Letteratura | Nistgħu qatt ngħaddu mingħajr it-teatru tassewa? Wara ftakira f’waqtha fil-manuskritti ta’ Francis Ebejer

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jistaqsi jekk nistgħux – l-iżjed f’dawn il-blielagħ tant traġiċi ta’ żmienna – tabilħaqq ngħaddu mingħajr it-teatru tassewa. Jiftaħ billi jfakkar fl-inventarju konċiż tal-manuskritti tad-drammaturgu Francis Ebejer illi nġabar is-sajf li għadda minn ibnu Damian. Ikompli billi jiftakar fl-epoki li kien iddjaloga l-iktar mat-teatru ta’ Ebejer filwaqt illi jinnota b’ċerta sogħba n-nixfa ta’ teatru li ġarrabna f’dawn l-aħħar xhur. Flimkien ma’ Friedrich Nietzsche u Massimo Cacciari – issa fid-dawl tal-għeluq tat-teatri u tal-knejjes imħabbar f’pajjiżna dil-ġimgħa – Saliba jtemm billi jenfasizza r-rwoli tant essenzjali li suppost jenħtieġ jaqdu bla hedu daż-żewġ żbokki katartiċi fil-ħajja tagħna l-bnedmin, iżjed u iżjed meta lkoll insibu ruħna f’qiegħ l-ifnad abbissi traġiċi...

Francis Ebejer
Francis Ebejer

We have assembled inside this ancient and insane theatre to propagate our lust for life and flee the swarming wisdom of the streets. – Jim Morrison, The Ghost Song (An American Prayer)


Il-pittur lokali Damian Ebejer – iben id-drammaturgu tagħna Francis – f’Awwissu s-sena l-oħra fl-aħħar temm jgħaqqad L-Inventarju Arkivjali Konċiż tal-Kollezzjoni Sħiħa tal-Manuskritti, Xogħlijiet Letterarji u Oħrajn f’ġieħ il-memorja ta’ missieru. Għamel dan sabiex jiċċelebra għeluq snin dan il-Ġentlom minn Malta. Id-dokumenti jkopru s-snin tletin aktarx kollha u jibqgħu sejrin jgħoddu sas-sena 1993. Skont deskrizzjoni li ppubblika Damian is-sajf li għadda fil-Facebook, dan l-inventarju jinkludi 170 paġna li fihom – matul 27 sena sħaħ – ikkatalga u rreġistra l-karti letterarji kollha ta’ missieru. Fid-deskrizzjoni kien kompla jgħid illi fis-sew dan l-inventarju jagħmel parti minn kollezzjoni li tgħodd madwar 200,000 paġna ppakkjati f’74 kaxxa – għadd ferm notevoli. Volum bħal dan impossibbli joffri biss materjal ta’ ftit siwi. Ma jidhirlix illi minn dakinhar ’il hawn qatt smajna xi ħaġa dwar x’għad isir – jew għandu jsir – iżjed ’il quddiem minn dawn id-dokumenti. Issa li t-teatri kollha sfaw battala, fil-ġejjieni prevedibbli abbli dawn l-għamliet ta’ mfakar ser ikunu għalina l-eqreb illi ser inkunu nistgħu nersqu lejn it-teatru tassewwa. Dejjem aħjar mix-xejn: jekk toqgħod taħseb, imqar ftit, iċ-ċiviltà tagħna ma tistax tgħaddi bla ebda ħjiel awtentiku tal-iżbokki essenzjali li kapaċi joffrilna t-teatru. Iżjed u iżjed imbagħad illum...

