Letteratura | Dal-ħwejjeġ tan-nelħ - Mhux litteralment iżda kważi

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jtemm l-ewwel sena ta’ artikli letterarji billi jirrifletti fuq it-tfakkir u n-nisi, preċiżament qabelxejn rigward ir-riflessjonijiet tagħna fuq l-imgħoddi u r-riżoluzzjonijiet li nagħmlu għall-ġejjieni fi żmien il-festi lejn tmiem kull sena. Jirreferi għall-kittieb kittieb Spanjol Carlos Ruiz Zafón biex jiddiskuti l-iskumdità li jistgħu jqanqlu fina eżerċizzji bħal dawn, l-iżjed jekk il-memorji mqanqla jfakkruna wkoll fil-kotba. F’ħin bla waqt imbagħad Saliba jaħsadna billi jiddeskrivi l-memorji u l-wegħdiet – l-iżjed jekk jinvolvu wkoll il-kliem u l-kotba – bħala ħwejjeġ tan-nelħ. Iżda din id-deskrizzjoni għalih għandha ferm iżjed minn tifsira waħda. Bħall-anti-kittieb u l-anti-filosofu Rumen-Franċiż Emil Cioran – punt ta’ referenza ewlieni fil-kitba u fil-ħsieb tiegħu – jistqarr illi l-kitba hija kwistjoni ta’ ħajja jew mewt: jikteb minflok joqtol lilu nnifsu jew lil xi ħadd. Mhux litteralment, iżda kważi...

Emil Cioran
Emil Cioran

Forsi ma hemmx xhur iżjed kripattivi minn dan li ninsabu fih u minn dak li daqt jidħol biex iniedi sena ġdida. M’iniex ngħid dan minħabba dil-misħuta kesħa umduża li kull sena preċett taqa’ fuq dawn il-gżejjer. Xejn affattu. Ngħid għalija, is-sħana sajfija – l-iżjed dik li għandha ħabta tinżel lejn Lulju u Awwissu – f’dawn l-aħħar snin sirt insibha ferm iżjed ostili u insopportabbli. Qiegħed ngħid dan minħabba t-tendenza tipika ta’ ħafna minna – anke tiegħi – li f’dawn iż-żminijiet inħarsu lura biex naraw x’għadda u x’m’għaddhiex minn għalina filwaqt li nħarsu ’l quddiem b’dawk il-ħafna wegħdiet foloz li nagħmlu lilna nfusna.

Riżoluzzjonijiet ġodda għas-sena li ġejja għandi ftit li xejn – la għalija nnifsi u wisq inqas għal din il-paġna. Niġu f’dan, lanqas biss għandi idea ċara dwar x’ser naqra s-sena d-dieħla. Hekk jew hekk, id-deċiżjoni li f’daż-żminijiet noqgħod daqsxejn lura milli nagħmel xi riżoluzzjoni ormaj ili li ħadtha. Kienet waħda mir-riżoluzzjonijiet – apparagun waħda mill-ftit – illi seħħli nżomm tajjeb ħafna bla problemi. Biss dal-vizzju sagrosant li malli jibda dieħel Diċembru – minn xi daqqiet anke saħansitra lejn tmien Novembru – nixħet ħarsti lura fuq il-ħdax il-xahar illi jkun għaddew ma rnexxieli neħles minn qatt. Anzi, mhix l-ewwel darba li mbagħad, terġa’, il-ħdax-il xahar – bla ma nagħraf il-kif u l-kome – dlonk isiru tnejn u għoxrin, tlieta u tletin, erbgħa u għerbin.

