Letteratura | Kelmtejn dwar Albert Camus skont il-Profs Toni Aquilina; L-assurd u s-suwiċidju f’Il-Mit ta’ Sisifu

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jittratta taħdita — mogħtija nhar l-Erbgħa li għadda mill-Professur u traduttur Toni Aquilina matul il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb  — dwar il-filosofu u kittieb Franċiż Albert Camus. Fost il-kwistjonijiet illi qajjem Aquilina tul it-taħdita Saliba jikkonċentra l-iżjed fuq żewġ punti ta’ diskussjoni ewlenin: qabelxejn dwar jekk Camus jistax tassew jingħadd b’filosofu eżistenzjalist veru u proprju u mbagħad dwar it-tema tas-suwiċidju bħala risposta għall-assurdità tal-eżistenza. Jagħmel dan b’referenza partikulari għas-saġġ Il-Mit ta’ Sisifu ta’ Camus. Saliba jagħlaq ir-riflessjonijiet tiegħu bit-tama li dan il-kummentarju qasir inissel djalogu iżjed fil-fond mal-Professur Aquilina.

Albert Camus
Albert Camus

Bħala parti mill-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena — imtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — nhar l-Erbgħa li għadda l-Professur Toni Aquilina mid- Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Istudji tal-Interpretazzjoni tal-Università ta’ Malta ta taħdita dwar il-ħajja, il-letteratura filosofika u l-impenn politiku ta’ Albert Camus. Tul dawn l-aħħar snin Aquilina bħal donnu sar sinonimu ma’ dan il-kittieb Franċiż, l-iżjed permezz tat-traduzzjoni tiegħu għall-Malti ta’ erba’ xogħlijiet ewlenin: Is-Sajf (L’Eté, 1954), Il-Muti (Les Muets, 1957), Il-Maqlub u s-Sewwa (L’envers et l’endroit, 1937) u Il-Waqgħa (La Chute, 1956). Uħud mit-traduzzjonijiet tiegħu rċevew fondi mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u saħansitra rebħu l-ewwel premju fil-kategorija tat-traduzzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

F’inqas minn nofs siegħa kollox it-taħdita tal-Professur Aquilina ttrattat fil-qosor diversi sisien filosofiċi u avvenimenti bijografiċi li riffdu l-iżvilupp intellettwali ta’ Camus, fosthom il-kontribut tiegħu lejn il-filosofija tal-assurdiżmu, ir-relazzjoni tiegħu mal-ħassieba tar-rivista Franċiża Les Temps modernes (b’mod partikulari r-rapport imqalleb ma’ Jean-Paul Sartre), it-tensjoni bejn ir-rebelljoni politika u l-limiti morali li din jenħtieġ ikollha, l-impenn politiku tiegħu kontra d-dittatura, l-attitudni tiegħu fir-rigward tal-Knisja Kattolika ta’ żmienu, id-dilemma eżistenzjali tas-suwiċidju u l-kwistjoni dwar jekk fl-aħħar mill-aħħar Camus jistax tabilħaqq jingħadd b’eżistenzjalist. 

Jidhirli li r-rimarki ta’ Aquilina rigward dawn l-argumenti kollha tesiġi, almenu, intervista veru u proprja. Għaldaqstant hawnhekk ser nikkonċentra l-iżjed fuq l-aħħar tnejn, bit-tama li ’l quddiem dan il-kontribut tiegħi jevolvi fi djalogu iżjed profond mal-Professur Aquilina. F’diversi waqtiet Aquilina jisħaq, bir-raġun kollu, li jkun żball li Camus jitpoġġa fl-istess keffa tal-ħassieba eżistenzjalisti. Jilmenta wkoll illi dan l-għelt għadu jsir sal-ġurnata tal-lum, anke fost ċerti filosofi ta’ żmienna. F’dar-rigward ir-raġuni ma tridx wisq forza: kull paragun serju li jsir bejn il-kitbiet ta’ Camus u dawk ta’ bosta eżistenzjalisti — b’mod speċjali ma’ dawk ta’ Sartre — għandu joħroġ fid-dieher għadd sinifikanti ta’ differenzi filosofiċi li bla dubju jbejnu lil Camus bil-kbir mill-bqija tal-eżistenzjalisti. Minn banda nistgħu naċċettaw l-argument — u nemmen illi tassew kien ikun xieraq kieku Aquilina ammetta dan — li l-eżistenzjalisti m’humiex grupp omoġenu ta’ ħassieba u li għaldaqstant dan il-fatt kapaċi jagħti lill-istoriċi tal-filosofija lok xi ftit jew wisq wiesa’ għas-suġġettività. Minnu wkoll daqsinsew, kif ser ngħid iżjed ’l isfel, illi nistgħu ninterpretaw ċerti testi tas’ Camus — ngħidu aħna Il-Mit ta’ Sisisfu (Le Mythe de Sisyphe, 1945) — bħala djalogu kontinwu ma’ għadd ta’ ħassieba li ttantaw isibu rkaptu tal-assurdità tal-qagħda umana. 