Ftit tax-xhur ilu kien biħsiebni mmur inżur lil Damian ħalli ngħid kelma miegħu fuq il-post bħan-nies kwantu dawn il-manuskrutti. Biss, kaġun tal-imwieġ tar-ristrezzjonijiet illi ddaħħlu fuq il-mobbiltà u l-kuntatti soċjali tagħna tul l-aħħar xhur, kważi qatt ma mort niltaqa’ in persona mal-persuni li ftaħt djalogu magħhom. Iżda xi ħaġa tgħidli li jkun dnub illi laqgħat bħal dawn – l-iktar meta jkunu jittrattaw materjal antik illi abbli mbagħad qatt ma jarah ħadd – isiru biss permezz tal-email. Qabelxejn jintilef żgur l-aspett viżiv. Barra minn hekk, joffri kemm joffri kumdità l-email, qajla dan jippermetti t-taħdit proprju mal-awturi, jew almenu mas-sidien, tal-materjal inkwistjoni. Is-sena l-oħra kelli f’moħħi wkoll inkontri simili ma’ xi qraba ta’ Rużar Briffa u ta’ Erin Serracino Inglott: mal-ewwel wieħed dwar il-manuskritt tat-traduzzjoni tiegħu tad-Divina Commedia, mat-tieni dwar xi karti li ħalla lil qraba. Għaldaqshekk għalissa ser nitlaqhom – Annu Dante apparti – fuq l-ixkaffa jaqilgħu t-trab...

L-attivitajiet ta’ arkivjar donnu rrankaw bis-sod f’dawn l-aħħar xhur. Bħalma diġà ġieli rrimarkajt hawnhekk, matul din il-pandemija kważi kulħadd sar jinqala’ ħafna fil-preżervazzjoni tal-antikalja u tal-kollezzjonijiet ta’ kollox. Ngħid dan mhux b’disprezz. Pjuttost b’ċerta nostalġija. Ibda għax żmien ilu kont inġemma’ minn kollox u mas-snin din il-paċenzja partikulari tliftha. Ngħidu wkoll b’daqsxejn ta’ irritazzjoni, għax fi żminijiet bħal dawn it-tifkiriet mhux dejjem jagħmlu l-ġid. La semmejna lil Dante, ma ninsewx: “m’hemm ebd’akbar diqa minn dik illi tiftakar fiż-żmien hieni meta tkun taħt”. It-tfakkir maż-żmien – bħall-kilba għall-kitba – jaf isir wkoll vizzju. Iżda rigward materjal bħal dan ta’ Ebejer żgur ma nistgħux nirraġunaw b’dan il-mod. L-istess jgħodd għall-proġett malti.mt tad-Dipartiment tal-Malti li dan l-aħħar ġabar u poġġa aċċessibbli fuq l-internet mijiet ta’ intervisti m’awturi u skulari Maltin, fosthom Francis Ebejer: uħud mill-iġsma iħirsa li semmejt ġimgħa ilu. Ħadd ma jista’ joqgħod iġorr – lanqas dawk illi ma jaqblux sabarra mal-miżuri restrittivi li komplew jidħlu fis-seħħ waħda wara l-oħra tul dawn l-aħħar ġimgħat – illi ma jistax isib daqsxejn x’jagħmel. Tajjeb li dawn l-inizjattivi jkomplu: huma monumenti awtentiċi fihom infushom u aktarx huma aħjar minn dawk tal-ġebel u tal-irħam: qabelxejn dawn spiss ikollhom potenzjal baxx illi jaqilgħu kontroversji aljenanti ġodda dwar x’jistgħu jkunu l-iżjed stili ta’ skultura xierqa sabiex nagħtu ġieh u nweġġgħu lill-kbar ta’ qabilna. Mhux għax ħażin li fl-aħħar issa qed jinfetħu diskussjonijiet bħal dawn, iżda f’xiex nhedew u fuq xiex ninfexxu nitlewmu bħalissa lkoll għandna iżjed minn biżżejjed...

