Letteratura | Mario Azzopardi llum f’nofs triq matul il-medda; Is-Sanatorju tal-Mistiċi skont Rowna Baldacchino

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Kevin Saliba jfakkar lill-poeta Mario Azzopardi, sewwasew permezz tal-ġabra tiegħu Noti mis-Sanatorju tal-Mistiċi li nġiebet fl-Ingliż minn Rowna Baldacchino. Qabelxejn Saliba jfakkar f’meta ltaqa’ l-ewwel darba m’Azzopardi, l-ewwel fil-poeżija u mbagħad ukoll wiċċ imb wiċċ. Filwaqt li ma jonqosx l-aċċenn għall-kontroversja dwar Dun Karm bħala l-poeta nazzjonali, Saliba jirrakmanda t-traduzzjoni ta’ Baldacchino An Asylum for Mystics lil dawk kollha li għadhom ma fehmux biżżejjed x’inhi t-traduttoloġija.

Lejla minnhom, nofs triq matul il-medda tas-snin disgħin, ħriġt niġri mill-Hotel Osborne wara l-poeta Mario Azzopardi ħalli nistaqsih ċerta mistoqsija li kienet ilha tberren f’moħħi bosta ġimgħat. Lebbitt kemm tawni riġlejja ma jmurx il-poeta jilħaq jgħib fid-dlamijiet imċajpra li kienu ġa bdew itappnu Triq Nofs in-Nhar tal-Belt Valletta. Dik il-ħabta l-Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer kienet bdiet torganizza sensiela ta’ laqgħat għalina l-istudenti tal-Malti fil-livell avvanzat ma’ diversi poeti u kittieba lokali, fosthom Oliver Friggieri, Achille Mizzi u Mario Azzopardi. L-istudenti li kienu qegħdin iħejju ruħhom għal dan l-eżami kienu diġà kemxejn midħla ta’ dawn it-tlieta: Friggieri għax il-poeżiji tal-poeti hekk imsejħa romantiċi li konna nistudjaw kienu lkoll miġbura f’ġabra mħejjija minnu, Mizzi għax kien il-poeta modern ewlieni tas-sillabu ta’ dika l-ħabta, Azzopardi għax kien ippubblika żewġ kotba kritiċi ċkejkna rigward id-drammi ta’ Francis Ebejer li kienu sillabu.

Jekk niġu f’dan tul l-aħħar sentejn tas-sekondarja diġà konna tlaqqajna ma’ xogħolhom fil-ġabra Qawsalla: ma’ Friggieri għaliex, bħas-soltu, kien ħa ħsieb jiġbor din l-antoloġija letterarja għall-istudenti, ma’ Mizzi permezz tal-poeżija Ariżona, m’Azzopardi b’riħ il-poeżiji Lullaby – Lil Jevgeny u Kantaliena lil Għajnejk. Dawn iż-żewġ poeżiji kienu tassew laqtuni bil-kbir. Laqtuni xejn inqas l-għidut illi kien għadda minn għala widnejja dwar il-persunaġġ sovversiv tal-poeta nnifsu. Ibda biex dawn introduċewni – wara tliet snin duttrina tal-Malti ddominati kważi għalkollox minn Dun Karm Psaila u l-bqija – għall-poeżija hekk imsejħa moderna tal-Moviment Qawmien Letterarju. Kien nifs tabilħaqq ġdid illi – bħal sajjetta fil-bnazzi – żvelali bosta modi possibbli ġodda ta’ kif tista’ tinkiteb, tinqara u tinfthiem il-poeżija. Nasal ngħid illi n-namra tiegħi mal-poeżija Maltija bdiet tirranka sewwasew minn daka l-punt. Mhux għax il-poeżija “l-antika” kienet iddejjaqni, iżda mentri l-vrus tar-romantiċi – fosthom dawk ta’ Dun Karm sintendi – fil-biċċa l-kbira kont kważi ninsiehom ladarba ddoqq il-qanpiena li ttemm il-lezzjoni, is-srieħi ta’ daż-żewġ poeżiji t’Azzopardi (u xejn inqas t’Ariżona ta’ Mizzi) spiss kienu jibqgħu miegħi: minn xi daqqiet tul il-lezzjonijiet tal-bqija tal-jum, kultant saħansitra fix-xarabank illi kien iwassalni lura d-dar, ġieli wkoll fl-għeluq sieket ta’ kamarti. Għaxija minnhom niżżilthom miegħi wkoll sa taħt il-knisja, qrib l-entrata tal-Youth Centre tal-Fgura, meta rsaqt lejn ċerta tfajla b’għajnejha liemgħa bit-tama li nħollha daqsxejn bil-vrus enigmatiċi t’Azzopardi. “Għajnejk ikantaw it-trawma miġnuna tar-raġel li qabeż minn fuq is-sur u f’nofs il-waqgħa ma riedx jibqa’ nieżel”, għedtilha darba. “U bħalek xi trid tgħid biha din!?”, qaltli. Ma fehmet xejn, sintendi.

