Għaddew 450 sena minn meta l-Franġiskani rċevew l-art li fuqha bnew Ta' Ġieżu

Bħalissa qed isir restawr fuq din il-knisja magħrufa l-aktar għall-Kurċifiss ta’ Fra’ Innocenzo da Petralia Sottana u għad-devozzjoni lejn id-Duluri

Fit-18 ta’ Mejju 1571 il-Patrijiet Minuri (Franġiskani), li dak iż-żmien kienu magħrufin bħala Patrijiet Minuri tal-Osservanza Regolari, irċevew biċċa art mill-Gran Mastru Pietro Del Monte qrib il-Porta del Monte (illum Victoria Gate) fil-Belt, biex fuqha jkunu jistgħu jibnu t-tieni knisja u kunvent tagħhom f’Malta, wara l-knisja u l-kunvent ta’ Santa Maria di Gesù fir-Rabat, fejn kienu marru joqogħdu fl-1500 wara preparazzjonijiet twal sa mill-1482. L-Ordnijiet Mendikanti kollha tar-reliġjużi kienu rċevew artijiet fil-Belt biex fihom jibnu l-knejjes konventwali u l-kunventi rispettivi tagħhom.

Il-Patrijiet Franġiskani ippreżentaw ir-rikjesta tagħhom lill-Gran Mastru Del Monte ftit żmien qabel id-19 ta’ April 1571. Dan għaliex f’dik id-data l-Gran Mastru laqa’ t-talba tagħhom u ippubblika d-digriet li bih hu tahom, gratis come gli altri, b’xejn bħalma kien għamel mar-reliġjużi l-oħrajn, biċċa art fiż-żona bejn Via Del Monte (Triq S. Ġwann), Via San Pietro (Triq S. Ursola), u Via Santa Maria della Vittoria (Triq S. Luċija).

Il-kuntratt sar fit-18 ta’ Mejju 1571 quddiem in-Nutar Placido Abela. Preżenti għall-isteżura tal-kuntratt kien hemm, fuq in-naħa tal-Kummissarji inkarigati mill-Gran Mastru u l-Kunsill, il-kavallieri Fra’ Raimondo Fortuyn u Fra’ Giorgio Cacherano, u l-inġinier u arkitett Girolamo Cassar, li kellu jkun l-arkitett tal-knisja l-ġdida. Fuq in-naħa tal-komunità Franġiskana li ġiet mir-Rabat il-kuntratt isemmi lil Fra’ Nicola di Calabria bħala Vigarju tal-Provinċjal ta’ Sqallija, Fra’ Baptista di Malta, Fra’ Michele di Malta, Fra’ Domenico di Malta, Fra’ Benedetto di Malta, Fra’ Antonio di Trapani u Fra’ Salvo di Malta (Arkivju Patrijiet Franġiskani, Valletta, Atti Originali, VII, doks. 3 u 4).

Għalkemm il-kuntratt ġie iffirmat fit-18 ta’ Mejju 1571, iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja saret erba’ snin wara, fil-21 ta’ Settembru 1575, anke jekk il-binja x’aktarx li kienet diġà bdiet sa dakinhar. Din hi r-raġuni li s-sena 1575 tiġi indikata bħala l-bidu tal-bini tal-knisja Ta’ Ġieżu. It-titlu mogħti min-nies lil din il-knisja u kunvent, jiġifieri “Ta’ Ġieżu”, kien diġà jeżisti fil-każ tal-knisja u kunvent aktar antiki tar-Rabat, iddedikati lil Santa Maria di Gesù (abbrevjat fl-isem di Giesu bl-Isqalli). Dan kien titlu komuni ta’ ħafna knejjes li kellhom il-Franġiskani Osservanti fi Sqallija.

Din id-data inizjali fl-istorja twila ta’ din il-knisja popolari, magħrufa l-aktar għall-Kurċifiss ta’ Fra’ Innocenzo da Petralia Sottana u għad-devozzjoni lejn id-Duluri, qegħda tiġi mfakkra fil-kuntest tal-proġett tar-restawr li qed isiru fuq il-Knisja u l-Kunvent, li huma waħda mill-ġawhar ta’ arkitettura fil-Belt.

(Din l-informazzjoni storika hi meħuda mill-mejjet P. Ġorġ Aquilina OFM, Il-Franġiskani Maltin (Ta’ Ġieżu) 1482c-1965c, Malta 2011, pp. 307-311).

More in Arti