Letteratura | Lejn proċess demokratiku fl-entitajiet governattivi; Il-proposta ta’ Mark Camilleri u l-fjuri t’Oliver Friggieri

Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jiddiskuti l-proposta tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri li l-kapijiet tal-entitajiet governattivi jenħtieġ jibdew jinħatru b’elezzjoni fost il-partijiet interessati rispettivi tagħhom. Filwaqt illi jesprimi qbil mas-sejħa ta’ Camilleri jikkummenta dwar ir-rispons ġenerali mqanqal minn din l-istedina. Fl-aħħar nett jesprimi wkoll ċertu tħassib dwar il-modi xejn f’lokhom kif ċerti faxex wiesgħa tas-soċjetà jifhmu, jew aħjar ma jifhmux, ir-rwol tal-Kunsill.

Mark Camilleri
Mark Camilleri

Ftit jiem ilu l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri stqarr fuq il-mezzi tal-midja soċjali li  ma jemminx li għandu jkun il-Prim Ministru jew il-Ministri li jaħtru persuni b’karigi sensittivi, b’mod partikulari l-kapijiet tal-entitajiet kulturali tal-Gvern. Żied jgħid illi minflok dawn il-għażliet sensittiv għandhom isiru – b’mod kemm jista’ jkun demokratiku – mill-partijiet kollha b’interess fis-settur inkwistjoni. Għaldaqstant Camilleri fi tmiem dan il-mandat tiegħu sejjaħ għal elezzjoni għall-Kap tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb filwaqt illi stieden lill-kapijiet tal-entitajiet kulturali governattivi sabiex anke huma jsejħu elezzjoni għall-karigi rispettivi tagħhom.

Camilleri tenna dan kollu wkoll f’messaġġ uffiċċjali li bagħat lill-persuni kollha interessati. Fl-indirizz tiegħu saħaq illi l-industrija tal-ktieb għandha importanza nazzjonali kbira, ibda biex għax mingħajrha jkun diffiċli ferm li nrawmu “soċjetà litterata, edukata, intelliġenti u kritika’. Fl-aħħar nett iddikkjara li biħsiebu jerġa’ jikkontesta għall-kariga tiegħu mentri – f’dan l-ispirtu – stieden lill-kapijiet kollha tal-entitajiet kulturali tal-Gvern biex minnufih isegwu l-eżempju tiegħu billi jibnu l-istrutturi demokratiċi meħtieġa fl-entitajiet tagħhom sabiex isir possibbli jissejħu dawn l-elezzjonijiet.

Din il-ġimgħa kien biħsiebni nikteb dwar xi ħaġa oħra, iżda jkolli ngħid illi l-istqarrijiet u l-messaġġ ta’ Camilleri bil-qajl il-qajl ħadu r-riedni fuq il-ħsibijiet tiegħi, aktarx għax dawn is-suġġerimenti jirrigwardaw qatigħ kwistjoni sensittiva illi tagħmel parti minn dibattitu ferm usa’ li ormaj ilna nisimgħu dwaru s-snin. Barra dan – l-iżjed fid-dawl tal-bosta ġrajjiet politiċi straordinarji li qegħdin jiddominaw l-aħbarijiet bħalissa – donnu dan id-dibattitu fi żmienna minflok ibatti kulma jmur qiegħed ikompli jirranka f’diversi oqsma u setturi, tant li saħansitra ċittadini li s-soltu ftit li xejn tismagħhom jitħaddtu fuq ħwejjeġ politiċi qegħdin ukoll jesprimu ċertu tħassib. Ġaladarba din paġna letterarja, hawnhekk ser nillimita ruħi għas-settur kulturali. M’iniex biħsiebni nidħol wisq fil-mertu tad-diversi avvanzi li għamel il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’dawn l-aħħar tmien snin affavur l-industrija tal-ktieb. Ngħid biss illi bosta riformi li wettaq Camilleri kemm ilu jokkupa din il-kariga llum saru realtajiet tanġibbli: minkejja li għad fadal ħafna xi jsir il-progress illi ntlaħaq s’issa ma jista’ jiċħdu ħadd. 

Lanqas forsi hu lok li nidħol wisq f’ċerti intriċċi politiċi li Camilleri ġieli ġibed l-attenzjoni dwarhom minn żmien għal żmien, b’mod speċjali l-attentati li allegatament saru dan l-aħħar fuq il-kariga tiegħu. Iżda tajjeb li nikkummenta rigward ir-rispons – daqqa intelliġenti u daqqa inqas – li ngħata għas-suġġerimenti tiegħu matul dawn l-aħħar jiem. Kummentatur partikulari li naf żgur li jrid il-ġid lil din l-industrija rrimarka – mingħajr ma ċaħad xejn minn dak li għedt s’issa – li fl-aħħar mill-aħħar mhix ħaġa ċerta li proċess demokratiku u trasparenti bħal dan jista’ jagħti garanzija sħiħa li l-persuni magħżula tabilħaqq ikollhom il-kwalifiki akkademiċi u l-kwalitajiet maniġerjali meħtieġa biex iwettqu l-mandat tagħhom. Żied jgħid illi għażliet bħal dawn għandhom isiru abbażi tal-mertu billi qabelxejn tinfetaħ sejħa għall-kandidati. Imbagħad jintlaqgħu l-applikazzjonijiet sabiex il-kandidati jiġu evalwati minn bord awtonomu maħtur mill-partijiet interessati, dejjem skont il-kredenzjali professjonali tagħhom. Uħud qablu ma’ dan, oħrajn donnu xaqilbu iżjed lejn it-triq li rrakmanda Camilleri. Ġaladarba ftit li xejn jien midħla tal-entitajiet governattivi, ma naħsibx illi jien l-aħjar persuna biex nissuġġerixxi xi proċess partikulari jew ieħor illi jista’ jwassal għall-aqwa eżitu possibbli għal kulħadd. Li nħoss li nista’ ngħid hu li jidher ċar li l-appell tal-Kap Eżekuttiv ma kienx biss tentattiv biex iħares il-pożizzjoni rispettiva tiegħu iżda wkoll sejħa f’waqtha biex f’karigi delikati bħal dawn tiġi evitata kemm jista’ jkun kull interferenza politika. Lil hinn mid-diskussjonijiet rigward l-aħjar proċeduri li nistgħu nsegwu, jidhirli li ma tantx jistgħu jsiru wisq argumenti validi kontra pożizzjoni bħal din.