L-Inventarju Arkivjali Konċiż tal-Kollezzjoni Sħiħa tal-Manuskritti, Xogħlijiet Letterarji u Oħrajn
L-Inventarju Arkivjali Konċiż tal-Kollezzjoni Sħiħa tal-Manuskritti, Xogħlijiet Letterarji u Oħrajn

Ġimgħa ilu fakkart fl-Iġsma Iħirsa ta’ Oreste Calleja. Jidhirli wkoll illi ta’ min infakkru wkoll lil Francis Ebejer f’daż-żminijiet. Anzi, f’dal-jiem drammatiċi ikun jixraq illi niftakru fid-drammaturgi kollha, anke dawk tagħna sintendi. Mhux biss minħabba d-dramattizazzjoni medjatika istantanja – spiss artifiċjali – ta’ kulma jiġri u iżjed, kemm madwarna u kemm fid-dinja. La ġejna għall-memorji, ngħid għalija l-aħbar imħabbra s-sajf illi għadda minn Damian Ebejer dlonk erġajt ftakart fiha m’ilux meta ġie f’idejja ktejjeb vjola għall-istudenti tal-Matrikola minn Mario Azzopardi rigward id-dramm L-Imnarja Żmien il-Qtil. Flimkien mad-dramm Il-Ħadd Fuq il-Bejt, kien fis-sillabu tal-Livell Ordinarju tal-Malti għas-snin 1996-1998. Jinkludi wkoll intervista interessanti mal-awtur. Lil Francis Ebejer skoprejtu dik il-ħabta fil-lezzjonijiet ta’ Marco Galea. Ngħid is-sew iż-żewġ drammi ma tantx kienu laqtuna bil-kbir, aktarx għax kont nippreferi d-drammi ta’ Alfred Sant u Doreen Micallef. Mill-banda l-oħra kien laqatni ħafna r-ritratt wisq cool – kemxejn Rock ’n Roll – illi jidher fil-faċċata ta’ wara tad-dramm L-Imnarja Żmien il-Qtil. B’xi ftit tiġbid kreattiv tal-immaġinazzjoni abbli għal ftit nistgħu nistħajluh mitbugħ fil-qoxra tas-single The Prettiest Star (1970) ta’ David Bowie. Dika l-ħabta primavista Ebejer tagħna kien tagħni x’tifhem illi fl-aqwa tiegħu żgur kien xi daqsxejn avanzat għal żmienu. Ftit tas-snin wara mbagħad ġie f’idi b’ċikka – jew aħjar bis-saħħa ta’ Carmel Aquilina tad-Drama Centre illi ħalliena m’ilux – id-dramm tiegħu Vum-Barala-Zungaré. Darba minnhom, wara li fettilli nuri lil Aquilina dramm vroma li kont ktibt snin qabel għall-modulu tal-istudji tal-Medjuevu tal-Oqsma tal-Għerf, kien ġie jnewilli ktieb u qalli: “Ħallik minn Sartre int! Dad-dramm trid taqra! Vum-Barala-Zungaré! Anke t-titlu jġennek!” Mill-ħarsa t’għajnejh għall-ewwel iżjed ħsibt illi kien qiegħed jirreferi għall-par kuxxtejn tal-attriċi li tidher fuq il-qoxra tal-edizzjoni linotype mitbugħa minn Lux Press – Ħamrun (1977). Ma domtx ma ntbaħt illi kien qalli sewwa, iżda lil Ebejer (kif ukoll lil Sant) fhimtu iżjed snin wara meta mort ngħix barra minn Malta. Kapaċi nifhmu xi kemm kemm iżjed illum...

