Ċentru għall-artisti, spazju għall-Beltin u ġnien għal kulħadd; Il-Biċċerija l-Antika tgħix mill-ġdid

Wara 400 sena ta’ storja, il-binja magħrufa bħala l-Biċċerija l-Antika se terġa’ tingħata mill-ġdid il-ħajja hekk kif dalwaqt se jkun inawgurat il-Valletta Design Cluster

Il-Valletta Design Cluster
Il-Valletta Design Cluster

Nhar il-Erbgħa 24 ta’ Marzu, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) se tkun qed tagħti rigal mhux biss lill-artisti u lid-diżinjaturi, iżda anke lill-komunità Beltija u lill-poplu kollu kemm hu. Dakinhar, dik magħrufa bħala l-Biċċerija l-Antika, li sa ftit tax-xhur ilu kienet ġawhra abbandunata fil-qalba residenzjali tal-Belt Valletta, se terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid u tkun mgħammda bħala l-Valletta Design Cluster.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet maċ-Chairperson tal-VCA, Jason Micallef li spjega aktar fid-dettall x’se tkun tinkludi din il-binja kbira u kif se jkun qed jibbenefika minnha, tista’ tgħid kulħadd.

L-ILLUM tibda tistaqsih kif żviluppa l-kunċett tal-Valletta Design Cluster b’Micallef jispjega kif meta daħal fit-tmexxija ta’ dik li qabel kienet il-Fondazzjoni Valletta 2018, sab diversi proġetti li kienu mwiegħda, inkluż għall-Biċċerija l-Antika. 

“Dak li kien qed jiġi propost ma kienx qed jagħmel sens għax il-Gvern kien se jagħti lill-binja, kif kienet, lill-għaqdiet volontarji. Ħassejt li dan il-proġett ma kellu l-ebda viżjoni,” insista Micallef.

Għalhekk bejn l-2013 u l-2014 bdew jinġabru l-ideat biex il-proġett għall-Biċċerija l-Antika jkun strumentali għar-riġenerazzjoni ta’ dik li kienet l-aktar biċċa mitluqa tal-Belt Valletta.

“Sa dakinhar it-tendenza kienet li anke meta qed norganizzaw xi ħaġa, kollox jieqaf ma’ Triq ir-Repubblika, Pjazza San Ġorġ u forsi Triq Merkanti,” insista Micallef.

Propju għalhekk, kompla jispjega, li dan il-proġett kellu jkun ewlieni biex tingħata spinta ‘l quddiem lil din iż-żona. Fil-fatt, apparti dan il-proġett, sar ukoll ir-restawr tal-Baviera u bħalissa għaddej xogħol ieħor fuq iż-żona ta’ Marsamxett.

“Xejn ma jsir f’salt imma meta taqbad taħdem fuq żona, jew inkella bini storiku, awtomatikament dan se jwassal għal xogħlijiet u investimenti oħra, anke mis-settur privat,” insista.

Waħda mill-kmamar fil-Valletta Design Cluster
Waħda mill-kmamar fil-Valletta Design Cluster

Proġett b’viżjoni li se joħloq l-impjiegi u minnu jgawdi kulħadd

Spjega kif għalhekk inħass il-bżonn li fil-Biċċerija l-Antika jsir proġett li minnu mhux biss tgawdi l-komunità tal-Belt, imma li jkollu viżjoni, li joħloq l-impjiegi u li jkun marbut mal-arti, il-kreattività u d-disinn.

“Ovvjament ma kontx waħdi. Iddiskutejna flimkien u wasalna għall-idea li dan il-post inbiddluh fl-ewwel inkubatur tad-disinn u l-kreattività,” saħaq Micallef.

Imma dan, fi kliem sempliċi xi jfisser? Dan se jkun Mużew? “Huwa kollox barra mużew,” saħaq Micallef. “Dan se jkun post mimli ħajja. Mużew huwa statiku. Fil-Valletta Design Cluster se jkollok attività artistika, li toħloq, li timmaġina u li tlaqqa’ lin-nies. Għalhekk, fi ftit kliem, dan se jkun ċentru fejn jiltaqgħu n-nies.”

