Letteratura | Kif wasalna s’hawn? Riflessjonijiet filosofiċi dwar il-ġid komuni

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ktieb ta’ Alan Xuereb Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni. B’mod ġenerali Saliba jilqa’ b’sodisfazzjon kbir dan il-ktieb ġdid ta’ filosofija bil-Malti. Qabelxejn, ipoġġi dan ix-xogħol fl-isfond ta’ artiklu – imnebbaħ minn diska tal-grupp Talking Heads – li deher m’ilux fil-ġurnal teoloġiku elettroniku Church Life Journal. Saliba jinterpreta l-artiklu inkwistjoni – li spiss jistaqsi l-mistoqsija “kif wasalna s’hawn?” – bħala riflessjoni f’waqtha dwar ir-rapport filosofija-teknika-politika. Spiss jidentifika wkoll l-istess domanda preċiża fil-paġni tal-ktieb ta’ Xuereb, l-iżjed fil-kummentarji tiegħu rigward il-qagħda tal-filosofija fi żmienna, il-kwistjoni tal-verità kif ukoll, sintendi, in-nozzjoni tal-ġid komuni. Saliba jpoġġi wkoll dan kollu fil-kuntest kurrenti tal-imxija tal-Virus Corona, b’kummentarji ftit li xejn promettenti kwantu r-rwol pjuttost marġinali li tħalliet tilgħab il-filosofija tul il-ġestjoni ta’ din il-kriżi planetarja. Mill-ġdid, il-pern illi jsejjes din il-kritika – barra mil-lirika tant nejjieka ta’ David Byrne u t-tħassib kemxejn supplikanti tal-kontributuri tal-ġurnal Kattoliku – jibqa’ r-rapport filosofija-teknika-politika. Fid-dawl ta’ dan kollu Saliba jtemm ir-riflessjonijiet tiegħu dwar il-ktieb ta’ Xuereb billi jisħaq – b’ċerta devozzjoni kultant titubanti – fuq ir-rilevanza attwali ta’ intervista li l-filosofu Martin Heidegger kien ta f’nofs is-snin sittin lill-ġurnal. Der Spiegel, b’mod partikulari għall-istqarrija terribbli tiegħu li ormaj “xi Alla biss jista’ jsalvana”.

Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni (BDL Publishing)
Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni (BDL Publishing)

“And you may find yourself living in a shotgun shack... And you may ask yourself, “Well... how did I get here?” Artiklu li deher m’ilux fuq il-ġurnal elettroniku Kattoliku Church Life Journal tan-Notre Dame University tal-Istati Uniti ħa spunt minn dawn iż-żewġ versi – misluta mid-diska Once in a Lifetime tal-grupp Post-Punk/New Wave Talking Heads – sabiex jirrifletti dwar l-impatti tal-ambjent psikoteknoloġiku ta’ żmienna fuq id-dimensjonijiet psikoloġiċi, konjittivi, kulturali, edukattivi u politiċi tal-mases. Fis-sew, l-analiżi partikulari tal-erba’ awturi tiegħu –Stahlman, Robinson, Berkman u Pugen (SRBP) – dwar l-invażjoni tat-teknoloġiji komunikattivi, bħalma nimmaġina li jafu ben tajjeb, tgħodd ukoll għat-teknika kollha kemm hi fis-sens wiesa’ tat-terminu. L-erba’ skulari li kitbu dan l-artiklu – bit-titlu ferm propizju Making Sense of a World in Transition – bejn il-linji tal-argumenti u l-ilmenti li jressqulna bħal jibqgħu jistaqsu u jiftaqdu fl-istess mistoqsija li jagħmel David Byrne lejn nofs l-album Remain In Light (1980): “Kif wasalna s’hawn?” L-analiżi li joffru flimkien mat-tweġibiet illi jipprovaw jagħtu – bħal ħafna materjal filosofiku serju li jittratta b’mod kritiku materji bħal dawn – ftit illi xejn iqawwu l-qalb, tant li jtemmu dan il-kontribut tagħhom bit-talba “God help us”.