Raġuni oħra għaliex nemmen illi forsi għandna nfakkru lil Francis Ebejer dan iż-żmien – mill-ġdid, lid-drammaturgi u lil dawk kollha li b’xi mod jaħdmu fit-teatru – hija minħabba tan-nuqqas ta’ avvenimenti (jew almenu prestazzjonijiet) teatrali li ormaj ilu magħna bosta xhur. Għaldaqstant Fabian Attard ma jagħmilx ħażin jekk ikompli jespandi dan il-proġett. Hekk jew hekk, bħalissa għandna nixfa kerha ta’ drama serja fil-pajjiż. Ħafna aħbarijiet illi qed joħorġu dan l-aħħar spiss juruna bosta xeni drammatiċi. Ibda mill-aħħar episodji peżanti tal-każ Caruana Galizia. Spiċċa f’kull ħaġa Covid. Intant it-teatri veri ilhom magħluqin u mid-dehra – l-iżjed issa li ngħalqu għalkollox – għandhom xi jdumu. It-teatrini l-oħra mbagħad ormaj bħal donnu ħarġu barra sa nvadaw lid-dinja: id-drammaturgi u l-atturi tan-normalità l-ġdida illum issibhom barra t-triq, l-iżjed fil-laboratorji u fil-qrati. Iżda d-drama tal-kronaka-kronika u tal-kċina-mediċina mhix l-istess bħal dik tal-palk, tat-teatru tassewa. Tassew tassew ħasra. Taħsbux illi qiegħed dan b’mod partikulari sempliċement għax proprju din is-sena, fis-sew is-sena l-oħra, kelli ntella’ fuq il-palk Huis Clos (Bil-Bieb Mitbuq, 1944) ta’ Jean-Paul Sartre. Xejn affattu: din tiegħi hija riflessjoni, fehma, interpretazzjoni, rigward l-implikazzjonijiet wiesa’ tal-għeluq tat-teatri – mhux biss f’pajjiżna iżjed mad-dinja kollha – fuq il-modi xejn f’lokhom kif iċ-ċiviltà tagħna saret tirrelata mat-teatru b’mod ġenerali. Hija interpretazzjoni tiegħi.

F’Diċembru li għadda l-filosofu Taljan Massimo Cacciari staqsa jekk tabilħaqq nistgħux nistħajlu belt Ewropea mingħajr teatru. Belt Ewropea mingħajr teatru u fejn tiċċirkola l-idea li adirittura nistgħu ngħaddu mingħajru – sitwazzjoni iżjed perikoluża minn waħda li kaġun t’emerġenza jinsab vojt kif inhu bħalissa.” Cacciari, bħas-soltu b’dika x-xeħta tant chic kemxejn bħal t’Ebejer, kompla jargumenta li matul iżjed minn żewġ millenja t-teatru rrappreżenta lill-belt Ewropea, bil-kuntradizzjonijiet, l-ansjetajiet, il-kunflitti, il-passjonijiet u l-intelliġenzi kollha tagħha. Kompla jgħid illi t-teatru filfatt huwa politika. Politika t-traġedja Griega. Politiku William Shakespeare. Politiku Carlo Goldoni – sostiene Cacciari. Politiku kien ukoll Sartre meta – waqt l-okkupazzjoni militari Nażista f’nofs is-snin erbgħin – tella’ għall-ewwel darba Huis Clos fit-Théâtre du Vieux-Colombier f’Pariġi. Kapaċi politiku kont inkun jien ukoll kieku seħħli ntellgħu fit-teatru Grieg ta’ Spazju Kreattiv. Bħalma żgur kienu politiċi fit-teatru tagħhom ukoll Alfred Sant u Francis Ebejer, insostni jien. Sant minħabba raġunijiet ovvji, Ebejer għax fis-snin sebgħin kien tella’ fuq il-palk uħud mill-ewwel dilemmi ewlenin illi kiddew lil Malta indipendenti. Politiku wkoll qiegħed ikun bħalissa l-editur tat-Times of Malta Herman Grech. Politiku qiegħed inkun jiena wkoll issa b’dan l-artiklu. Madankollu Cacciari jmur lil hinn mit-teatru politiku. Isostni wkoll illi t-teatru jista’ biss iseħħ jekk bejn l-atturi u l-udjenza jinħoloq rapport sod ta’ simpatija intima, kif ukoll kemm-il darba dan jinvolvi lill-ġisem u l-movimenti tiegħu f’rabta stretta bejn il-ħsieb u l-ħsus, legame cogito-sentimento. Ma jistax ikun hemm teatru li ma jisfruttax u ma jħaddanx il-fiżiku. Jenħtieġ illi t-teatru jkun avveniment korporali. Ma jistax imur online. F’Eleġija Morrison jagħmel mistoqsija profetika: “Do you know we are ruled by TV?” Iżda meta dir-rabta atturi-udjenza tinħall tinqasam xi ħaġa mill-iżjed essenzjalissima għaċ-ċiviltà, temm jgħid l-eks sindku ta’ Venezja. It-teatru ma jistax jiskot. Jilmenta li hawn min ma jifhimx li ħwejjeġ alkemiċi bħal dawn ma jistgħux jiżvolġu f’ambjent televiżżat. It-teatru mhux sempliċement biss ċinema. Xejn tant maġiku minn din ħajjitna li jesiġi minna dina x-xorta ta’ parteċipazzjoni kollettiva ma jista’ tabilħaqq jixxandar mill-bogħod.

