Letteratura | Daż-żminijiet anti-intellettwali tagħna - Ħsibijiet dwar il-kultura tal-kanċellazzjoni

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jaqsam magħna ħsibijietu rigward il-kontroversja li għadha għaddejja minnha l-awtriċi J. K. Rowling. Qabelxejn jirreferi għall-kummenti ta’ solidarjetà li esprimiet il-ħassieba u teorista tal-ġeneru Judith Butler, b’mod partikulari b’referenza għall-kampanji ta’ mibegħda li ttellgħu kontra Rowling. Jesprimi qbil qawwi mal-veduti tagħha rigward il-faqar intellettwali li spiss jikkaġunaw il-midja soċjali. Saliba jidentifika wkoll bosta episodji reċenti fejn persuni dissidenti — kemm f’pajjiżna u kemm lil hinn minnu — sfaw fil-mira ta’ din il-kultura tal-kanċellazzjoni, spiss terġa’ u tgħid permezz tal-midja soċjali. Jagħlaq billi jissuġġerixxi li każi bħal ta’ Rowling kapaċi juruna li ormaj il-faqar intwellettwali u l-kultura tal-kanċellazzjoni ma jinsabux biss f’pajjiżna

J.K. Rowling
J.K. Rowling

Qrajt bi pjaċir dan l-aħħar ittra li dehret daqs ġimgħa ilu fil-ġurnal Brittaniku The Sunday Times dwar il-kontroversji li qajmet f’dawn l-aħħar xhur il-kittieba Joanne Rowling (J. K. Rowling) bil-kummenti tagħha rigward il-persuni transgender. Bi kważi sittin firmatarju mid-dinja tal-letteratura u tal-ispettaklu, l-ittra kkundannat l-abbuż kontinwu li qiegħda ġġarrab Rowling fuq il-midja soċjali. Fl-istess ġimgħa ma’ dawn ingħaqdu wkoll — minkejja li mhux bilfors jaqablu magħha sa barra — diversi kollegi li ħadmu magħha, l-iżjed mill-industrija taċ-ċinema.

Innotajt b’interess ukoll il-kummenti reċenti li għaddiet il-ħassieba u t-teorista tal-ġeneru Judith Butler f’intervista li saritilha mir-rivista The New Statesman rigward il-mod kif żvolġa dan id-dibattitu. Minn banda għax stennejt illi aktarx Butler kienet ser toffri kundanna kemxejn iktar iebsa fir-rigward tal-fehmiet ta’ Rowling. B’xorti tajba dan ma ġarax: anzi, minkejja n-nuqqas ta’ qbil mistenni rigward il-kwistjoni, Butler saħansitra esprimiet il-fehma li hu x’inhu Rowling ma kellha qatt tisfa’ vittma ta’ abbuż, fastidju jew kampanji ta’ mibegħda. Matul din l-intervista — f’kumment tassew f’waqtu — Butler interpretat din l-atmosfera ostili u tossika bħal sintomu ewlieni taż- “żminijiet anti-intellettwali” li qegħdin ngħixu fihom.

Butler tidentifika wkoll l-għaġġla fil-ħsieb u fir-rispons illi minnhom infushom iħeġġu l-mezzi tal-midja soċjali bħala wieħed mill-fenomeni ewlenin illi qiegħed joħnoq id-dibattittu meqjus, saħansitra fl-isfera politika. Jidhirli li argument talment validu bħal dan jixraqlu analiżi separata li aktarx fil-biċċa l-kbira tmur lil hinn mill-finijiet ta’ paġna letterarja. Bħalma diġà minn xi daqqiet aċċennajt qabel f’din is-sensiela, f’dan ir-rigward jenħtieġ jitqiesu bosta fatturi li spiss ifakkruna fihom il-proponenti tal-minimaliżmu diġitali: it-trijonf traġiku tal-immaġni fuq il-kelma, il-preferenza spiss qerrieda tal-konċiżjoni fil-kitba, l-effetti qerrieqa tal-kmamar tal-eki diġitali, il-miżinformazzjoni, id-diżinformazzjoni, l-eċċess dejjem jikber ta’ kull xorta ta’ tagħrif illi spiss ikompli jisromna milli jgħarrfna, il-fenomenu ċiber-ontoloġiku “jiena-nittajpja-mela-neżisti”, il-frammentazzjoni tal-ħin. Fi kwistjonijiet bħal din ta’ Rowling ma assolutament ma nistgħux inħallu barra dawn il-fatturi, l-iżjed meta nqisu li bosta minn dawn isawru l-isfond u l-ambjent illi fihom jiżvolġu u jikkundizzjonaw il-modi li bihom nipproċessaw l-informazzjoni.

