Letteratura | Il-litaniji tal-verbi tal-lejl; Bħal daqqa ta’ ponn taħt iċ-ċinturin

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ġabra ta’ stejjer qosra Mill-Bieb ’il Ġewwa tal-awtriċi Loranne Vella. Fl-isfond ta’ esperiment intertestwali tiegħu – imnebbaħ mill-poeżija ewlenija tagħha Il-Verbi ta’ Kuljum – jiftaħ billi jaqleb ta’ taħt fuq il-versi tagħha sabiex qabelxejn jagħtina l-litaniji tal-verbi tal-lejl. Ikompli billi jħabbar il-wasla ta’ Vella bħala artista multidixxiplinari kontemporanja ewlenija. Ikompli billi jiddeskrivi dawn it-testi – l-iżjed minħabba l-vjolenza psikosesswali tagħhom – bħala daqqa ta’ ponn taħt iċ-ċinturin, f’ċertu sens partikulari tal-kelma. Jidentifika diversi paralleli mal-metafori spinti tat-testi simboliċi tal-kittieb u ħassieb Franċiż Georges Bataille. Itemm bl-esperiment li fetaħ bih, voldieri bil-litaniji tal-verbi tal-lejl...

Dalgħodu ’rġajt stenbaħt minn lejl bla rqad, beżgħan imfawwar bil-għaraq. Erġajt stkerraht inbaħbaħ wiċċi u nnaddaf xuxti u ġildti mis-susa tal-kutri. Iddellikt, tħammiġt, tnittint minn fuq s’isfel jien u mmaħħaħ fuq il-ħmir il-jum tas-soltu. Erġajt żgiċċajt fis mill-mera. Erġajt ftakart f’min sirt menti intant erġajt insejt min jien, min kont, min ridt inkun. Fjakkajt. ’Qas biss trejjaqt. Ma xrobtx. Ma kilt xejn għajr sigarett. Ħallejt il-ħin jgħaddini mill-ġdid jien u nerġa’ nagħraf li ma kienx imissni. Taraw xejn: ġa kien sarli l-ħin biex nerġa’ ngħaddi mill-friex ’il ġewwa, biex nerġa’ nniedi r-raqda tal-jum. Naf, qgħadt inberren fuq dak u fuq dik jien u nerġa’ nistenna l-ħin jgħaddini. Tħeddtilt u ’rġajt ħlomt, minn kollox erġajt ħlomt. Kont għalliem tal-filosofija kontinentali f’Sorbonne. Direttur tat-teatru Butō fi Kjoto. Mużiċist stil Dark Ambient ġo Berlin. Logoterapista fi Freiburg. Fejjieq Taoist f’Hubei. Kumpann t’Amy Winehouse fil-Karibew. Pazjent bid-dimensja f’San Vinċenz. Karattru f’rumanz ta’ Georges Bataille. Kont kulma ma kontx, kulma ma sirtx, kulma m’iniex. 

Erġajt ħlomt ukoll bl-ewwel test tal-ġabra ta’ stejjer qosra Mill-Bieb ’il Ġewwa ta’ Loranne Vella: il-poeżija Il-Verbi ta’ Kuljum. Ekku filfatt il-litaniji tal-verbi tal-lejl: silta minn esperiment letterarju tiegħi – imħarbex kmieni s-sena l-oħra – imnebbaħ proprju mill-versi ta’ Vella. Mhux soltu niddelitta wisq b’tentattivi kreattivi bħal dawn. Forsi għax nippreferi tekniki oħrajn. Għandu mnejn għax b’tentattivi stilistiċi xi ftit jew wisq simili – bħall-produzzjonijiet aleatorji stil cut-up tant sinonimi ma’ William Burroughs u David Bowie fost oħrajn – s’issa ftit li xejn seħħli naqta’ sandar. Wisq nibża’ li ormaj nista’ naqta’ jiesi li xi darba għad insib posti fost l-Illuminati ta’ Thanateros. Ma jimpurtax: fid-djar tal-alkemiji tal-kliem hemm ħafna għamajjar – kapaċi għada pitgħada jitħejja għalija xi post. Bħalma donnu issa bħal beda jitħejja, bil-qajl il-qajl, għall-awtriċi Loranne Vella wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel ġabra ta’ stejjer qosra tagħha Mill-Bieb ’il Ġewwa. Forsi għalhekk fettilli nittanta l-pinna b’dak l-esperiment. Nistqarr illi tabilħaqq ħasadni dal-ktieb, minn daqqiet, f’xi waqtiet, fakkarni fil-mannara ta’ Franz Kafka li ttertaq bil-felħ l-ibħra inġazzati li lkoll inġorru fina. L-enfażi hawnhekka hija iżjed fuq il-metafora tal-mannara – biex id-diskors ikun ċar – milli fuq Kafka nnifsu. Jekk niġu f’dan il-Kafka Malti għadu ma wasalx u tgħidli qalbi qatt m’għad jasal. Iżda jekk Kafka ma wasalx intant il-kittieba Loranne Vella donnu issa tassew waslet. Kif jgħidu bl-Ingliż, now she has finally arrived