Fil-fatt, apparti għall-pubbliku inġenerali, kif se naraw aktar ‘il quddiem, dan il-post se joffri spazju għall-artisti u d-diżinjaturi.

Il-binja hija kbira mhux ħażin u fiha se jkun hemm ukoll postijiet għal kiri għal artisti lokali u anke internazzjonali kemm biex ikomplu bl-istudji tagħhom u anke biex joħolqu mħażen.

It-triq li taqsam il-binja tal-Biċċerija l-Antika qabel beda r-restawr u l-istess triq illum
It-triq li taqsam il-binja tal-Biċċerija l-Antika qabel beda r-restawr u l-istess triq illum
It-triq li taqsam il-binja tal-Biċċerija l-Antika qabel beda r-restawr u l-istess triq illum
It-triq li taqsam il-binja tal-Biċċerija l-Antika qabel beda r-restawr u l-istess triq illum

‘B’kera baxxa dan se jkun start-up għall-artist, skultur jew perit li lesta l-istudji…’

Apparti minn hekk, il-Valletta Design Cluster se jkollu parti, li qed tissejjaħ ‘Artists in Residence,’ fejn l-artisti barranin, minflok jikru f’lukandi, se jkunu jistgħu jikru kmamar u saħansita joqogħdu hemm stess.

“Dan il-post se jkun ukoll ċentru fejn l-artist se jkun jista’ joħolqu prototip tad-disinn. Jista’ jkollok skultur, artist, diżinjatur jew perit li jkun gradwa imma ma jkollux il-mezzi biex jiftaħ uffiċċju jew maħżen fejn jaħdem. Għalhekk dan se jkun ukoll start-up, b’kera baxxa, biex il-perit, jew id-diżinjatur, wara li lesta l-istudji, ikun jista’ jiżviluppa t-talenti tiegħu. Tista’ tiddisinja libsa, xi ħaġa tat-teknoloġija, xi ħaġa tal-aluminju,” kompla jispjega Micallef.

Fil-fatt, kompla jisħaq iċ-Chairperson tal-VCA, il-Valletta Design Cluster huwa mgħammar bl-aktar teknoloġija avvanzata. 

Spjega kif dan il-post biex ġie rrestawrat, żviluppat u mgħammar bl-aqwa teknoloġija, se jkun sewa €10 miljun. Madwar €4.3 miljun ġew minn Fondi Ewropej filwaqt li l-bqija huma fondi pubbliċi.

Jason Micallef
Jason Micallef

‘Tlaqna minn binja niżla biċċiet … dan hu l-legat tal-Valletta 2018’

Tlaqna minn binja li tibża’ tgħaddi minn ħdejha. Kienet binja dilapitata għal 50 sena, mimlija abbużi u skart goff u skart ieħor,” fakkar Micallef.

Spjega wkoll kif din il-binja se tibqa’ amministrata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

“Dan huwa l-legat li aħna tant tkellimna fuqu fis-sena 2018. Ħloqna proġett, li baqa’ għaddej, se nirrenduh lill-pubbliku u se jibqa’ amministrat bl-esperjenza tal-ħaddiema professjonali tal-Aġenzija tagħna. Dan itina vantaġġ li mhux se ngħaddu l-post lil xi ħadd u mbagħad nittamaw li jmexxih tajjeb. Se mmexxuh aħna,” insista Micallef.

Il-binja abbandunata tal-Biċċerija l-Antika qabel ir-restawr
Il-binja abbandunata tal-Biċċerija l-Antika qabel ir-restawr

‘Spazju wkoll għall-għaqdiet u l-komunità Beltija’

Lilhinn mill-kreattività u d-disinn, il-post se jkun qed jingħata bi ħlas minimu ħafna u anke bla ħlas lill-għaqdiet tal-Belt Valletta, biex fih ikunu jistgħu jiltaqgħu, jagħmlu l-laqgħat fih u anke attivitajiet.

“In-nies tal-Belt se jkollhom binja rikka li qed terġa’ tingħata lilhom wara kważi 50 sena ta’ telqa totali. Huma se jingħataw prijorità għax tista’ tgħid li se tkun aċċessibbli għalihom kważi bla ħlas,” kompla jisħaq.