Kull tifkira taqla’ mill-qabar tifkira oħra: kull tifkira tkun ukoll tfakkira. Il-memorji erħilhom imbagħad jixirfu, bħal ġgajta bebbux wara xi ħalba xita f’Jannar, mill-ibgħad reċessi tan-nisi – dika l-fakultà ewlenija li tippermetti lilna l-bnedmin, bħalma kien fakkarna Emil Cioran, li niżgiċċaw mit-tifkir ħalli nibqgħu għaddejjin ’il quddiem bla ma wisq niġġennu. “In-nisi huwa l-unika fidwa”, kien wissiena l-kittieb Rumen-Franċiż. Iżda għax tgħid din is-sena tabilħaqq ġiet għat-tifkiriet. ’Qas biss laħqet faqqgħet l-imxija tal-virus Corona li l-mezzi tal-midja soċjali – l-iżjed tan-nies qalbenin illi xi ftit jew wisq bħali jbatu bit-tendenzi mażokisti illi jissawtu bl-imgħoddi – ma ntlewx b’ħemel ta’ rikordji ta’ kull tip, fosthom letterarji, sintendi. Miserere, miserere, misero me, però brindo alla vita

Ngħid għalija dan l-eżerċizzju – minħabba raġunijiet illi jeħtieġu paġna għalihom – ittantajt naħarbu kemm nista’. Imxija u mhux, ġaladarba jkollok il-moħriet f’idek mhix ħaġa li toqgħod tħares lura. ’Qas ħaqq tisfa’ kolonna melħ bħalma ġralha, jaħasra, il-mara ta’ Lot. Għall-inqas hekk fihmtha dika l-ħabta. Għaldaqstant ir-riżoluzzjoni tiegħi għas-sena 2020 spiċċajt għamiltha xorta waħda, forsi bla ’qas biss ittendejt. Iżda kif jgħidu, mill-Milied sa San Stiefnu. Aċċennajt dwar dan fil-qosor fl-artiklu tiegħi dwar il-kiteb retrospettiv Noti Jien Noti ta’ Immanuel Mifsud u Toni Sant. Id-Demonju ġabha li maż-żmien anke jien inġarrejt daqsxejn minn dal-pandemonju ta’ dil-pandemija. Qatt ma naf li għaddew minn moħħi daqstant titli ta’ kotba fi żmien daqstant qasir. Sintendi, is-salt kaxxi kollha “ħwejjeġ tan-nelħ”, kif kienet tgħidli ommi – fosthom noti ta’ żmien il-kulleġġ u l-Università kif ukoll ħwejjeġ żmanġati bil-kamla, timijiet tas-Subbuteo, imfakar ta’ min jaf kemm-il ġrajja, rivisti, diski, skritti u kotba, uħud minnhom minsija – illi mtlejt bihom f’nofs is-sajf wara li sfat nieqsa ommi m’għenux lanqas. Kull kaxxa kapitlu magħluq – s’issa għadni ma ssograjtx immur niftaħ imqar xi tnejn minnhom ammozz għaliex – ġa naf ben tajjeb – illi altrimenti aktarx nispiċċa nħażżeż – irrid jew ma rridx – kapitlu fuq dika l-kaxxa u mbagħad ieħor fuq l-oħra: proġetti ta’ kitba għandi biżżejjed. U ma tridx wisq biex anke dawk ħwejjeġ tan-nelħ.

