tul dawn l-aħħar jiem saru wkoll diversi interventi u stqarrijiet siewja oħrajn, b’mod speċjali mid-diriġenza tal-SKS u mill-awturi li ppubblikaw xi xogħlijiet magħhom fl-imgħoddi, fosthom sintendi Aleks Farrugia. Fl-istqarrija tagħha l-SKS ma naqsitx, fil-fehma tiegħi bir-raġun kollu, milli tistqarr id-diżapprovazzjoni tagħha dwar “il-mod żgarbat” li ġie ttrattat bih Farrugia. Ma qagħditx lura lanqas milli tirrimarka b’ċertu sodisfazzjon illi minbarra materjal ta’ propaganda politika tul is-snin ippubblikat ukoll bosta xogħlijiet politiċi, ekonomiċi, soċjoloġiċi, edukattivi u storiċi kif ukoll – xejn u xejn inqas – rumanzi, novelli, drammi u traduzzjonijiet letterarji notevoli li ġibdu fuqhom ħafna stima minn diversi kritiċi letterarji ewlenin. Irrimarkat ukoll li d-deċiżjoni tal-PUEL tmur ukoll bil-kbir kontra ċerti valuri ewlenin tal-UE, fosthom it-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni. Min jista’ qatt ilum lid-diriġenza tal-SKS dwar dan? Iżjed minn hekk, min qatt issa jista’ tassew ilum lil dan il-pubblikatur ewlieni Malti dwar it-tħassib tiegħu li regola bħal din – iżjed u iżjed jekk għad tassew issir espliċita – kapaċi tikkawża telf liema bħalu fl-għadd ta’ kittieba interessati li jippublikaw xogħolhom miegħu? Mhemmx xi ngħidu, tali regola kapaċi tikkawżalu wkoll telf finanzjarju.

Aleks Farrugia flimkien m’oħrajn f’dawn l-aħħar jiem komplew iżidu bosta rimarki validi. Il-kittieb milqut qabelxejn sostna li l-awturi għandhom il-jedd jagħżlu l-pubblikaturi tagħhom bla ebda interferenza. Saħaq tajjeb ħafna wkoll illi wara kollox l-għażla tal-assoċjazzjoni tagħhom, letterarja jew mhix, hija dritt Ewropew fundamentali. Fil-każ speċifiku tiegħu – bħalma kont issupponejt jien u naqra l-ġabra Għall-Glorja tal-Patrija – Farrugia spjega li kien għażel proprju lill-SKS – apposta b’mod mill-iktar konxju – għax kiteb appuntu fi tradizzjoni soċjopolitika partikulari li tmur lura sa Manwel Dimech u li l-SKS dejjem ħadmet biex tmexxiha ’l quddiem, sa mit-twaqqif tagħha minn Alfred Sant innifsu. Dan b’ebda mod jfisser illi fil-ġabra tiegħu hemm xi kontenut partiġġjan maħsub biex imexxi l-aġenda politika attwali (strettament fis-sens partiġġjan tal-kelma) ta’ xi partit politiku. Jidhirli li dan tal-aħħar huwa argument b’saħħtu ferm għaliex, jekk xejn, jenfasizza l-ħtieġa li f’dan ir-rigward isiru ċerti distinzjonijiet kardinali: altru jitressaq xi ktieb t’Emanuel Cuschieri u altru xogħol letterarju t’Alfred Sant. F’dar-rigward ir-raġuni ma teħtieġ ebda forza.

Għaldaqstant ikun iżjed jagħmel sens illi d-deċiżuri tal-PUEL iqisu qabelxejn jekk it-testi mressqa lilhom – irrispettivament mill-pubblikatur – ikunux sempliċement eżerċizzji ta’ propaganda iżjed milli jiddeċiedu li jiskwalifikaw ċumm bumm lill-pubblikaturi politiċi u barra bid-daqq. X’ser jiġri, ngħidu aħna, jekk fl-edizzjoni tal-PUEL li jmiss xi awtur iressaq xogħol letterarju fittizju mitbugħ minn pubblikatur apolitiku dwar Daphne Caruana Galizia jew Glenn Bedingfield illi, akkont, fl-aħħar mill-aħħar ma jkun xejn għajr attakk bi skop partiġġjan kontra xi wieħed mill-partiti l-kbar? Jekk niġu f’dan, rumanzi bħal Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi t’Alex Vella Gera u Kapitali ta’ Wayne Flask – żewġ xogħlijiet illi bħar-rumanz Kissirtu Kullimkien ta’ Lara Calleja fihom kontenut li jista’ jitqies politiku – jistgħu qatt jingħaddu b’eleġibbli skont dan il-kriterju speċifiku? Xi ngħidu mela għall-pubblikazzjonijiet oħrajn reċenti bħall-ġabra ta’ stejjer qosra L-Aqwa Żmien t’Immanuel Mifsud?

