Letteratura | Jean-Paul Sartre kontra Albert Camus - Tassew għandna nistħajlu lil Sisifu kuntent?
Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jkompli fejn ħalla nhar il-Ħadd li għadda billi jiftaħ djalogu mal-Professur Anthony Aquilina dwar il-kittieb Albert Camus, l-iżjed rigward iż-żminijiet tar-rivista Les Temps Modernes. Jispikkaw l-iżjed il-kwistjonijiet dwar jekk Camus kienx eżistenzjalist tabilħaqq u dwar jekk kellux ukoll xi ftit tar-raġun fil-konfronti tiegħu mal-filosofu Jean-Paul Sartre. Saliba jittanta jistaqsi mill-perspettiva ta’ Sartre, mentri Aquilina jiddefendi spiss bis-sħiħ lil Camus. Iħabbar ukoll l-ambizzjoni tiegħu li jippubblika x-xogħlijiet kollha ta’ Camus fl-ilsien Malti. F’dan ir-rigward ifakkar ukoll illi għadu kif nieda t-traduzzjoni tar-rumanz filosofiku La Chute (Il-Waqgħa, 1956). Id-djalogu jintemm b’riflessjonijiet fuq Il-Mit ta’ Sisifu, b’veduti differenti rigward kif l-aħjar għandna nistħajlu lil din il-figura traġika Griega: jekk hux sempliċement ferħana bid-destin tagħha jekk inkella fiduċjuża bit-tama li, għada pitgħada, għad terġa’ tilħaq modi ta’ essri ogħla...
Fit-taħdita virtwali li tajt m’ilux dwar Albert Camus matul il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb irrimarkajt illi spiss isir l-għelt, anke saħansitra anke llum minn ċerti filosofi ta’ żmienna, li Albert Camus jitpoġġa fl-istess keffa preċiża tal-ħassieba eżistenzjalisti. Nafu li Camus innifsu kien stqarr kemm-il darba d-disassoċċjazzjoni konxja tiegħu minn dan il-moviment, b’mod partikulari f’intervita skjetta mar-rivista Les Nouvelles Littéraires tard fl-1945. Ma kienx l-ewwel jew l-uniku filosofu li rrofta appartenenza lil tikketti li fi żmienu kienu saru moda, anke dika l-ħabta. Ngħidu aħna Martin Heidegger għamel l-istess, b’mod partikulari fil-famuża Ittra dwar l-Umaniżmu (1946) fejn iddistanzja ruħu qatigħ mill-iskemi ontoloġiċi Karteżjani ta’ Jean-Paul Sartre. Niġu għal Sartre dalwaqt. Intant, fl-artiklu tiegħi l-ġimgħa l-oħra ressaqt xi żewġ jew tliet argumenti possibbli kontra din l-assoċċjazzjoni, fosthom pereżempju l-fehma ta’ Camus dwar id-dikotomija eżistenza/essenza u l-kawtela li esprima rigward il-limiti tar-rebelljoni. Madankollu napprezza wkoll il-fatt illi hemm argumenti possibbli li jistgħu, almenu sa ċertu punt, jiġġustifikaw tali assoċċjazzjoni. Min-naħa tiegħek, għaliex taħseb illi din l-assoċjazzjoni m’għandhiex issir?
Il-konnessjonijiet ta’ Albert Camus mal-eżistenzjaliżmu ilhom żmien twil isofru minn konfużjonijiet ikkawżati pjuttost minħabba approssimazzjonijiet lingwistiċi.
Fil-fatt, Il-Mit ta’ Sisifu kien indirizzat kontra les existentiels, jiġifieri essenzjalment kontra l-filosofija eżistenzjali ta’ Léon Chestov, filosfu Russu li kien emigra fi Franza fl-1922 u li bla ebda dubju kellu influwenza deċiżiva qabel it-Tieni Gwerra Dinjija fuq Camus u allura fuq iċ-ċiklu tiegħu dwar l-assurd. Hija filosofija li twassal għal rivolta kontra r-raġuni sostnuta minn esperjenza assurda lejn it-twettiq ta’ fidi fl-impossibbli. Biex nissimplifika, wara l-gwerra mbagħad, Chestov u l-grupp ta’ eżistenzjalisti li segwew (Jaspers, Heidegger, Scheller, Wahl, Marcel eċċ.) spiċċaw biex ġew okkultati mill-eżistenzjaliżmu ateu ta’ Jean-Paul Sartre li twieled minn riflessjoni fuq ix-xogħlijiet ta’ Hegel, Husserl u Heidegger.