Naqbel ma’ Cacciari, iżda fil-valutazzjoni bijopolitika li f’daż-żmien ta’ kriżi nistgħu ngħaddu mingħajr t-teatru nagħraf ukoll paradossi oħrajn. Jidhirli li l-għeluq tat-teatri – l-iżjed f’dal-perjodu ta’ kriżi bla preċedent f’kollox u kullimkien – jixhed fehim pjuttost fqir tal-kostituzzjoni ontoloġika umana – għaġna li inzerta għandha wkoll ċerti esiġenzi kulturali urġenti. Forsi ħadd iżjed minn Friedrich Nietzsche m’għaraf jinterpreta tajjeb id-diversi rwoli essenzjali li kienet taqdi t-traġedja Griega. Fl-ewwel saġġ tiegħu Die Geburt der Tragödie aus dem Geiste der Musik (It-Twelid tat-Traġedja mill-Ispirtu tal-Mużga, 1872) jissuġġerixxi li t-teatru kien jaqdi r-rwol kritiku – anke fi żminijiet imwegħra sintendi – illi jeleva liċ-ċittadini difaċċ l-assurdità tal-eżistenza u tan-nuqqas apparenti tat-tifsira aħħarija tagħha. Kienet tippermettilhom ukoll iħabbtu wiċċhom mal-abbiss mingħajr ma jiġġarrfu. Fl-aħħar nett, bħal f’seħer kienet tagħtihom il-qawwa li – minkejja kollox – isibu l-ħila jgħidu “iva” lill-ħajja. It-tnejn immela – anke quddiem il-mewt – jibqgħu jaffermaw il-ħajja. Ħaġa ċerta li t-traġedja Griega – l-iżjed f’din in-narrattiva filosofika ta’ Nietzsche – ma kinitx tiċċassa biss fl-abbiss mentri tistennieh jiċċassa lura lejha, jekk mhux ukoll jinfettaha b’daka l-baħħ xejjieni tiegħu. Din l-“iva” kien reġa’ affermaha mal-għaxar snin wara fit-test rinfreskanti Die fröhliche Wissenschaft (Ix-Xjenza Hienja, 1882). Min jafx kienx jerġa’ jtenniha mill-ġdid li kieku qiegħed issa magħna fil-ħajja tagħna tal-lum? Hu x’inhu, żgur ma nimmaġinax lil nies bħal Nietzsche – jew lill-iskulari akkaniti tiegħu wara kollox – qatt jistgħu jikkunsentaw qisu xejn mal-għeluq tat-teatri. Jekk it-teatru ma jistax isir proprju issa – f’dis-sena li ħabat tajjeb ukoll illi qed infakkru s-seba’ mitt ċentinarju mit-twelid tad-drammaturgu infernali per eċċellenza – allura meta għandu jitħalla jsir? Għat-teatru dan tal-lum tabilħaqq huwa l-aqwa żmien. Bħalma jistaqsi b’mod retoriku Jim Morrison f’Eleġija (Elegy): “could any hell be more horrible than now and real?”