U veru: praestet nobis Deus. Iżda dal-ħin xi ħaġa qiegħda tgħidli li għalissa forsi jaqbel – fejn ilna – inwarrbu lill-allat daqsxejn fil-ġenb: qabelxejn jenħtieġ naqbżu fuq ħwejjeġ oħra, jekk xejn bi tħejjija għal li ġej. Dan ukoll għax iżjed tard – anke tul dal-erba’ kelmiet kollox – lill-allat kapaċi niġu bżonnhom... forsi did-darba ferm iżjed minn qatt qabel. Iżda għax tgħid intant il-mistoqsija “kif wasalna s’hawn” illi jtenni l-artiklu mxandar mir-rivista teoloġika msemmija – flimkien mat-talba aktarx inevitabbli li ttemmu – baqgħu jippersistu fl-isfond ta’ ħsiebi jien u naqra ċertu ktieb tal-filosofija bil-Malti li ġie f’idejja daqs ġimgħa ilu, voldieri Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni (2020) ta’ Alan Xuereb. Xorta waħda: fis-sew il-mistoqsija ta’ Byrne kif ukoll dika s-sentenza partikulari li ttemm l-artiklu minn SRBP seħħilhom jieħdu r-riedni fuqi biss wara li wasalt nofs triq fil-qari – mhux wisq qabel. Għall-bidu – l-iżjed jien u nifli l-ewwel kapitli – ħsusi kienu għadhom kemxejn maħkuma minn ċertu sens ta’ sorpriża: b’xorti ħażina mhix xi ħaġa komuni ħafna li f’pajjiżna joħorġu kotba tal-filosofija. Inqas ħaġa tas-soltu – ħaqq l-imniegħel! – li jkunu miktuba bil-Malti. Il-filosofija bil-Malti għadha ma telqitx ilsienha biżżejjed. Aktarx l-aħħar kiteb tal-filosofija bil-Malti ta’ ċerta statura li wasal għandna f’dawn l-aħħar snin xhur kien is-saġġ Sejjieħ il-Ħsieb: Limitu u Ħelsien (2020) ta’ John Baldacchino. Appena dan kien wasal fil-ħwienet tal-kotba – proprju f’April tas-sena l-oħra – kont ħadt ix-xoqqa f’moxtha minnufih biex nikteb fuqu bilġri, l-iżjed għax dika l-ħabta wisq bżajt illi aktarx kienu ser jgħaddu bosta xhur qabel ma jfeġġ ktieb tal-filosofija validu ieħor illi jagħti ġieħ lill-ilsien Malti. Akkont l-istennija kienet kemxejn iqsar milli bsart: Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni ta’ Alan Xuereb, almenu f’għadd ġmielu ta’ aspetti, tabilħaqq ma jagħmilx għajb lill-filosofija miktuba fi lsien pajjiżna.

Għaldaqshekk ikun eżerċizzju tassew interessanti li kieku kellha ssir analiżi komparattiva bejn dawn iż-żewġ testi. Ibda biex mal-ewwel daqqa t’għajn jidher illi daż-żewġ ħassieba politiċi Maltin – almenu fil-biċċa l-kbira – jappartienu lil żewġ tradizzjonijiet filosofiċi oċċidentali differenti. Bħali, fil-maġġurparti Baldacchino għandu tendenza jsejjes d-diskors u l-istil filosofiku tiegħu abbażi tat-tradizzjoni kontinentali; il-modus cogitandi ta’ Xuereb, imbagħad, iżjed iva milli le, jidher mgħarraf qatigħ mit-tradizzjoni analitika. (F’dar-rigward jidhirli li l-għażla ta’ Baldacchino hija konxja għall-aħħar. Mhix ċara kemm tassew jista’ jingħad l-istess kwantu dik ta’ Xuereb.) Primavista jidher ukoll – minkejja li fl-aħħar mill-aħħar xorta jħaddnu wkoll għadd ta’ prinċipji u ideali politiċi komuni – illi dawn it-tnejn jidentifikaw lilhom infushom ma’ żewġ kampi politiċi lokali differenti, fis-sew opposti. Madankollu dan l-eżerċizzju komparattiv imur lil hinn mill-fini tar-riflessjonijiet li biħsiebni – anzi nasal ngħid jeħtieġli – naqsam magħkom din il-ġimgħa. Iżjed minn hekk: analiżi bħal din tmur ukoll oltre l-limiti, kemm tal-ispazju u kemm tal-ħin, illi jimponu fuqi l-esiġenzi ta’ din il-paġna.