Il-Mit ta’ Sisifu, miktub minn Camus bejn l-1936 u l-1941 jattakka fuq kollox l-ideat Chestovjani. Il-kapitlu intitolat It-Tama u l-Assurd fix-xogħol ta’ Franz Kafka, li l-awtur neħħa mill-ewwel edizzjoni tal-1942 u ppubblikah f’L’Arbalette fis-sena ta’ wara, jirrinforza s-sens tal-attakki kontra l-interpretazzjoni Chestovjana permezz ta’ illustrazzjoni Kafkaeska tal-philosophie existentielle. Il-funzjoni reliġjuża tal-assurd, li f’Chestov tilgħab ir-rwol ta’ “katastrofi loġika” Camus jiċħadha bis-saħħa kollha. F’dan il-kapitlu fuq Kafka, jassimila l-ħsieb eżistenzjalista ma’ dak ta’ Chestov. Din l-assimilazzjoni tagħmel sens mir-rifjut ta’ “suwiċidju filosofiku” li f’Chestov isib il-milja tiegħu f’divinizzazzjoni tal-assurd, jiġifieri fit-tama f’Alla irrazzjonali. Meta mbagħad, tfaċċa bħalma diġà għedtlek, l-eżistenzjaliżmu ateu ta’ Sartre bil-pubblikazzjoni tass-saġġ L’Être et le Néant fl-1943, spiċċa biex tiegħu spikka fuq ir-ruxxmata ‘-iżmi’ li kienu ilhom jixterrdu, inħoloq fattur ta’ konfużjoni u miegħu l-malintiż li indirettament spiċċa ‘vittma’ tiegħu Albert Camus.
Min-naħa tiegħu Camus caħad kategorikament mill-bidu nett illi jagħmel parti mill-moviment eżistenzjalista u oppona minnufih meta d-dramm tiegħu Caligula (1946) ġie deskritt bħala espressjoni ta’ din il-filosofija. Iżda l-konfużjoni bejn “eżistenzjaliżmu” u “filosofija eżistenzjali” laħqet xterdet minkejja li hu diġà kien għamel dikjarazzjonijiet preċiżi ferm fir-rivista Servir tal-20 ta’ Diċembru 1945. “Jiena la nemmen f’waħda u lanqas fl-oħra, fis-sens assolut”, kien kiteb. Terġa’, il-ħbiberija bejnu u Sartre f’dak iż-żmien għamlitha diffiċli biex tittajjar il-konfużjoni fl-imħuħ darba għal dejjem. U kif għedt tajjeb int Camus ħass il-bżonn itenni din il-ħaġa ċar u tond f’Les Nouvelles littéraires tal-11 ta’ Novembru 1945 bil-kliem bla kantunieri: “Non, je ne suis pas existentialiste / Le, jien m’iniex eżistenzjalist”.
Fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra rrimarkajt ukoll illi jaħsbu x’jaħsbu l-istudjużi u l-istoriċi tal-filosofija — u irrispettivament minn x’kien jaħseb Camus innifsu — jibqa’ inevitabbli, minkejja kollox, illi x-xogħlijiet tiegħu ser jibqgħu jitpoġġew f’paragun ma’ bosta testi eżistenzjalisti oħrajn. Ibda biex fl-aħħar mill-aħħar Camus ittratta, bil-mod tiegħu sintendi, l-istess temi li tgħidx kemm ħabblu l-irjus tal-ħassieba eżistenzjalisti — minn Søren Kierkegaard sa Martin Heidegger. Terġa’, nistgħu nargumentaw illi anke jekk huwa minnu li l-eżistenzjaliżmu b’mod ġenerali u l-assurdiżmu ta’ Camus mhumiex sewwasew aħwa, daqstant ieħor huwa minnu li impossibbli nsostnu li dawn it-tnejn mhumiex almenu kuġini. Jekk niġu f’dan Camus staqsa u ttanta jwieġeb bosta mistoqsijiet eżistenzjali ewlenin illi, tajjeb jew ħażin, isawru l-kundizzjoni tal-eżistenza umana. Kultant jagħtini naħseb illi ċ-ċaħda tiegħu f’dan ir-rigward aktarx kienet mossa maħsuba biex jiddistanzja ruħu bis-sħiħ minn Sartre bħala persuna iżjed milli rifjut veru prorpju tal-moviment b’mod ġenerali. Għandi nifhem illi l-iskulari ta’ dawn it-tnejn — ġaladarba hemm ħafna li jippermetti dan — ser jibqgħu jiddibattu din il-kwistjoni sa ma jasal Godot. Bħala interpretu ta’ Camus, kif tifhimha dina d-distanza? B’mod personali jew b’mod intellettwali? Jew forsi taħseb illi kellha daqsxejn mit-tnejn?