Fil-kummenti tagħhom uħud mill-osservaturi, bir-raġun kollu, b’rabta ma’ dan staqsew ukoll x’qiegħed jitfisser sewwasew bit-terminu “test politiku”? Fi kliem ieħor: fejn jintemm il-partiġġjan u fejn imbagħad jibda l-politiku? Fuq kollox, jista’ xogħol letterarju ma jkunx b’xi mod jew ieħor politiku? F’dan ir-rigward il-ġurnal elettroniku Lovin Malta rrapporta li ċerti sorsi tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar iċċaraw illi din il-linja gwida partikulari fis-sew tirrigwarda s-sjieda tal-pubblikaturi iżjed milli l-kontenut – ipotetikament politiku jew le – tax-xogħlijiet letterarji kkunsidrati għan-nominazzjoni. Fi kliem ieħor, il-kittieba jistgħu jressqu kitbiet politiċi kemm iridu dment li l-pubblikatur tagħhom ma jkollux sjieda politika. L-istess sorsi komplew jiġġustifikaw il-pożizzjoni tal-PUEL billi rrimarkaw ukoll illi mhix ħaġa li fi premju bħal dan jingħata lok għall-possibbiltà li premju bħal dan jintrebaħ minn pubblikaturi b’rabtiet possibbli ma’ partiti antidemokratiċi bħal dawk tal-lemin estrem. Ngħid għalija din id-difiża tħassibni bil-kbir, l-iżjed għax donnu għandha ħafna mill-kultura antidemokratika ta’ kanċellazzjoni li dan l-aħħar qiegħda terfa’ rasha qatigħ f’bosta kwistjonijiet politiċi u kulturali. Kemm-il darba dawn il-partiti qegħdin jitħallew jieħdu sehem fil-logħba demokratika – tant illi qatt ma nżammu milli jieħdu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej u saħansitra jiksbu s-siġġijiet fil-Parlament Ewropew – naqblu jew ma naqblux magħhom, jekk xejn f’ġieħ il-konsistenza, ma nistgħux imbagħad neskludu a priori lill-pubblikaturi assoċjati magħhom milli jieħdu sehem f’dan il-premju. Frankament: l-oġġezzjoni dwar is-sjieda possibbilment politika tal-pubblikaturi mhux biss tpoġġi lill-kittieba u lid-djar ta’ pubblikazzjoni Maltin f’qagħda żvantaġġjata saħansitra mil-livell lokali talli iżjed minn hekk kapaċi tikkomprometti wkoll il-valuri demokratiċi tal-istess Unjoni li fil-prinċipju, għall-inqas skont fehmti, mhumiex kompatibbli sabarra mal-dawn il-prattiki ta’ kanċellazzjoni. Lil hinn minn dan kollu – ġaladarba l-esklużjoni tal-pubblikaturi politiċi s’issa għadha mhix regola miktuba u espliċita – il-pożizzjoni tal-PUEL viżavì l-każ t’Aleks Farrugia mhix difensibbli.