Alan Xuereb
Alan Xuereb

L-istess jgħodd għall-fattibbiltà ta’ xi analiżi eżawrjenti tal-medda tant wiesgħa ta’ riflessjonijiet illi jippreżentawlna hawnhekk Xuereb rigward il-kunċett tal-ġid komuni: impossibbli tikkummenta dwar tour de force filosofiku bħal dan illi l-ewwel nett jeħodna – kif tabilħaqq għandu jkun! – lura sa Platun u Aristotile sabiex imbagħad iwassalna s’għand Santu Wistin u San Tumas t’Akwinu; illi wara mbagħad, jixħetna ’l quddiem, f’kemm trodd salib, bejn is-sekli sittax u tmintax fost ħassieba politiċi tant diverġenti bħal Niccolò Machiavelli, Thomas Hobbes, Benedict Spinoza, John Locke, Charles Montesquieu u Jean-Jacques Rousseau; illi dlonk imbagħad jitlaqna fid-deċennji tant u tant jaħarqu tas-seklu dsatax qalb Alexis de Tocqueville, Henri de Saint-Simon, Auguste Comte, Georg Hegel – (bilħaqq fejn hu l-Ġwanni l-Battista tal-Marksisti ortodossi Ludwig Feuerbach?) – Friedrich Engels u sieħbu Karl Marx; u li fl-aħħar ukoll, ma setax jonqos, iġibna lura iżjed qrib żmienna, voldieri fis-seklu li għadda, fil-kumpannija ta’ Hans Kelsen, Joseph Raz, John Rawls, Jacques Maritain u John Finnis. Intant joħorġu jimmarċjaw saħansitra t-truppi Nazisti...

Dan il-vjaġġ illi jitlaq mill-polis tal-Greċja tal-Qedem u jibqa’ għaddej sal-fenomeni kurrenti tal-populiżmu lokali ta’ Muscat u tat-Trumpiżmu tal-Istati Uniti donnu jagħtina x’nifhmu li anke Xuereb qiegħed jistaqsi – sew lilu nnifsu u sew lilna – l-istess mistoqsija li jagħmlu David Byrne u l-erba’ awturi Kattoliċi tal-artiklu taċ-Church Life Journal: “kif wasalna s’hawn?” Tul il-paġni tal-ktieb Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni jinħass illi anke fil-ħsibijiet politiċi ta’ dan l-intellettwali Malti dil-mistoqsija tikkonnota punt tal-wasla inkwetanti li għandu wkoll mit-tħassib ta’ SRBP. Dan joħroġ l-iżjed fid-dieher tul il-bosta riflessjonijiet illi jagħmel viżavì bosta nozzjonijiet u sitwazzjonijiet soċjopolitiċi kurrenti li, b’xi mod jew b’ieħor, għandhom piż palpabbli qawwi fuq il-fehim teoretiku u l-ġestjoni prattika tal-ġid komuni. Dan it-tħassib ta’ Xuereb dal-aħħar sikwit ħassejtu janima wkoll sija l-kitbiet u l-intervisti reċenti li ta dwar dan ix-xogħol u sija l-ftit skambji qosra li kellna dwar il-kontenut tiegħu. Innotajt ukoll tħassib spiss iġġustifikat rigward l-qagħda anomala li sfat fiha l-filosofija – u b’mod speċjali l-kunċett tal-verità – f’daż-żminijiet pjuttost anti-intelletwali li qegħdin ngħixu fihom.