Fit-tletinijiet tas-seklu l-ieħor meta Camus kien qed jiżviluppa ċ-ċiklu tal-assurd, hu ma kienx midla ta’ Sartre. Camus kien għadu jgħix l-Alġerija. Mhux talli hekk, talli meta bħala ġurnalist ta’ Alger républicain kellu jikteb reċensjonijiet fuq La Nausée (fl-20 ta’ Ottubru 1938) u Le Mur (fit-12 ta’ Marzu 1939) ta’ Sartre, għad li jfaħħarhom ftit li xejn kien entużjast dwarhom. F’tal-ewwel ikkritika r-relazzjoni gratwita bejn filosofija u letteratura minkejja li kien jittratta t-tematika tad-diqa / l’angoisse li diġà kien iltaqa’ magħha fil-ħsieb ta’ Chestov, Kierkegaard u l-bqija, filwaqt li f’tat-tieni Camus juri li ddarras bid-disprament mingħajr xefaq li kien ra fih. Ma ninsewx lanqas illi Camus kellu ħsibijietu magħġunin fil-kultura Ellenika. It-teżi tiegħu tad-DES (diplôme d’études supérieures) kienet fuq Metafiżika Nisranija u Neoplatoniżmu. Huwa minnu li ma jarax kif wieħed jista’ jemmen f’Alla li fi kliem Gabriel Marcel “jew hu direttament responsabbli għal daqstant mostrożitajiet, jonkella jagħti prova ta’ dgħufija jew tal-impotenza tiegħu ġejjin mill-ħtieġa tiegħu li jittollerahom” (1946). Iżda min-naħa l-oħra Camus kien jemmen fil-limiti u li dawn ma jinqabżux mingħajr konsegwenzi koroh. Il-polemika ma’ Sartre u l-klikka ta’ Les Temps modernes wara l-pubblikazzjoni ta’ L’Homme révolté / Il-Bniedem Ribell kompliet tbiegħed lil Camus mill-eżistenzjaliżmu. F’La Chute / Il-Waqgħa (1956), li għadni kemm ippubblikajt bil-Malti, Camus f’ħin minnhom saħansitra juża lill-protagonist Clamence biex jgħaddi passata bil-filosofi kontemporanji, b’mod speċjali lil Jean-Paul Sartre u jiskjerah ma’ “l-atei tal-bistri”. Biss irrid ngħid fl-aħħar nett, li sabiex jissottolinea dejjem aktar kemm kien maqtugħ mill-filosofija Sartrjana, Camus fl-1959 paradossalment fl-aħħar intervista li ta iddikjara hekk: “Jekk il-premissi tal-eżistenzjaliżmu jinsabu, kif nemmen, f’Pascal, Nietzsche, Kierkegaard u Chestov, allura jiena naqbel magħhom.”
