'Xtaqt inħalli memorja viżiva lil binti Greta' - Spiteri Lucas bil-vidjow tal-kanzunetta 'Lil Binti'

Mark Spiteri Lucas rritorna fuq il-palk waqt il-festival Mużika Mużika

Jekk hawn familja li isimha huwa marbut max-xena mużikali Maltija, bla dubju ta' xejn li hija l-familja Lucas. Insemmu biss lil John Charles Lucas, Oscar Lucas, Godwin Lucas u Joe Cutajar. Dan l-aħħar rajna wkoll lil Mark Spiteri Lucas li rritorna fuq il-palk, waqt il-festival Mużika Mużika.

Forsi Mark huwa aktar magħruf bħala kompożitur. Pereżempju, kont taf li kien hu li kkompona l-kanzunetta “Fejn Staħbejtli” ta' Ira Losco?

Iżda din id-darba Mark ma baqax wara l-kwinti, permezz tal-kanzunetta 'Lil Binti,' li kiteb, ikkompona u kanta huwa stess, bl-għajnuna ta' Andrew Zammit, u bl-arranġament mużikali għall-orkestra minn Maestro Joe Brown.

Din il-kanzunetta daħlet fil-Klassifika tal-Aqwa 20 f’Malta u ndaqqet aktar minn 3,000 darba fuq  Spotify, u ntweriet aktar minn 6,000 darba fuq YouTube.

Kien għalhekk li Spiteri Lucas xtaq li jkompli jagħti l-ħajja lil din il-kanzunetta permezz ta’ vidjo mużikali, miġbud kollu ġewwa l-Cavalieri Art Hotel ta’ San Ġiljan bi produzzjoni ta’ Marlon Polidano, li serva wkoll bħala direttur artistiku flimkien ma’ Ludwig Galea.

“Kien ta’ pjaċir kbir mhux biss li nikteb u nkanta din il-kanzunetta iżda li nħalli memorja viżiva, tanġibbli lil binti Greta, biex meta għada pitgħada ma nkunx hawn, hi tiftakar fil-ħin kollu li qattajna flimkien”, saħaq Mark Spiteri Lucas.

Iżda donnu li din mhijiex l-aħħar biċċa xogħol tiegħu. Spiteru Lucas beħsiebu jaqsam aktar materjal oriġinali fix-xhur li ġejjin”. 

‘Lil Binti’ hija disponnibli fuq is-siti diġitali iTunes u Spotify grazzi għall-ippubblikar diġitali tal-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds u l-promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management. 

More in Arti