L-ilment preċedenti tiegħi rigward l-ommissjoni ta’ Feuerbach – illi simbolikament jirreferi mhux biss għar-riformaturi utopiċi pre-Marksisti iżda wkoll għal bosta sriebet ta’ ħassieba sussegwenti ewlenin mit-tradizzjoni kontinentali – hawnhekk m’għandhiex bilfors jinqara bħala tmaqdira skjetta. Anzi, jidhirli li hawnhekk f’dal-każ m’hemmx wisq lok – l-iżjed fid-dawl tal-livell notevoli ta’ din il-pubblikazzjoni – li l-qarrejja joqogħdu jidħlu wisq fil-merti jew fid-demerti tal-iskejjel tal-ħsieb. Rigward l-orjentament filosofiku probabbli tal-awtur abbli jibbasta jekk jingħad illi aktarx Xuereb ma jidentifikax ruħu mal-filosofi analitiċi b’mod ultrafanatiku u esklużiv. Ibda biex almenu sab daqsxejn spazju biex jakkomoda lill-idealiżmu ta’ Hegel. Kien ukoll pjuttost relattivament ħanin ma’ Marx. Terġa’ u tgħid, saħansitra mbagħad jiddikjara li jħaddan xi għamla ta’ twemmin f’Alla – kredu li illum tabilħaqq sar rari fost id-dixxipli u s-segwaċi tal-iskejjel purament analitiċi.

Forsi ħabat tajjeb – biex issa bil-mod nibdew insejħu l-allat lura mir-ribalta – li inzerta għandu dat-twemmin. Ħabat ħażin, mill-banda l-oħra, illi fl-istess waqt Xuereb għadu jemmen fl-idea – issa llum ormaj żgur impossibbli daqs il-metanarrattivi l-oħra kollha li bir-raġun madankollu jiċħad – tal-formazzjoni wiesa’ fuq skala sinifikanti taċ-“ċittadini filosofi”. Ħabat ħażin ukoll illi Xuereb donnu jassumi żżejjed illi – mis-sema ’l isfel jew minn taħt l-art ’il fuq – tabilħaqq żgur jeżistu veritajiet oġġettivi evidenti b’tifsira waħda u unika jew illi, agħar minn hekk, bħal jimplika qisu xejn illi l-bnedmin jistgħu qatt jaslu jiżvelawhom bis-sħiħ permezz tal-filosofija jew tax-xjenzi umani, soċjali u naturali. Dan tiegħi hawnhekk mhuwiex xi diskors, jonkella xi difiża apoloġetika, ta’ ċerti priedki tipiċi li ġieli nisimgħu mingħand il-postmodernisti. Wisq anqas huwa xi stqarrija ta’ xi kredu xettiċissimu jekk mhux ukoll, barra minn fuqna, niħilista – xejn affattu. Ma nħawwdux...

Hemm modi oħra kif ġieli nistgħu nittantaw inħarsu lejn dil-kobba mħabbla tal-verità. Is-skiet pereżempju. Minn daqqiet naħseb illi għandu mnejn kienu jaf x’qed jagħmel il-kittieb tal-Vanġelu ta’ San Ġwann meta – quddiem il-mistoqsija ta’ Pilatu “quid est veritas?” – ipprefera jirrikorri għall-ħtieġa tas-skiet. Ngħiduha kif inhi: anke s-skiet jenħtieġ, almenu kultant, jingħata daqsxejn kredtu f’dil-“kwistjoni tal-verità” li – b’kull raġun – tokkupa bosta paġni minn dan il-kważi-trattat ta’ Xuereb. (B’kollox din il-kelma fit-test tidher tlieta u sittin darba.) Il-fejda tas-skiet implikata fin-narrattiva evanġelika ta’ San Ġwann tul is-sekli ġiet interpretata b’bosta modi: għaqal, għerf, injoranza, arroganza. Mhix ħaġa ċara għall-aħħar x’funzjoni figurattiva seta’ ngħata s-skiet fl-immaġinarju kristoloġika ta’ dan l-evanġelista.