L-interess tiegħi f’din il-kwistjoni, u f’dan id-djalogu miegħek bħala studjuż u traduttur ta’ Albert Camus, ġej l-iżjed mill-kapaċità tiegħi ta’ studjuż u traduttur ta’ Jean-Paul Sartre. Il-biċċa mhix sempliċi daqskemm tidher: minkejja l-interess assidwu tiegħi fix-xogħlijiet ta’ Sartre m’għandi ebda problema nidentifika diversi episodji sinifikanti li fihom Sartre żelaq kemxejn fin-niexef. Ibda bil-mod kif fehem ħażin lil Georges Bataille u lil Maurice Blanchot. Forsi aħjar ma nsemmu xejn dwar il-fehmiet tiegħu dwar Freud. Biss fil-konfronti li kellu ma’ Camus, minkejja l-arroganza pjuttost tipika li forsi seta’ esprima fihom, fil-fehma tiegħi Sartre ma kienx ħati daqskemm ġieli jingħad. Nikkonċedi li fil-kwistjoni li nqalgħet fir-rivista Les Temps Modernes Camus ressaq bosta punti validi ħafna rigward ċerti politiki tax-xellug. Kienet ħasra li dik il-ħabta mbagħad safa’ iżolat u kkanċellat mill-intelliġensja tax-xellug. Biss nemmen illi Sartre kellu raġun biex ibiegħ fuq punt kardinali: Camus ftit li xejn kien midħla b’mod dirett tax-xogħlijiet filosofiċi li kien jiddjaloga magħhom. Kien jaf dwarhom biss b’mod frammentarju permezz tal-istudji t’akkademiċi ewlenin bħal Jean Hippolyte u Alexandre Kojève, iżda filfatt ma qrahomx. Mill-battibekki stampati fir-rivista Les Temps Modernes jidher ċar li għad illi Sartre kellu ċerta ammirazzjoni lejn Camus il-kittieb, ftit li xejn kellu stima lejn Camus il-filosofu. Sa wasal jgħid lis-segretarju personali tiegħu Jean Cau li Camus kien biss “speċi t’għalliem tal-iskola” u li “fil-filosofija ma kienx jiswa karlin”. Ngħiduha kif inhi: diffiċli tmeri dal-fatt sal-aħħar. Diffiċli tiċħad ukoll illi fil-biċċa l-kbira dan kien il-kaġun tal-bosta malintiżi li kissru l-ħbiberija personali bejn dawn it-tnejn. X’jaħti Sartre jekk tassew Camus kien intellettwali għażżien?
Ippermettili ngħidlek illi fil-ħajja l-intellettwali għażżien ma jeżistix. Jeżistu l-intellettwali u l-psewdointellettwali. Camus qatt ma ppretenda li kien xi filosfu, dan hu minnu, imma kien intellettwali ġenwin li qatt ma pprova jġib il-boċċa viċin il-likk biex jiddefendi t-totalitariżmu kif għamlu ripetutament Sartre u dawk ta’ madwaru. Ngħidlek iżda li ż-żewġ awturi kienu ħbieb, alleati, jikkompetu ma’ xulxin u avversarji. Mad-diverġenzi filosofiċi ta’ bejniethom jiżdiedu l-kunċett li kellhom dwar l-impenn politiku u l-letteratura. Biss kienet il-politika li ttrasformat in-nuqqas ta’ qbil bejniethom f’konfront aħrax.
Mhux il-każ hawnhekk nistabbilixxi parallel bejn Camus u Sartre, imma wieħed irid jgħid li l-bidu tal-karriera ta’ dan tal-aħħar kien aktar diffiċli minn dak tal-ewwel, minkejja li kellu kapital materjali, soċjali u intellettwali aktar għani minn ta’ Camus. Sartre kellu qrib l-erbgħin sena meta sar famuż filwaqt li Camus lanqas kien għad kellu tletin meta għamel suċċess kbir b’L’Étranger. Sartre nnifsu ta spjega fit-tul dwar dan ir-rumanz fil-Cahiers du Sud. Iż-żewġt irġiel iltaqgħu fiżikament f’Pariġi fl-1943 u ngwalawha minnufih. Wara l-liberazzjoni ta’ Franza, Camus kien aktar ikkwotat bħala résistant minn ħabibu u sar l-editur prinċipali tal-aktar ġurnal prestiġjuż f’Pariġi dak iż-żmien, Combat. F’din il-kariga, hu qabbad lil Sartre jagħmel rapportaġġ f’Awwissu tal-1944 fuq Un promeneur dans Paris insurgé u aktar tard bagħtu l-Amerika bħala riporter. Meta mbagħad Sartre nieda Les Temps modernes, anki jekk Camus ma kienx