Mhux qiegħed ngħid dan għax qabel kienet teħtieġ xi introduzzjoni. Lanqas għax Mill-Bieb ’il Ġewwa kien l-ewwel xogħol maġġuri tagħha. Nafuha sa mis-snin disgħin bil-grupp teatrali esperimentali Aleateia. Dik il-ħabta rajnieha wkoll f’diversi films qosra u sensiliet televiżivi Maltin. Lejn tmien fl-elfejnijiet rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb – flimkien ma’ Simon Bartolo – bit-tliet rumanzi tat-triloġija Fiddien: Sqaq l-InfernWied WirdienIl-Ġnien tad-Dmugħ. Kompliet imbagħad tkabbar il-profil tagħha fost l-adoloxxenti bir-rumanz tagħha MagnaTM Mater u b’bosta traduzzjonijiet għall-Malti ta’ rumanzetti mill-Franċiż u mill-Ispanjol. Uħud minn dawn rebħu l-Premju Terramaxka. Lura għat-teatru mbagħad waqqfet fi Brussell il-proġett interdixxiplinari tal-arti tal-ispetttaklu Barumbara Collective. Irritornat imbagħad fix-xena letterarja lokali bl-ewwel rumanz tagħha għall-qarrejja adulti Rokit. Reġgħet rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Intant matul is-sajf tal-2016 kitbet il-biċċa l-kbira tal-istejjer li nsibu fil-ġabra Mill-Bieb ’il Ġewwa – din id-darba mill-ġdid għall-adulti – bit-tama li anke dawn jaslu f’idejn il-qarrejja adulti. Iżda x-xitan ma ħamilx: ebda pubblikatur, oħroġ il-għaġeb, ma ried jippubblika dan ix-xogħol. Tassew nixtieq inkun naf min kienu dawn l-għorrief. Imnalla kien il-pubblikatur Ede Books.

Madankollu Vella ma qatgħetx qalbha u baqgħet temmen fil-potenzjal qawwi ta’ dawn it-testi, tant li – b’kollaborazzjoni mad-Dipartimenti tal-Arti Diġitali u tal-Istudji Teatrali tal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-Project Support Grant tal-Kunsill Malti għall-Arti – ittrasformat ħafna minn dan il-materjal fil-prestazzjoni multidixxiplinari (take a look inside (me)) li ttellgħet mill-Barumbara Collective fil-Valletta Contemporary. F’intervista ma’ Teodor Reljić għall-ġurnal MaltaToday rigward il-proġett kollu, bl-isem Like a Punch in the Stomach – li għandu mnejn kienet ikun aħjar li ngħatat it-titlu Like a Punch Below the Belt – Vella rrimarkat illi l-prestazzjoni tqieset bħala l-iktar proġett ambizzjuż li qatt daħlet għalih. U bir-raġun: teatru, żfin, installazzjonijiet, fotografija, film, mużika u sintendi – letteratura. Ibda biex, jekk xejn, iżjed minn qatt qabel, b’din tal-aħħar Vella asserixxiet ruħha bis-sod bħala waħda mill-iżjed viżjonarji versatili u multidixxiplinari kontemporanji ta’ pajjiżna. 

Tassew: bħal daqqa taħt iċ-ċinturin. U qiegħed ngħid mhux bit-tifsira ordinarja tal-idjoma Ingliż fis-sew is-soltu tiddenota u tikkonnota – l-iżjed fid-dixxiplini sportivi kumbattivi – għemil offensiv, skorrett u inġust. Iżda, pjuttost, għax kważi kull storja – l-iżjed jekk tinqara b’mod intimu – kapaċi triegħex u tweġġa’ bl-iktar modi qawwijin possibbli. Bejn il-linji – ġieli wkoll sfaċċatament fil-wiċċ iżda rari bl-imgħarfa – il-qarrejja jistgħu jġarrbu ċerta vjolenza psikoloġika tabilħaqq punġenti. Il-faxxinu ta’ dawn id-daqqiet ta’ ponn – biex insejħulhom hekk – jinsabu wkoll fil-fatt illi n-narrattivi jitilqu minn punt ta’ tluq ordinarju ħafna, bħal ngħidu aħna għemejjel u ħwejjeġ komuni bħal kikkra kafè, doċċa, moxt, jigsaw puzzle, torta tal-irkotta. L-istraordinarju fil-biċċa l-kbira għaldaqstant jinsab fil-mod kif Vella tgħarbel it-trawmi mentali li jqajmu dawn l-oġġetti fil-karattri – jew forsi aħjar fil-karattru – li tiżvelalna sakemm imbagħad tgħaqqad – fl-aħħar test li mill-bieb ’il ġewwa jeħodna mill-bieb ’il barra – ħafna minn dawn in-nies f’mostru wieħed b’ħafna rjus, ħajjiet, narrattivi u jinijiet illi jintisġu f’xulxin bħal fuq xi tila ta’ Picasso jew test Pirandelljan. 