Iżd’ejja nħallu l-eżeġeżi għad-dutturi tal-ermenewtika: hekk jew hekk il-punt xorta jibqa’ li llum – l-iżjed għal individwi b’tendenzi filosofiċi ormaj passé – is-skiet kapaċi jaqdi funzjoni tabilħaqq fejjieda. F’ambjent akkademiku segregat u insulari fejn it-tentakli tat-teknika f’sens wiesa’ – inklużi x-xjenzi mediċi sintendi – mhux talli terrqu ferm ’il bogħod (għad illi mhux dejjem bilfors lil hinn) mill-filosofija iżda talli ħadu r-riedni kważi assoluta fuq kollox u kulħadd, aktarx, ironikament, ma tridx wisq biex għada pitgħada l-arma responsorjali ewlenija tal-filosofija ser tkun is-skiet. Hekk jew hekk, wieħed mill-bosta sriema li kixfet jew kompliet tikkonferma l-imxija tal-Virus Corona kien il-fatt illi meta niġu għas-si u n-no – saħansitra waqt il-ħalel ta’ kriżijiet plenatarji – il-filosofija ftit li xejn saret tingħata widen. Ta’ dan jaħti żgur, iżda mhux biss, il-virus l-ieħor tal-illitteriżmu filosofiku li – l-iżjed kaġun tal-ispeċjalizzazzjonijiet frammentarji u stretti fil-formazzjonijiet akkademiċi tal-professjonisti – infirex qatigħ fost bosta mill-esperti tagħna, fosthom ix-xjenzati. Ilu l’għadda u mar iż-żmien meta x-xjenzati maġġuri li jseħħilhom iwettqu revoluzzjonijiet xjentifiċi notevoli sikwit kont issibhom mogħnija wkoll b’formazzjoni filosofika xierqa, l-iżjed – jekk xejn, għall-inqas – imqar fil-filosofija tax-xjenza.

Għaldaqstant mhux ta’ b’xejn, akkont, apparagun, illi ftit li xejn għadhom jiżvolġu terremoti drammatiċi fil-paradigmi xjentifiċi. Agħar minn hekk, fid-dibattiti pubbliċi rigward l-imxija messithom ukoll l-istess sarima truxa u għamja – bħalma rrimarkaw tajjeb diversi filosofi kontemporanji ta’ statura internazzjonali bħal Giorgio Agamben, Massimo Cacciari, Bernard-Henri Lévy u Bruno Latour – għadd ġmielu ta’ xjenzi soċjali u dixxiplini umanistiċi, saħansitra dawk illi jittrattaw aspetti sejjiesa tal-kostituzzjoni umana: il-bijopolitika, il-psikopolitika, in-nekropolitika. Laqqtuha wkoll diversi esperti mediċi dissidenti! Merħba lkoll allura fil-quċċata tat-trijonf singulari tat-teknika: it-teknokrazija mgħarrfa mir-reliġjon il-ġdida tax-xjentiżmu, mitkellma bil-lingwa franka uffiċjali taċ-ċifri aggregati, imqaddsa bil-kalċi tat-tagħmir xjentifiku-teknoloġiku, imwettqa b’min jaf xiex. Għandu mnejn il-vers qsajjar illi jtemm il-poeżija Le programme en quelques siècles (Il-Programm f’Għadd ta’ Sekli) tal-poeta Franċiż Armand Robin – “NOUS Y SOMMES” / “F’DAN QEGĦDIN” – qatt qabel illum ma nħass talment tanġibbli.