jagħmel parti mill-bord editorjali għax ovvjament ma kienx eżistenzjalist, ir-rapport ta’ bejniethom kien għadu tajjeb ħafna. Imma fl-1951, is-sena li fiha Camus ħareġ L’Homme révolté, fejn insibuh jikkritika l-kommuniżmu u l-Markxiżmu, kien deher biċ-ċar li wara l-qasma bejniethom kien hemm fil-fatt il-politika. Simone de Beauvoir f’La Force de choses, prattikament tliet snin wara l-mewt ta’ Albert Camus, ammettiet li kien il-moraliżmu politiku tiegħu li tant spiċċa biex irritah lil Sartre. Sartre kien ovvjament qed ilesti biex iħaddan il-politika estremista tar-revoluzzjoni qabel id-demokrazija. Fl-14 ta’ Diċembru 1954, Camus fil-Carnets tiegħu jirreferi għall-eżistenzjalisti bħala “juges-pénitents / imħallfin-sogħbiena”, (jakkużaw lilhom infushom sabiex jgħakksu lill-oħrajn), u profeti foloz. Georges Bataille, li ssemmi inti wkoll Kevin, żamm ma’ Camus fil-querelle ta’ bejniethom, kif taf. Is-sabiħa hi li fit-tletinijiet, mentri Sartre kien biss spettatur fil-politika, Camus kien diġa impenjat bis-sħiħ mal-Partit Komunista fl-Alġerija. Illum nafu li l-istorja tatu raġun fuq il-kwistjoni tas-soċjaliżmu reali bil-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin. It-tmiem tal-ideoloġiji / la fin des idéologies li bassar Camus qiegħed magħna, anki jekk b’dispjaċir ikolli ngħid illi ħafna Maltin għadhom ma rrealizzawhx dan.
S’issa ppubblikajt erba’ traduzzjonijiet għall-Malti ta’ Albert Camus: Il-Maqlub u s-Sewwa (L’envers et l’endroit, 1937), Is-Sajf (L’Eté, 1954), Il-Muti (Les Muets, 1957) u Il-Waqgħa (La Chute, 1956). Niftaħ parenteżi: kważi ħamsa u għoxrin sena ilu, meta kien għad kelli biss sittax-il sena, niftakarni litteralment msaħħar u naqra t-traduzzjoni tiegħek tal-ġabra ta’ saġġi L’Eté — il-proża lirika, il-malinkonija, it-tama, ir-rieda għall-ħajja, il-ġmiel tal-ilsien Malti mirqum. Għaldaqstant kien bis-saħħa tiegħek, parzjalment, illi bdejt nieħu interess kemm fil-letteratura eżistenzjalista u kemm fit-traduzzjoni letterarja għall-ilsien Malti. Kieku dak iż-żmien xi ħadd ġie jgħidli li ’l quddiem — daqs ħamsa u għoxrin sena wara — ser inkun qed niddiskuti dan kollu miegħek ma nafx jekk kontx nemmnu. Dik il-ħabta dan l-interess kompla jitqawwa, sewwasew waqt il-lezzjonijiet ta’ Immanuel Mifsud, bl-iskoperta tad-dramm Bil-Bieb Mitbuq (Huis clos, 1945) ta’ Sartre. Mit-testi ta’ Camus illi ttraduċejt s’issa, liema wieħed ħalla l-ikbar impatt fuq il-mod kif tinterpreta lid-dinja? U fil-fehma tiegħek, liema xogħol minnhom huwa l-iżjed relevanti għal kulma qegħdin niddiskutu hawnhekk?
Fil-fatt ippubblikajt ukoll Il-Mara Midinba / La femme adultère (Il-Malti: 2005) u L-Apostata jew Moħħ Imħarbat / Le Renégat ou Un Esprit Confus (Il-Malti: 2006) li flimkien ma’ Il-Muti jagħmlu parti mill-ġabra ta’ novelli Turufnament u Saltna / L’Exil et le Royaume. Il-kumplament huma lesti wkoll u biħsiebni nippubblikom mhux aktar waħda waħda imma kollha flimkien fi ktieb, u ninkludi dawk li diġà dehru f’Il-Malti. Ippubblikajt ukoll f’Mill-Petali ta’ Ħajtek, traduzzjoni għall-Malti tat-taħdita li kien ta Camus fit-8 ta’ Frar 1937 fuq La nouvelle culture méditerranéenne / Il-Kultura Ġdida Mediterranja. L-ambizzjoni tiegħi hi li nippubblika, jekk jista’ jkun, ix-xogħlijiet kollha ta’ Camus. Pereżempju għadni kif irqomt l-ewwel dramm taċ-ċiklu tal-assurd, Caligula / Kaligula. Imurx għall-istampa malajr jew le jiddependi mill-fondi għad-dispożizzjoni.
