Ritratti | Juża t-tila biex iqajjem kuxjenza dwar il-qerda tal-ambjent u l-pajsaġġ Malti
L-artist Fabio Borg se jkun qed itella’ s-sitt wirja tax-xogħlijiet tiegħu

L-artist Fabio Borg se jkun qed itella’ s-sitt wirja tax-xogħlijiet tiegħu u din id-darba se jkun qed iwassal messaġġ dwar l-ambjent Malti permezz tal-pittura.
“L-arti minn dejjem kienet parti ċentrali minn ħajti. Riċentament qed jikbar it-tħassib dwar l-ambjent u l-biża’ li nitilfu l-ġmiel tal-pajsaġġ Malti,” saħaq il-pittur mas-sit illum.com.mt.

Biex iqajjem kunxjenza dwar dan, Borg iddeċieda li jtella’ din il-wirja.
Fost oħrajn, fix-xogħlijiet li se jesebixxi, hemm il-postijiet li huma marbuta mat-tfulija tiegħu.
“It-toroq f’Tas-Sliema u l-Gżira lanqas għadhom jintgħarfu,” saħaq Fabio Borg u insista li dan kien il-messaġġ ewlieni li xtaq iwassal, jiġifieri “l-kruha tal-binjiet tal-konkrit li qed jittellgħu llum.”


Insista li l-pajsaġġ Malti huma mill-isbaħ u jispirah iżda fl-istess ħin iħoss li mhuwiex apprezzat biżżejjed.
“Xi drabi nibża’ li se nitilfu l-kampanja għall-iżvilupp. Għalhekk qed nipprova nippreserva ftit minnha fuq it-tila, bit-tama li l-Maltin jispiraw ukoll ruħhom u jibdew japprezaw u jipproteġu l-ambjent naturali tagħhom,” insista.
Bħal ma ġara lil kulħadd, il-pandemija ħalliet ukoll impatt qawwi fuq il-pittur. Hu stess insista li l-biża’ u l-inċertezza ħariġhom ukoll bid-daqqa tal-pinzel.
Dan jista’ jidher fit-teknika tal-Chiaro Oscuro f’uħud mill-pitturi.
Il-wirja se tittella’ mit-3 sas-17 ta’ Marzu ġewwa Desko Gallery, fi Triq Santa Luċija l-Belt Valletta u se tkun sponsjorjata minn Gasan Mamo Insurance.