Minkejja dil-kefrija, ħadd ma jista’ jixli lil Vella l-kittieba b’diżonestà letterarja gratwita: qabelxejn, bħal sajjetta skjetta, f’test ewlieni minnhom, sewwasew fl-istqarrija Jien il-Folla, ma tonqosx milli twissina: “Jien il-folla, u ma nħenn għal ħadd”. Minn  daqshekk, patti chiari, amiciza lunga. U b’mod simili iżda elowkenti mbagħad f’Ħaġa Moħġaġa: “Jien ħaġa moħġaġa, diffiċli taqta’ min jien, nista’ ndum ngħaddilek ħjiel wara l-ieħor, tarfi m’int se ssib qatt. Biss biss, lanqas għadni sibt tarfi jien stess”. Għal mument stħajjiltni qiegħed naqra dwar l-arketip antropomorfiku Anima skont Marie-Louise von Franz, jew inkella xi silta misluta mill-manifest tal-femme fatale la Colette Peignot – dil-mara kienet iġġenninni

Bħala qarrej assidwu ta’ Georges Bataille ma stajtx minn daqqiet ma niftakarx kemm fih u kemm fl-attriċi Colette Piegnot, b’mod partikulari fil-korrispondenzi skjaċċanti li ntbagħtu bejn dawn it-tnejn. Terġa’ u tgħid, il-fotografija brillanti ta’ Zvezdan Reljić illi takkumpanja sija dawn it-testi u sija l-proġett multidixxiplinari msemmi qabel għandha kemxejn mid-diversi motivi simboliċi – għad illi ferm inqas espliċiti – ta’ wħud mix-xeni vjolenti li nsibu fir-rumanz tiegħu L’histoire de l’œil (L-Istorja tal-Għajn, 1928), possibbilment ukoll fir-rumanz Madame Eduarda (1945). Biex ma nsemmux ikoll ċertu rakkont dwar bewl u ostji. Barra dan, is-senswalità erotika – spiss imfissra b’sottosfondi ta’ ħsus psikosesswali – tħalli xbihat b’setgħa li jibqgħu jittratienu stinati f’moħħ il-qarrejja b’dika ċ-ċerta dnewwa: l-istħajjil tal-irġiel sejrin jimmasturbaw fil-loki għal riħ bla xita, il-pastizz imqaxxar u t-tbenġil stampat fuq il-warrani jibri mill-ħġieġ tal-vetrini ħomor, il-modus operandi nkejjuż (innoċenti u mhux) ta’ Karen il-cock-teaser, is-Samiritan it-Tajjeb illi l-pjaċir iħobb jirċivieh daqs kemm jagħtih, it-tessut poruż tax-xugaman jassorbi bħal kartaxuga kull qatr’ilma mill-ġisem imlaħlaħ mid-doċċa, is-swaba ppuntati jissossaw bejn il-koxxtejn jaħilfu li jaqtgħu l-ħajta, iż-żobb li jidħol jinsatar f’qoxortu għall-irdoss mill-paranojji, l-immaġnijiet tal-leggings ileqqnu ssikkati mas-sorm illi kapaċi tqanqal sempliċement kikkra kafè. Anke dawn taħt iċ-ċinturin...

Baħnan... Kmieni dalgħodu, jien u nikkonjuga bizzilla – bla dizzji jew indizji – il-verbi tal-lejl, erġajt ħlomt bil-poeżija ta’ Loranne Vella Il-Verbi ta’ Kuljum. Intant, hemm taħt, hemm isfel, fil-qigħan tal-inkonxju ta’ moħħi, komplew jinġemgħu mkebba f’liżar għasra u jinten l-metaf’ri ddettati mil-lataniji tal-verbi tal-lejl: l-istejjer tal-għajn skont Bataille, id-dmugħ, il-ħalib u l-isfar tal-bajd, l-irkotta friska, l-isperma u d-demm, bewl u ostji touch me baby tainted love... sakemm in-ngħas, għal darb’oħra, reġa’ wassallni ’l quddiem (u mhux lura) għall-ħinijiet ta’ billejl. Bejn b’disprezz u b’kuraġġ erġajt sfidajt il-verbi ta’ kuljum u fid-dlam ħassejtni kollni kemm jien – b’kull jien illi jien – jerġa’ jfeġġ fid-dieher, għad illi biss mill-bieb ’il ġewwa

Dak xogħolhom il-verbi tal-lejl. Mela x’inhu. Iżda mhux possibbli li dan biss kulma jien: dawra mejt bil-kontra mal-arloġġi li jtennu l-ħaġa moħġaġa li nsir kuljum preċett minn lejl għal lejl. Iżda kos, minn banda dal-ħsieb iqanqalni, iferraħni. Kont nitbissem, kieku stajt...

More in Arti