L-istess jgħodd – anzi forsi iżjed għall-inqas f’għajnejja – għall-għeluq tal-knejjes. Dejjem deherli li l-funzjonijiet reliġjużi jilagħbu wkoll ir-rwoli sagrosanti li Cacciari u iżjed qablu u iktar minnu Nietzsche jassoċjaw ben tajjeb mat-teatru. Ibda mill-qari tal-Iskrittura u spiċċa fl-għemejjel simboliċi li jiddramatizzawhom, ngħidu aħna – fil-każ tal-kult dominanti tagħna – il-konsagrazzjoni tal-kalċi u t-tqarbin. Forsi anke iżjed, x’jgħid x’jgħid Niezsche. Biex tgħaxxaqha, fit-tnejn ġieli nistgħu saħansitra nħossu subliminazzjoni drammatizzata ta’ impulsi katartiċi, ġieli wkoll erotiċi. Dejjem deherli wkoll illi fir-ritwali spiritwali – anke f’dawk tas-soltu – hemm element qawwi ta’ teatru. Dawn iż-żewġ forom essenzjali ta’ drama umana, voldieri t-teatru u r-ritwal reliġjuż, bil-modi tagħhom itennu dik l-“iva” li kulma jmur ilkoll ser neħtiġuha iżjed u iżjed. U t-tnejn li huma – bil-kontra tal-ġrajjiet kurrenti, is-soap operas u s-sitcoms – ma jistgħux jixxandru mill-bogħod. Wisq nibża’ li dan jikkonferma qatigħ dak illi ili nissuspetta s-snin: il-Punent ormaj tilef kważi għalkollox l-istorja tiegħu. M’għadx għandu boxxla oħra biex jgħix u jsaltan għajr dik tat-tirannija bijopolitika u spiss riduttiva tat-teknika. Bħal Dante fl-infern tal-Kummiedja Divina: it-triq it-tajba tlifnieha. U ma jidhirx li xi ħadd – lanqas l-Alla ta’ Heidegger – mhu ġej isibhielna bilġri. Għaldaqstant imbagħad mhux ta’ b’xejn – l-iżjed meta niġu għas-si u n-no – il-biċċa l-kbira tal-bnedmin illum bħal saru, anzi issa ilhom, bħal jitfixklu l-filosofija mat-taħwid tal-imħuħ, il-letteratura mal-istejjer viżavì s-société polie, it-teatru tassewwa mal-bużullotti tas-soċjetà ħamalla, ir-reliġjon mas-superstizzjoni, voldieri mal-ħwejjeġ mhux essenzjali.

Nistgħu ngħaddu mingħajr it-teatru tassewa? Żgur issib min mhux talli jgħid illi ngħaddu mingħajru ma nistgħux talli jasal saħansitra jgħidlek illi ċiviltà li taqbad dit-triq-ma-tinfidx jixirqilha agħar mill-Covid. Abbli hawnhekk Sant jibda jippilla, għad illi żgur mhux abbażi tal-ilmenti ta’ Aristotile. X’forsi kien jaħseb Francis illum dwar l-għeluq tat-teatri ma jaf ħadd għajr, għandu mnejn, ibnu Damian. Iżda ma niskanta b’xejn. Għandi nifhem li Cacciari jaqbel. U Nietzsche iżjed minnu, senzaltru. Veru li kultant l-Übermensch kellu ħabta jkun daqsxejn drama queen, iżda forsi hawnhekka – l-iżjed illum f’qiegħ dawn l-ifnad abbissi traġiċi li qed inħabbtu wiċċna magħhom – minn banda lil min minn daqqiet jifhimha daqsxejn bħal Nietzsche ma tlumux...

Immel’ejjew nitolbu: Vum-Barala-Zungaré!

More in Arti