Naturament, qed nieħu gost nisimgħek tgħid kemm għoġbok u ħalla impressjoni fuqek il-ktieb ta’ saġġi liriċi Is-Sajf. Minn meta qrajtu int ħamsa u għoxrin sena ilu ħarġet it-tieni edizzjoni tiegħu. Intgħoġob minn ħafna tabilħaqq. Ktieb ieħor ta’ saġġi li jittrattaw is-sbuħija tal-ambjent Alġerin jismu Noces / Tieġ illi qlibtu wkoll u m’għandux jiddiżappuntak meta joħroġ għax sabiħ daqs L’Été.
Inkwantu għall-ktieb ta’ Camus li l-aktar ħalla impatt fuqi ngħid li huwa La Chute / Il-Waqgħa. Emminni, mhux qed ngħid hekk għax dan l-aħħar wieħed li ħriġt. Imma huwa verament ktieb illi tispiċċa taqrah ħafna drabi u b’garanzija m’hemmx faċċata li ma fihiex x’tomgħod. Kapulavur inkwantu għall-istil deliranti li bih huwa miktub u r-reżonanza tiegħu. Mhux ta’ b’xejn rebbaħ lil Camus il-Premju Nobel fl-1957. Dwar liema xogħol tiegħu hu l-aktar rilevanti għal li qed ngħidu f’din l-intervista, forsi hu Il-Mit ta’ Sisifu, għax minn hemm beda kollox fit-trajjettorja ta’ kitbiet l-awtur. Iżda mbagħad ix-xogħlijiet kollha tiegħi jingħaqdu biex imbagħad jiffurmaw kullana waħda, mill-ewwel sa l-aħħar wieħed (Le Premier Homme / L-Ewwel Bniedem), li hu ma laħaqx temm. Ilkoll iservu biex tittwitta t-triq għal speċi ta’ vanġelu ġdid, imsejjes fuq is-saltna tal-bniedem ribell: “is-saltna kollha tiegħi hi ta’ din id-dinja.” (L’envers et l’endroit / Il-Maqlub u s-Sewwa).
Iżjed milli fuq ix-xogħlijiet li ttraduċejt s’issa, fl-artiklu tiegħi tal-ġimgħa li għaddiet iffukajt l-iktar fuq il-ġabra ta’ saġġi Il-Mit ta’ Sisifu. Irrimarkajt li daqs ħames snin ilu kont ittraduċejt l-aħħar kapitlu (Il-Mit ta’ Sisifu) biex bħal ninnegozja t-tiġrib tal-aħħar jiem ta’ missieri li kien qed imut bil-kanċer. Għaldaqstant minkejja li dan ix-xogħol jista’ jitqies bħala tentattiv letterarju anti-eżistenzjalist, ngħid għalija dan xorta waħda jibqa’ l-iżjed test ta’ Camus għal qalbi. Kif għedt ġimgħa ilu, qabelxejn dan it-test joffri stħarriġa serja ħafna rigward kemm is-suwiċidju jista’ jkun risposta tabilħaqq valida kontra l-assurdità tal-eżistenza. Camus ftit li xejn jagħtiha kredtu, tant illi minkejja kollox fl-aħħar mill-aħħar jgħidilna li “t-taqtigħa nfisha lejn il-qċaċet tibbasta għalbiex qalb il-bniedem timla” u li “lil Sisifu għandna nistħajluh kuntent“. Imma kif nistgħu nagħmlu dan? Tassew għandna nistħajlu lil Sisifu kuntent? Ma taħsibx illi hemm romantiċiżmu xejn f’loku f’din l-attitudni? Bħalissa dal-ħin bħal donni qed nisma’ lil Sartre jistaqsi dan kollu filwaqt li jtenni l-istess akkużi li għamel lil Camus fil-korrispondenzi tar-rivista Les Temps Modernes. Minkejja l-għożża li biha naqra dan it-test, diparti tiegħi minn daqqiet nippreferi nimmaġina lil Sisifu fiduċjuż, stinat, testard — eżistent mimli bil-almu wtiq tat-tama iżjed milli bil-kuntentizza falza tar-rassenjazzjoni kważi Stojka. Tgħix bit-tama u tmut bil-piena jgħid il-Malti. Iżda hawnhekk żgur mhux bilfors il-każ. Qabelxejn il-kundizzjoni ta’ Sisifu minnha nfisha diġà hija piena. Għaldaqshekk akkont il-kwistjoni dwar piena u mhux piena hawnhekk forsi ma tqumx. Iżjed minn hekk, Sisifu kien azzarda jħaqqaqha mal-allat għal darba tnejn u ġieli wkoll seħħlu jiskansa minn fuqu l-kastigi tagħhom. Jidhirli li kien hemm xenqa kbira għall-ħajja f’Sisifu, twemmin illi jistħoqqlu destin ogħla mill-kapriċċi assurdi tal-allat. Fir-reżistenza passiva li joffri Sisifu ta’ Camus lejn tmiem ir-rakkont ma nsibu xejn minn dan. Anzi, bħal donnu jagħti ruħu b’mirbuħ. Liem Sisifu tippreferi? Is-Sisifu stinat jew is-Sisifu mmansat?