Iżda mill-banda l-oħra, kif wara kollox irrimarkaw bosta skulari tal-eżistenzjaliżmu, hija ħaġa ċara illi bejn Camus u l-bqija hemm wisq diverġenzi biex dan il-messaġġier tal-assurd jingħata wkoll it-tikketta eżistenzjalist bla problemi. Ibda biex bħala ħassieb Camus kien qabelxejn bin il-Greċja tal-Qedem kif ukoll dixxendent ta’ Nietzsche u dixxiplu tal-moralisti tas-seklu sbatax. Il-moviment hekk imsejjaħ eżistenzjalista, mill-banda l-oħra, huwa xi ftit jew wisq prodott tal-filosofiji tas-sekli dsatax u tmintax li rċevejna mingħand kittieba u ħassieba (uħud minnhom pjuttost anti-Karteżjani) bħal Søren Kierkegaard, Karl Jaspers, Lev Shestov, Edmund Husserl u Martin Heidegger. Terġa’ u tgħid fil-biċċa l-kbira l-eżistenzjalisti jemmnu — l-ewwel u qabel kollox — illi l-eżistenza tippreċedi l-essenza mentri Camus ta x’jifhem bosta drabi li kien jifhimha sewwasew bil-kontra. Camus kien stqarr bla kantunieri dan bosta drabi, notevolment f’intervista mar-rivista Les Nouvelles Littéraires tard fl-1945 fejn iddikkjara li l-fehma tiegħu li l-eżistenzjalimu huwa “suwiċidju filosofiku” u li l-ġabra ta’ saġġi tiegħu Il-Mit ta’ Sisifu kien filfatt tentattiv biex jargumenta t-twemmin tiegħu kontra l-primat tal-eżistenza. 

Il-Professur Toni Aquilina
Il-Professur Toni Aquilina

It-tema tas-suwiċidju qed twassalni hawnhekk għat-tieni osservazzjoni. “L-unika kwistjoni filosofika serja hija s-suwiċidju,” jgħid Albert Camus f’Il-Mit ta’ Sisifu. B’din l-istqarrija skjetta ried ifisser, fost ħwejjeġ oħra, illi l-kwistjonijiet kollha l-oħra jkun stħaqqhom tweġiba biss ġaladarba qabelxejn inkunu staqsejna: vallapena ngħixuha l-ħajja? Hux is-suwiċidju l-iżjed għażla loġika difaċċ l-assurdità tal-ħajja u n-nuqqas ta’ fejda li donnu joħnoq kull proġett tagħna? Minn din il-perspettiva, nistgħu ngħidu li — għad illi Camus dejjem irrofta li jissejjaħ eżistenzjalist — xorta jibqa’ l-fatt illi mhux possibbli wieħed jixtarr dan kollu bis-sħiħ mingħajr ma jirreferi għal dan il-moviment. Filosofu Taljan ħabib tiegħi darba ssuġġerieli li b’mod ġenerali kull filosofija li tenfasizza t-tensjoni bejn l-eżistenza u l-assurdità tagħha tista’ tiġi interpretata bħala rispons għal Kierkegaard, u dan għax għandu mnejn ħadd daqsu ma ddeskriva aħjar l-problematka tal-essri: “Idħak bil-bluhat tad-dinja, u jisgħobbik. Ibki fuqhom, u jisgħobbik xejn inqas. Tidħak jew tibki ser jisgħobbik xorta... Jekk titgħallaq, jisgħobbik; jekk jibdielek jisgħobbik mod ieħor; titgħallaq jew le ser jisgħobbik daqsinsewwa. Dan, sinjuri, huwa l-qofol tal-filosofija.” 