“These foolish things remind me of you”, darba kanta l-mitiku Bryan Ferry. Kwantu l-ħwejjeġ kantaw hekka wkoll oħrajn qablu, fosthom Dorothy Dickson, Ella Fitzgerald, Nat King Cole, Billie Holiday u Sam Cooke.  Dan l-aħħar ukoll Bob Dylan. Kos, din id-diska qiegħed niftakar fiha proprju dal-ħin, bħalissa jien u nikteb, għax inzertat – oħroġ il-għaġeb – waħda mill-aktar memorji bikrin ta’ tfuliti. Lura għall-kotba, minbarra l-iżvintura avventuruża tal-mara ta’ Lot, il-moħriet ta’ Ġesù Kristu skont San Luqa u l-vidjo tant seksi ta’ Bryan Ferry hemm ukoll, fl-isfond ta’ dat-thewdin tiegħi ta’ tmiem is-sena, is-sensiela ta’ erba’ rumanzi El cementerio de los libros olvidados (Il-Midfen tal-Kotba Minsija, 2001-2017) tal-kittieb Spanjol Carlos Ruiz Zafón. Fis-sew mhumiex in-narrattivi rispettivi tar-rumanzi nfushom li qegħdin ifakkruni fit-tifkiriet u fit-tfakkir, spiss xejn mixtieq, illi tajjeb jew ħażin is-soltu jqanqlu. Ibda biex dar-rumanzi ma qrajthomx. Madankollu, xi ftit ġimgħat ilu, waqt riċerki dwar ħwejjeġ – forsi xejn inqas tan-nelħ – illi kont qiegħed nagħmel feġġew ma’ wiċċi żewġ ċitazzjonijiet tassew punġenti ta’ Zafón mir-rumanz La sombra del viento (Dell ir-Riħ, 2001). Qabelxejn, “il-kotba bħall-mirja: naraw fihom biss dawk illi diġà jkollna fina”. Imbagħad, ftit tal-ħin wara, bħalkieku dil-balla ma bbastatx, ukoll din: “nista’ nwaħħal f’qalbu, iżda filfatt hija s-solitudni li qiegħda toqtlu. Il-memorji agħar mill-balal.” 

Il-biċċa l-kbira tal-memorji ta’ ħajti li għoġobhom jerġgħu jiġu jaħbtu għalija matul tmiem l-ewwel mewġa tal-imxija issa reġgħu dbielu u marru lura – almenu għalissa – fil-belliegħa tan-nisi, fil-midfen tal-kotba minsija. Tant hu hekk illi bil-kontra tas-snin ta’ qabel ix-xahar ta’ Diċembru, din id-darba, ftit li xejn qagħad jorgażma jaqta’ l-ħaqq fuq l-għemejjel illi wettaqt, jew inqast milli nwettaq, matul dis-sena tant imqallba li fl-aħħar waslet ukoll fi tmienha. Forsi għax il-mewġ tal-imgħoddi dis-sena laħaq daħal għandi kmieni, sewwasew matul l-eqqel stadji tal-pandemija. Jew forsi għax ormaj issa, kaġun ta’ dan, f’dal-punt diġà ttarraxt qatigħ u m’għadnix nisma’ l-baħar iħabbat bħad-Diċembri ta’ dari. Kapaċi beżgħu wkoll mill-Corona.

Hu x’inhu, abbli minnu li s-sema u l-art forsi jgħaddu iżda l-kliem ma jgħaddix. Għadd illi t-tifkiriet tal-ġrajjiet tal-ħdax jew tat-tnax-il xahar illi għaddew dis-sena baqgħu miġbura d-dar, it-titli tal-kotba – l-iżjed dawk illi żammewli kumpannija matul dis-sena mxewka – bħal donnu tawha għall-isfrattu, tant illi nġemgħu lkoll geġwiġija ġo moħħi u qajla nista’ nsib tarfhom. M’hemmx li jrabbu daqsxejn għaqal dal-ħwejjeġ tan-nelħ. Għax minn banda hekk huma – huma wkoll. Il-kliem u l-kilba għall-kitba tagħhom bl-iswed fuq l-abjad kultant mhux inqas. Ma niċċewċux: tan-nelħ mhux għax dawn huma ħwejjeġ taż-żuffjett, tat-tbaħnin u tat-tiżgig, le. Iżda pjuttost għaliex bħall-iktar kittieb illi wikkieli kliem f’dawn l-aħħar xhur – voldieri, mill-ġdid, Emile Cioran – kultant naħseb illi l-kitba hija kwistjoni ta’ ħajja jew mewt: ġieli nikteb biex ma noqtolx lili nnifsi jew lil ħaddieħor. “Li ma kontx nikteb kont insir qattiel... Ktieb huwa suwiċidju mwaħħar”. Mhux eżatt, iżda kważi.

More in Arti