Għax tgħid, l-awtokrazija xjentista tat-teknokrati li ssoktat tirranka tul dawn l-aħħar xhur mhijiex, jew m’għadhiex, wisq differenti minn dak illi ormaj ilna s-snin nosservaw fil-governanza prattika ta’ setturi ċivili oħra. Dan jgħodd xejn inqas għax-xjenzi u l-istrateġiji politiċi li tħaddmu biex forsi jinstab tarf kif l-aħjar jitħares l-assjem tal-ġid komuni matul dil-kriżi kważi bla preċedent. Nemmen illi jkun tajjeb jekk Xuereb jieħu nota ta’ dan, l-iżjed għaliex il-ġestjoni tal-pandemiji tikkonsisti wkoll, fl-aħħar mill-aħħar, f’eżerċizzju politiku fuq skala globali fl-amministrazzjoni u fil-protezzjoni tal-ġid komuni. Din mhix biss kriżi sanitarja. Mhux għax kien hemm tant għalfejn tfaqqa’ mxija nobis bħal din sabiex nintebħu li qegħdin ngħixu fl-epoka tad-din xjentista. Ċerti sinjali taż-żminijiet ilhom illi feġġu, it-twissijiet dwar dad-dagħbien illi sfajna fih ilhom li ntbagħtu. Virus u mhux diġà konna f’dan. F’dal-punt issa ma nistax ma niftakarx f’Martin Heidegger – ħassieb ferm pertinenti ieħor illi, b’xorti ħażina, donnu ma sabx postu fil-pantenon filosofiku ta’ Xuereb. Ħsibijietu siewja immens għal kulma ngħad s’issa hawnhekk, b’mod partikulari għat-tħassib imqajjem mill-artiklu tal-ġurnal teoloġiku kif ukoll – xejn inqas – għal bosta realtajiet soċjoekonomiċi kurrenti li tant iħassbu lil Xuereb.

F’intervista kemxejn skabruża li kien ta lejn nofs is-snin sittin lill-ġurnal Der Spiegel Heidegger kien stqarr, anzi bassar, dan: “il-filosofija mhix ser tkun kapaċi tħalli xi bidla immedjata fuq l-istat attwali tad-dinja. Dan jgħodd mhux biss għall-filosofija, iżda għal kull riflessjoni u għal kull ħidma tal-bnedmin. Xi Alla biss jista’ jsalvana”. Nur noch ein Gott kann uns retten: kos, għandi xorti naf inlissinha sewwa, iżda ili s-snin nomgħod fiha din. F’dar-rigward spiss inħoss illi ma nistax ma naqbilx ma’ Heidegger, iżda mhux – ummima! – mingħajr daka ċ-ċertu waħx. Għax ibda biex il-bużillis hu li fid-diskors filosofku waħħari ta’ Heidegger dan is-salvatur indispensabbli la huwa dak tad-djien Abramiċi – li jekk niġu f’dan, l-iżjed fl-għamla arkajka tiegħu, ormaj ilu li ngħadda b’mibluq minn Nietzsche – u lanqas dak ta’ xi ċiviltà reliġjuża maġġuri oħra. Naturalment minn din l-ispjega jsegwi wkoll illi dis-setgħa redentriċi mhijiex lanqas dik illi għadha tindilek bil-balzmu mill-ħassieba-maddaleni taċ-Chruch Life Journal u kapaċi wkoll minn Alan Xuereb. Iżjed u iżjed mhix l-iktar mudell ta’ telefon ċellulari jew ta’ PlayStation potenti li qatt għad jitqiegħed fis-suq. Lanqas hi xi pjan ta’ rkupru ekonomiku. M’għandhiex lanqas għamla ta’ vaċċin...