Kevin tant hemm x’wieħed jgħid imqar b’reazzjoni għall-preambolu tiegħek li żgur jeħtiġilna intervista oħra. Ikolli bilfors inwieġeb fuq fuq. Nistiednek qabel kollox iżżomm quddiem għajnejk illi Camus marad zgħir bit-tuberkulożi u fi żmienu l-kura xejn ma kienet effikaċi. It-trawma li ħallietlu din il-marda nsibu l-eku tagħha b’referenzi għall-manifestazzjoni tagħha f’xi mument jew ieħor prattikament f’kull waħda mill-opri letterarji prinċipali tiegħu. Mela t-tentazzjoni tas-suwiċidju mhix xi ħaġa aċċidentali fl-istħarriġ ta’ Camus. Fl-ewwel kapitlu tal-ewwel parti ta’ Il-Mit ta’ Sisifu, “L’absurde et le suicide / L-Assurd u s-Suwiċiju”, hu jistaqsi lilu nnifsu jekk fil-fatt is-suwiċidju hux is-soluzzjoni għall-assurditajiet tal-ħajja. Jagħmel l-osservazzjoni, ġusta fl-opinjoni tiegħi, illi l-ġisem darba nirrikonoxxu li jeżisti qabel il-ħsieb, ladarba ngħixu qabel nirriflettu, jitgerrex quddiem l-idea li jrid jispiċċa. Ninnegaw illi l-ħajja tagħmel sens, allura jwassal biex daqslikieku ngħidu li mhux valapena ngħixuha. Iwassal biex intemmuha jew insibu kenn fit-tama li hemm ħajja oħra. Camus jagħżel jibqa’ loġiku fir-riċerka tiegħu biex iwieġeb għall-mistoqsija li twelled is-sentiment tal-assurd. “Loġiku sal-aħħar” jinsisti, anki jekk din il-loġika tirriżulta “f’loġika sal-mewt”. L-iżvilupp ta’ dil-loġika, li lesta tistrieħ biss fuq l-evidenza u ċ-ċertezza, huwa dak li jifforma raġunament assurd, preċiżament it-titlu tal-ewwel parti ta’ Il-Mit ta’ Sisifu.
Mela Camus mhux jistħarreġ “il-kuntentizza falza tar-rassenjazzjoni” li aċċennajt għaliha inti. Għalih l-assurd jirrappreżenta l-punt tat-tluq li ma jippreġudika bl-ebda mod l-punt tal-wasla. Insomma, jittratta l-assurd bħalma Nietzsche jittratta n-niħiliżmu. Mill-bidu nett l-awtur ta’ Il-Mit ta’ Sisifu jaċċentwa li l-attitudni tiegħu hija waħda klinika, sperimentali u m’għandhiex għalhekk titħawwad mal-gwaj illi tiddiskrivi. Inħallik bi kwotazzjoni li Camus jissellef minn Pindare, u li għandha tikkonvinċik li għalih tassew “il faut imaginer Sisyphe heureux”: O ruħ tiegħi taspirax għall-ħajja immortali, iżda eżawrixxi l-possibiltajiet li toffrilek.