Ritratti | Pont bejn l-450 sena ta’ storja tal-Belt Valletta u l-futur; Jinfetaħ il-Valletta Design Cluster
Fost oħrajn, il-Valletta Design Cluster qed joffri l-ewwel ġnien fuq bejt fil-Belt Valletta li hu miftuħ għal kulħadd
Din il-ġimgħa, il-Biċċerija l-Antika ġewwa l-Belt Valletta ingħatat ħajja ġdida, hekk kif issa ser isservi bħala l-Valletta Design Cluster, spazju kreattiv u kulturali ġdid iddedikat lid-disinn ġewwa l-Belt Valletta, taħt il-kappa tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Dan l-ispazju hu maħsub biex ikun id-dar ta’ kull kreattiv u kull organizzazzjoni li jixtiequ jħallu impatt soċjali pożittiv fuq il-komunità.
Il-Valletta Design Cluster joħloq opportunitajiet ġodda għall-persuni kreattivi fil-qasam tad-disinn, li ser ikunu jistgħu jiżviluppaw il-proġetti tagħhom u jilħqu livelli ġodda.
Dawk kollha li ser ikunu qed jissieħbu mal-Cluster jistgħu jagħmlu użu mill-għodda, makkinarju, u l-ispazji ta’ ġo fih, biex jaqsmu l-għarfien tagħhom u jimxu ‘l quddiem. Dawn il-facilitajiet ser ikunu qed jgħinu studenti, professjonisti, organizzazzjonijiet fl-oqsma relatati mad-disinn, kif ukoll għaqdiet Beltin, biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Ta' min isemmi wkoll li s-sala prinċipali tal-Valletta Design Cluster issemmiet għall-poeta u l-akkademiku Oliver Friggieri.