Madankollu r-reazzjonijiet li qanqlu l-istqarrija u l-messaġġ ta’ Camilleri ma kinux biss pożittivi u kostruttivi. Ili li qtajt kważi għalkollox il-vizzju li noqgħod naqra wieħed wieħed il-kummenti tal-qarrejja li jidhru fil-midja soċjali u fil-ġurnali elettroniċi. Ħafna drabi, l-aħbarijiet xejn sbieħ li jwasslulna saħansitra l-aqwa ġurnali dinjin ukoll ikunu biżżejjed biex iqabbduk diqa liema bħalha. U ġaladarba l-kummenti spiss ma jagħmlux għajb għall-kontenut, sirt nippreferi nevita li nżid mal-qtigħ il-qalb li żgur sar jaħkem lil ħafna u ħafna nies. Biss din id-darba ma stajtx nirreżisti t-tentazzjoni. Ikolli ngħid li ddispjaċieni. B’mod ġenerali – għax mhux lok illi noqgħod nifli kull intervent li sar – ir-rispons negattiv ħa xejra partiġġjana, spiss ukoll personali. Bosta minn dawk illi ddarrsu mis-suġġerimenti ta’ Camilleri kienu – bħalma forsi kien mistenni – partitarji akkaniti tal-Gvern tal-ġurnata li ftit li xejn għandhom simpatija mal-fehmiet politiċi tal-Kap Eżekuttiv. Ebda gvern ma jista’ qatt jittollera, għall-inqas skont dawn, illi kap eżekuttiv ta’ xi entità governattiva sinifikanti jesprimi ġudizzji negattivi kwantu l-operat tiegħu. Bħal xejn ma ppretendewx ukoll – ġaladarba kien filfatt kien inħatar fil-kariga tiegħu mill-Partit Laburista – illi Camilleri jigdem ilsienu u jibqa’ għaddej bix-xogħol tiegħu qisu mhu xejn, saħansitra, għall-ġieħna, rigward deċiżjonijiet b’impatti negattivi ċari fuq l-industrija tal-ktieb. Sintendi, uħud minn dawn saħansitra waslu jgħidu li Camilleri għandu jirreżenja. 

Għandu mnejn m’hemmx għalfejn nanalizza dan kollu b’mod filosofiku. Nistqarr magħkom illi, bil-kontra tas-soltu, din il-ġimgħa ftit li xejn għandi ħajra. Kummenti bħal dawn jixhdu biċ-ċar illi ħafna nies donnu ma jifhmux ir-raison d’etre tal-kotba u l-kittieba. Ferm inqas dak tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Wisq inqas jifhmu l-implikazzjonijiet tal-perikli kbar li l-Gvern – aħmar jew blu, ikun min ikun – ikollu influwenza diretta u interferenza qawwija fuq wieħed mill-iżjed setturi kruċjali fit-tiswir tal-iskambji tal-ideat, tal-ħsieb kritiku u tal-proċess demokratiku. Ma jifhmux lanqas il-viżjoni ta’ Camilleri li, tajjeb niftakru, kien wieħed mill-katalisti ewlenin fil-bidliet legali li ddaħħlu fis-seħħ ftit tas-snin ilu kontra ċ-ċensura fuq il-letteratura. Il-fatt li kap eżekuttiv jista’ jkollu riżervi fuq il-ħidma tal-Gvern – iżjed u iżjed jekk ikun imexxi entità kulturali – assolutament mhix raġuni suffiċjenti biex jinqata’ ġudizzju negattiv fuq il-ħidma tiegħu. Anzi, nemmen illi f’ħafna każi dan il-kriterju lanqas biss għandu jingħata tant piż fit-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi bħal dawn.

Hu x’inhu, ormaj ili naqra u nisma’ tgergir bħal dan is-snin. Biż-żmien drajt u ftit li xejn bqajt nagħti kas. Iżda ċertu tħassib baqa’ qatt ma ħallieni. Minkejja l-progressi kbar illi tabilħaqq saru fil-viżibbiltà tal-industrija tal-ktieb f’pajjiżna donnu ċerti faxex ojuttoat wiesgħa tas-soċjetà tagħna baqgħu ma jistgħu jintlaħqu b’xejn, l-anqas fl-iżjed ħwejjeġ raġunati li ftit li xejn jeħtieġu forza. Nagħmilha ċara: dan żgur mhuwiex tort tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Mhux tort tal-kittieba lanqas. Bħalma darba kien qalli Oliver Friggieri, “akkont, bil-ftit li għandhom, dawn diġà qegħdin jagħmlu ħafna”. Iżda kultant nibża’, forsi xi ftit bħal Friggieri, li jsir xi jsir u jsir kemm isir il-fjuri fostna baqgħu ma kibrux – la fil-Parlament, la fl-għelieqi u wisq anqas fi mħuħ in-nies...

More in Arti