Fis-sew dil-miġja ġejjiena ta’ xi Alla feddej illi alluda għaliha Heidegger fl-intervista mal-ġurnal Der Spiegel tirreferi – qabelxejn b’mod poetiku – għal avveniment soterjoloġiku li qatt u qatt ma rajna bħalu: ġrajja li l-kategoriji tal-ħsieb tagħna forsi ’qas biss għandhom rabbew il-ħila jittendu biha. Abbli mhix ċara sabarra jekk din l-istqarrija tant midħatta u mmaħħa ta’ Heidegger kinitx biss xi iperbole retorika. Safrattant bosta skulari tal-ħassieb Ġermaniż għadhom isostnu – fil-fehma tiegħi b’implikazzjonijiet ontoteoloġiċi serjissimi – illi filfatt ma kinitx, tant illi jinterpretaw dan l-inżul enigmatiku bħala l-avvent tal-aħħar Alla. Hi x’inhi din id-Divinità aħħarija li kien ipponta lejha Heidegger b’ċerta kawtela daqs ħamsa u ħamsin sena ilu ma nemminx – jew aħjar ma rridx nemmen – illi jkun għaqli li nqattgħu żmienna kollu nishru f’din l-istennija. Mill-banda l-oħra ma naħsibx lanqas illi intant ifid wisq illi nfasslu xi ġejjieni – anke dak tal-ġid komuni li jittratta hawnhekk Xuereb – kemm-il darba, sewsew bħall-osservaturi akkademiċi taċ-Chruch Life Journal, nonqsu milli għall-inqas nibqgħu nistaqsu: “kif wasalna s’hawn?”; u wkoll, xi ftit bħalma jistaqsi Byrne f’Once in a Lifetime: “Well... how did I get here?” My God! What have I done?” Dan m’hemmx għalfejn bilfors nispiċċaw nagħmluh bil-bixra mikduda – b’dika l-awra peżanti Danteska – ta’ dak ir-raġel iddisprat illi tant jispikka fl-affresk tal-Aħħar Ħaqq ta’ Michelangelo. Anzi, l-għan tagħna jaqbel li jkun li niskansaw dad-diżgrazzji apokalittiċi għax imbagħad, minn hemm ’l hemm, tassew ma jifdal lok u ħin għal xejn, ’qas sulamank għal dika l-attitudni erojka – li tkellem dwarha Giorgio Agamben u fis warajh Slavoj Žižek – tal-“kuraġġ tal-qtigħ il-jies”.

Martin Heidegger
Martin Heidegger

Ma niċċewċux: fin-nofs hemm ukoll il-ġid komuni. Li kellna alla-ħares-qatt nonqsu minn dan, speċjalment fid-dawl (jew fid-dlam) tal-katakliżmi emerġenti tal-lum, allura mbagħad tassew ikollna għalxiex naqtgħu jiesna li għad qatt insalvaw lilna nfusna – biex nisraq frażi oħra skjaċċanti mingħand Agamben – minn taħt “it-tiġrif li qed jiċċirkondana”. Sadattant, sa ma jasal Godot – jitfaċċax jew le dan l-Alla aħħari ta’ Heidegger – kbira forsi tkun il-ħsara tagħna kemm-il darba issa – f’dal-punt tant kruċjali fl-istorja – m’aħniex ser nikkunsidraw mill-ġdid – bis-sħiħ u bil-qies – il-modus operandi u l-forma mentis dominanti li jidderieġu r-rapporti interdixxiplinari attwali bejn il-ħassieba tal-filosofija, l-arkitetti tat-teknika u d-deċiżuri tal-klassi politika, inklużi, sintendi, il-gwardjani u l-ġesturi eletti tal-beni kollettivi li jixtarr fil-fond fuqhom Alan Xuereb fil-ktieb tiegħu Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni.

Immela jalla Alla jgħinna, iżda, qabelxejn, jenħtieġ infittxu – illum qabel għada – nibdew ngħinu ruħna...

More in Arti