Tajjeb illi ngħid ukoll illi la r-rimarki ta’ dawn l-osservaturi u wisq anqas il-mistoqsijiet tiegħi m’għandhom xi għan illi jpoġġu f’dubju serju l-kwalità tax-xogħlijiet magħżula mill-ġurija Maltija. Wisq inqas qegħdin ninsinwaw li fil-livell Ewropew forsi setgħet saret xi “manuvra” kontra l-Partit Laburista jew li fil-livell nazzjonali seta’ kien hemm xi kunflitt ta’ interess jew nuqqas gravi ta’ professjonalità u trasparenza. Jekk niġu f’dan, bħal ħafna oħrajn innotajt b’sodisfazzjon illi ċerti awturi skwalifikati – b’mod partikulari Aleks Farrugia nnifsu u Loranne Vella li tqieset ineleġibbli minħabba l-impjieg tagħha – bagħtu messaġġi t’awguri sew lil Lara Calleja u sew lil Joe Pace. Terġa’ u tgħid, f’kumment pubbliku tagħha dwar l-artiklu tiegħi ta’ ġimgħa ilu Calleja rrikonoxxiet is-siwi letterarju tax-xogħlijiet ta’ Vella. Mhux li kien illi f’sitwazzjonijiet bħal dawn – b’mod partikulari ngħidu aħna wara t-tħabbir tar-riżultati tal-PNK – dejjem jirrenja dan l-ispirtu ta’ rispett u solidarjetà reċiproċi minflok id-diżgwid, il-gdiedem, il-lanżit, is-suppervji u l-paranoji tas-soltu.

Iżjed milli forsi abbli kien hemm “xi ħaġa tinten” f’dak il-livell jew l-ieħor, il-perċezzjoni tiegħi kwantu l-kwistjoni kollha hija li dawk illi fasslu r-regoli tal-PUEL – minkejja l-bonafede u r-rieda tajba tagħhom – ftit li xejn fehmu l-implikazzjonijiet żvantaġġjużi u irraġonevoli li ċerti kriterji ġenerali peżanti jista’ jkollhom sa mil-livell nazzjonali fuq il-pubblikaturi u l-awturi, b’mod partikulari fuq dawk ta’ pajjiżi ż-żgħar bħal Malta. Inqas forsi kkalkulaw jekk dawn ir-regoli jagħmlux ġieħ lill-ogħla premju letterarju fil-livell Ewropew. Għandi nifhem illi Sant – b’mod speċjali mill-perspettiva politika speċifika tiegħu kwantu l-affarijiet Ewropej – m’għandux isibha bi tqila biex japprezza din in-narrattiva.

Ta’ min infakkar f’dar-rigward illi r-raġuni għaliex sar tant ħoss kwantu l-esklużjoni ta’ Farrugia – mentri ftit li xejn imbagħad fuq awturi milquta oħrajn – hija li l-iskwalifika ta’ Gioele Galea, Clare Azzopardi u oħrajn almenu filfatt ħarġet, tajjeb jew ħażin, minn regoli miktuba u espliċiti mentri dik tiegħu ġiet iġġustifikata biss bi kriterju speċifiku teknikament ineżistenti. U mhux li kien ukoll, bħalma diġà rrimarkajt qabel, illi Alfred Sant issa jieħu nota sħiħa tal-mistoqsijiet, tar-rimarki u tal-argumenti mressqa minni u minn kummentaturi oħrajn. Tkun tassew ħasra li dawn jibqgħu biss kummenti mistura fid-diskussjonijiet fuq il-midja soċjali, iżjed u iżjed issa li donnu nfetaħ spazju biex issir laqgħa – nisperaw mhux biss ċerimonjali – bejn Sant u l-ġesturi tal-PUEL kwantu r-regoli preliminari żvantaġġjużi ta’ dan il-konkors. Safrattant ikun tajjeb ukoll illi ma ninsewx – kif fakkar kemm-il darba dan l-aħħar il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri – illi dan kollu mistenni jiġi diskuss bis-sħiħ fil-livell lokali minn kull parti interessata matul il-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba 2021 fid-29 ta’ Mejju.

Nagħlaq billi minkejja kollox xorta waħda nibgħat l-isbaħ xewqat liż-żewġ kittieba Maltin – Lara Calleja (Kissirtu Kullimkien) u Joe Pace (Papa Aħmed) – illi ġew innominati għal dan il-premju letterarju Ewropew u billi nifraħ minn qabel lir-rebbieħ jew lir-rebbieħa finali tagħna – ikunu min ikunu – talli għal darb’oħra ser inaqxxu isem pajjiżna fuq il-mappa letterarja Ewropea.

More in Arti