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi

Kienet proprju din il-mistoqsija li snin qabel kienet saritli bi stagħġib minn dix-xbejba li ridt nagħmel lil Mario Azzopardi dika l-lejla wara tmiem il-laqgħa fil-Hotel Osborne. Iżda l-kurżità tiegħi ma kinitx dwar il-versi li jtemmu l-poeżija Kantaliena lil Għajnejk iżda, pjuttost, dwar il-fehmiet strambi tiegħu kwantu l-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila. Ftit tal-ġimgħat qabel l-għalliem tal-Malti kien qalilna, kważi minn taħt l-ilsien, illi ’l Azzopardi jidhirlu li Psaila qatt ma tabilħaqq stħaqqlu t-titlu ta’ poeta nazzjonali. Inħsadt: qajla stajt nifhem kif xi ħadd – ikun min ikun aħseb u ara poeta Malti – jista’ qatt joħroġ bi stqarrija bħal dik. Għaldaqstant issa li kienet messittni x-xorti li niltaqa’ m’Azzopardi wiċċ imb wiċċ ridt insir naf sewsew x’ried jgħid biha. Ilħaqtu qabel laħaq lewa mal-kantuniera lejn Strada Rjali. “Dun Karm għamel ħafna għal-lingwa Maltija ’żda mbagħad għamel ferm inqas għall-Maltin li jitħaddtuha”, kien qalli dikment b’ton ċiniku. Bqajt ma fhimtx wisq iżda, aktarx sforz is-suġġizzjoni li ħakmitni dak il-ħin, qgħadt pass lura milli nibqa’ nsus warajh. Fhimt biss ftit snin wara – għad illi xorta b’xi riżervi – meta ġie f’idejja l-istudju tiegħu Dun Karm: Bejn il-Vatikan, id-Duce u l-Kuruna (1993). Għandi nifhem illi meta l-għalliem tal-Malti kien għarrafna b’dil-“iżgarratura” t’Azzopardi għandu mnejn kellu f’moħħu l-għarukaża li seta’ kien qanqal dan il-ktieb fost il-letterati.

Wara dika l-laqgħa fil-Belt lil Azzopardi rajtu darbtejn biss: darba fl-udjenza fit-teatru ta’ Kavallier San Ġakbu u darba oħra waqt titjira lejn Brussell meta inzerta spiċċajt bilqegħda ħdejh bla ħsieb. Id-diskors f’dik l-okkażjoni ma waqax fuq Dun Karm iżda fuq it-traduzzjoni letterarja f’Malta. Niftakar li għarraftu li kont qiegħed naqleb l-eżistenzjalisti Franċiżi għall-Malti u li kien weġibni, skjetta skjett u xott xott, illi jkun ferm iżjed ta’ fejda kieku naqleb, minflok, il-kittieba Maltin f’xi lsien barrani. Tfantast. Aktarx imbagħad ħadtlu rasu nfissirlu – tul sagħtejn sħaħ u did-darba bla suġġizzjoni – id-dubji tiegħi dwar din il-preferenza. Għandu mnejn tant kont ħadtu fuq demm id-dars li maż-żmien bħal insejt il-ħsieb li xi darba nittanta naqleb xi poeżiji tiegħu għat-Taljan, fosthom uħud minn dawk li dehru fil-ġabra notevoli Tabernakli (1979) kif ukoll, m’hemmx xi ngħidu, dawk iż-żewġ poeżiji li tant kienu saħħruni tul l-aħħar sentejn tal-iskola sekondarja.