Immela nagħmlu x’nagħmlu xiku briku, għall-inqas skont Kierkegaard. Għaldaqstant forsi jkun tajjeb, skont dan il-ħabib tiegħi, illi kull diskors eżistenzjali jibda minn hemm. Il-mistoqsija ewlenija li jistaqsi Camus, imbagħad, bilfors tiġi weħidha. Il-mistoqsija hija waħda, iżda t-tweġibiet huma bosta. Għax tgħid, minkejja l-istigma peżanti li jġorr miegħu s-suwiċidju, fl-istorja intellettwali tal-Punent dan l-għemil sab bosta paladini: David Hume, Giacomo Leopardi, Arthur Schopenhauer u forsi minn daqqiet anke Fernando Pessoa lkoll għaddewh b’għażla valida. Iżda mbagħad oħrajn bħal John Locke, Immanuel Kant u Thomas Hobbes żammewh b’att immorali, mentri Seneka, Epiktetu u Markus Awrelju qisuh bħala tweġiba mill-aktar ġwejda. Nietzsche minn daqqiet jaffermah bħala “att pożittiv”, daqqiet oħra talment jafferma l-ħajja bis-sod — fis-sħuħija assurda kollha tagħha — li qajla jħalli lok għall-aġir bħal dan. Sartre jissimpatizza, iżda qajla jarah għemil fejjiedi ġaladarba lanqas dan minnu nnifsu ma jista’ jagħti tifsira wtiqa lil ħajjitna. Għaldaqstant, bħal Heidegger, Sartre ma jgħoddux is-suwiċidju bi tweġiba “awtentika” għall-qagħda mwiegħra ta’ Sisifu. Camus għal darba jaqbel miegħu iżda jmur pass oltre, tant illi donnu jimplika li akkont is-suwiċidju huwa impuls pjuttost skansafaċendi.

Min għandu raġun? Ma nazzardax ngħid. Aktarx xi ftit jew wisq ilkoll. Iżda hu x’inhu nemmen li biex jixtarr dan kollu Camus ma setax għażel xbieha aqwa minn dik ta’ Sisifu. Daqs ħames snin ilu kienu proprju dawn il-ħsus li nebbħuni nrodd fl-ilsien Malti is-saġġ Il-Mit ta’ Sisifu: “L-allat kienu kkundannaw lil Sisifu jimbotta ’l fuq ġebla daqsiex bla hedu sal-quċċata ta’ muntanja minn fejn il-ġebla kienet terġa’ taqa’ għal isfel bil-għabar tagħha. Kienu ħasbuha, u b’ċerta raġuni, illi m’hemmx kastig iżjed waħxi mill-ħidma bla fejda u bla tama.” Kien żmien l-aħħar xhur ta’ ħajjet missieri, li ġaladarba kien f’agunija mgerrem mill-kankru, spiss smajtu jhewden bis-suwiċidju. Forsi ma tlumux: lejn l-aħħar il-ġebla saritlu tqila wisq. Abbli l-ġisem baqa’ jrid imma l-ispirtu ddgħajjef. F’daka l-waqt aħħari meta ċeda ma kontx biswitu. B’xorti ħażina, jew assurda, xħin wasalt fejnu kien ġa laħaq għotor u tgħattan taħt it-toqla tal-ġebla.

Niftakar illi dik il-ħabta kont qsamt din it-traduzzjoni tiegħi mal-Professur Toni Aquilina. Dakinhar tassew kont appik — iżda mbagħad bħal qisni bżajt — nistaqsih jekk bħal Camus tassew jemminx illi minkejja kollox "lil Sisifu għandna nistħajluh kuntent". Minflok ippreferejt il-wens tal-ħsejjes mifluġa tal-ewwel parti tad-Disintegration Loops ta’ William Basinski. Iżda forsi jkun xieraq illi nistaqsih dan darb’oħra...

More in Arti