‘L-ewwel ġnien pubbliku fuq saqaf … Ħloqna spazju li ma jeżistix’

Iżda hemm ħaġa oħra li hija għal qalb ħafna Micallef u li tikkonferma kemm din il-binja se tkun tal-Beltin u l-Maltin daqskemm se tkun għall-artisti.

Spjega kif fl-aħħar tliet snin, il-VCA kellha diversi esperjenzi Ewropej u internazzjonali li laqqgħuha ma’ nies u organizzazzjonijiet li ħadmu fuq proġetti simili għal Valletta Design Cluster. Fost dawn, il-VCA għandha ftehim għall-kollaborazzjoni ma’ Japan European Union Foundation.

“Matul l-aħħar snin, fejn ħdimna ħafna flimkien, qalulna li din il-Fondazzjoni kellha kollaborazzjoni ma’ ditta ta’ periti f’Tokjo li tispeċjalizza fid-disinn ta’ ġonna fuq il-bejt. Staqsewna jekk hux interessati biex nagħmlu xi ħaġa hekk fil-Valletta Design Cluster,” spjega Micallef.

Insista li l-isfidi biex dan seta’ jseħħ kienu kbar, iżda fi kliemu “l-eċitament” biex dan iseħħ kien akbar, anke għax f’dik in-naħa tal-Belt ma jeżisti l-ebda ġnien pubbliku u kważi kważi lanqas spazju pubbliku.

“F’pajjiżna kollu ma jeżisti l-ebda ġnien fuq saqaf bħalma se jkun dan. Se noħolqu spazji pubbliċi ħodor li ma jeżistux. Dan se jkun aċċessibbli għal siġġu bir-roti kif se tkun il-binja kollha,” saħaq Jason Micallef.

Dan il-ġnien fil-fatt se jkun miftuħ kuljum u bla ħlas għall-Beltin, il-ħaddiema li jaħdmu fil-kapitali u għal kull min jidħol il-Belt Valletta.

“Jiena ma għandi l-ebda dubju li dan se jkunu popolari mmens. Se jkollok siġar, arbuxelli u anke post fejn tpoġġi u tiekol xi ħaġa. Ma hemm l-ebda restrizzjoni. Ħaddiema jistgħu jmorru hemm anke għar-rikreazzjoni,” saħaq Micallef.

Il-ġnien pubbliku kif se jidher
Il-ġnien pubbliku kif se jidher

‘… anke forn salvajna u se jaħdem’

Iżda mhux hekk biss. Għalkemm tissejjaħ il-Biċċerija l-Antika, interessanti li din il-binja l-inqas li ntużat kienet bħala biċċerija għax matul iż-żmien intużat għal diversi għanijiet diversi, fosthom anke bħala ‘ċentru kummerċjali,’ b’għadd ta’ ħwienet differenti. 

Fost dawn, fiha kien hemm tmien t’ifran u l-VCA rnexxielha s-salva tnejn minnhom u wieħed minn dawn saħansitra se jkun jaħdem u se jkun qed jintuża għat-taħriġ tal-ikel Malti li se jkun ukoll servut.

“Irrispettajna l-400 sena storja ta’ din il-binja,” saħaq Jason Micallef.

Semma wkoll il-funtana li tinsab fi Triq San Kristofru faċċata ta’ Triq Zekka. 

“Minn hemm daħal għall-ewwel darba l-ilma ġieli li kien jasal mill-Imtaħleb u l-Buskett. Tant hu hekk li rnexxielna nsalvaw bir enormi u antik u li minnu se nkunu qed insaqqu l-ġnien pubbliku ta’ fuq il-bejt,” spjega ċ-Chairperson.

Fi kliem sempliċi, temm jisħaq Micallef, dan huwa post multifunzjonali. Se jitlaq mill-kreattività, l-arti, il-kultura u l-eżebizzjonijiet iżda se jkun ukoll ċentru fejn jiltaqgħu n-nies, fejn il-komunità Beltija u l-għaqdiet Beltin fosthom tal-festi se jkollhom fejn jiltaqgħu u jintemm b’attrazzjoni għall-pubbliku inġenerali, bi ġnien għal kwiet u l-paċi bil-veduta mill-isbaħ tal-Kapitali. 

More in Politika