Rowna Baldacchino
Rowna Baldacchino

Dan in-nuqqas għamilt xi kemxejn tajjeb għalih biss tant snin wara, sewsew f’dawn l-aħħar ġimgħat – proprju issa nel mezzo del cammin –  bħalma tgħid waħda mill-poeżiji t’Azzopardi. Iżda forsi ’qas biss kien hemm wisq għalfejn: qabli, ftit snin wara dik il-laqgħa fuq l-ajruplan, kienet diġà ħadet ħsieb tagħmel dan l-iskultriċi u traduttriċi Rowna Baldacchino billi qalbet għall-Ingliż il-ġabra tiegħu Noti mis-Sanatorju tal-Mistiċi (1995) bħala parti mit-teżi tagħha tal-Maġisteru fit-Traduzzjoni. Fl-2016 din il-ġabra ta’ traduzzjonijiet – An Asylum For Mystics (Mario Azzopardi in Translation) – ġiet ippubblikata minn Horizons b’ valutazzjoni kritika tal-legat letterarju t’Azzopardi u kummentarju akkademiku minn Baldacchino dwar l-istrateġiji traduttoloġiċi li nqdiet bihom f’din il-ħidma tagħha. F’dan tal-aħħar tiddiskuti wkoll – bħalma huwa xieraq illi jsir f’teżi f’dan il-livell – l-approċċ tagħha fid-dawl tal-fehmiet ta’ bosta traduttologi ewlenin, fosthom Peter Newmak, Ritva Leppihalme u Lawrence Venuti.

Minkejja l-kwalità tat-traduzzjonijiet letterarji huwa proprju dan l-eżerċizzju akkademiku li laqatni l-iktar. Mhux għax nemmen illi kull xogħol ta’ traduzzjoni bħal dan ta’ Baldacchino jeħtieġ bilfors ikun spjegat lill-qarrejja b’dan il-mod – xejn affattu. Madankollu jidhirli li fost ħafna tradutturi – anzi fost ħafna qarrejja – donnu ftit li xejn hemm għarfien tal-oqsma teoretiċi li jsawru ’l din id-dixxiplina filosofika emerġenti. Għaldaqstant An Asylum For Mystics, jew aħjar is-sanatorju tal-mistiċi t’Azzopardi skont il-vuċi Ingliża ta’ Baldacchino, mhux biss jista’ jkompli jintroduċi – kif tant xtaq il-poeta nnifsu wara kollox – il-poeżija Maltija lil udjenzi barranin iżda wkoll – fil-fehma tiegħi iżjed importanti minn hekk – kapaċi jippreżenta lit-traduttoloġija fost il-qarrejja Maltin bħala qasam akkademiku interdixxiplinari veru u proprju. Donnu għad hawn ħafna – bħali snin ilu quddiem is-sovverżjoni t’Azzopardi jew inkella bħal dika t-tfajla t’għajnejha liemgħa f’dawk l-irkejjen stramani ta’ taħt il-knisja – li għadhom ma fehmux biżżejjed is-sengħa tat-traduzzjoni, li dwarha bħal għadhom jistaqsuna “xi tridu tgħidu biha?”. F’dar-rigward din il-pubblikazzjoni ta’ Baldacchino żgur tista’ tagħti ħjiel siewi.

Naqbeż fuq ħaġ’oħra – ladarba Rowna Baldacchino wkoll ħlejqa b’għajnejn liemgħa jsaħħru – jalla jseħħli, issa nel mezzo del cammin di mia vita, inrodd lil din il-mara l-Kantaliena lil Għajnejk t’Azzopardi... fl-ilsien ta’ Dante...

More in Arti