Għaldaqstant nemmen illi Butler, bħal bosta ħassieba tat-teknoloġija oħrajn, f’dar-rigward laqtet il-musmar fuq rasu. M’iniex konvint illi dejjem għamlet l-istess fit-teoriji tagħha dwar il-ġeneru, b’mod speċjali f’dan il-każ. Naqbel bis-sħiħ ma’ ċerti rimarki, ftit li xejn m’oħrajn. Niġu f’dan, insibni xi ftit jew wisq fl-

istess qagħda kwantu l-fehmiet ta’ Rowling. Bosta persuni u organizzazzjonijiet akkużaw lill-awtriċi b’veduti transfobiċi u fi żvilupp saljenti minnhom, saħansitra, Rowling ħasset li kellha tirritorna lura premju prestiġġjuż imwaqqaf biex jirrikonoxxi ħidmiet notevoli favur il-bidla soċjali, sewwasew ir-Robert F. Kennedy Human Rights (RFKHR) Award.

Hu x’inhu, jidhirli li ftit li xejn ifid li jsiru kummenti fil-qosor dwar il-merti u n-nuqqasijiet li jista’ jkollhom l-argumenti li ressqet Rowling sabiex tiddefendi l-pożizzjoni tagħha — u lil nfisha — mill-ħamba nobis illi ġibdet lejha. Ngħid biss li d-difiża tagħha tissuġġerixxi li bosta mill-opinjonijiet tagħha aktarx tnisslu minn ċerti trawmi personali li ġarrbet, fosthom bosta episodji ta’ vjolenza domestika u sesswali matul l-ewwel żwieġ tagħha. Għadd illi primavista forsi mhux lakemm issib konnessjoni bejn dawn it-tnejn, f’wieħed mill-argumenti ċentrali tagħha twissi li ċerta laxkezza żejda fil-mod kif nifhmu u nattribwixxu l-ġeneru fi żmienna jista’ jagħti lok għall-vjolenza fuq in-nisa. Tistgħu taqraw id-difiża tagħha, li tgħodd mat-3,600 kelma, fis-sit uffiċjali tagħha.

Judith Butler
Judith Butler

Minn banda, il-każ ta’ Rowling ġibidli l-attenzjoni mhux l-iżjed minħabba l-għagħa li qajjem. Dan mhux xi każ ġdid. Hekk jew hekk, kwistjonijiet bħal dawn kulma jmur qegħdin isiru iktar komuni u — f’ambjent akkademiku pjuttost insulari li sar jisħaq dejjem iżjed fuq il-korrettezza politika akkost ta’ kollox — ftit li xejn hemm x’jindika li fil-ġejjieni qrib ser ibattu. Biss biss daqs sena u nofs ilu, pirkażu, wara ħafna pressjoni l-Università ta’ Cambridge ħassret żjara ta’ xahrejn fil-Fakultà tad-Divinità lill-psikologu Kanadiż proprju minħabba l-fehmiet tiegħu dwar il-ġeneru. Psikologu Kanadiż ieħor, din id-darba Steven Pinker, din is-sena għadda minn burraxka simili, għad illi b’xorti tajba sab l-appoġġ sħiħ tas-Soċjetà Lingwistika tal-Amerika.

Mill-banda l-oħra eżempji ta’ attitudni bħal din — illum magħrufa bħala l-kultura tal-kanċellament — jibqgħu jolqtuni għax ifakkruni bil-kbir f’diversi ġrajjiet li rajna u għadna naraw illum f’pajjiżna, anke fi ċrieki intellettwali u letterarji. Nerġa’ ntenni illi f’dan kollu ma hemm xejn daqstant ġdid. Ċerti attentati ta’ ċensura — u għar minn hekk ċerti kampanji ta’ kanċellament — ilhom magħna snin twal. Jidhirli wkoll illi baqgħu magħna sa-lum: minkejja l-avvanzi soċjali u politiċi li nkisbu tul is-snin, donnu ħafna individwi, fosthom persuni b’xeħta akkademika, għadhom isibuha bi tqila jiddjalogaw ma’ persuni oħrajn b’ideat diverġenti, iżjed u iżjed jekk il-persuni inkwistjoni jkunu jappartienu lill-kampi ideoloġiċi tagħhom stess. Il-każ Li Tkisser Sewwi u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019 huma biss żewġ eżempji, minn fost bosta oħrajn mill-istorja reċenti, li jissuġġerixxu li minkejja d-diskors kollu li jsir rigward it-tisħiħ ta’ soċjetà miftuħa msejsa fuq il-libertà tal-fehma u tal-kelma, bosta xorta għadhom jippreferu l-wens tal-kumpanni milli t-tisrim tad-dissidenti. Dawk illi bħali kemm-il darba tkellmu dwar il-kwalitajiet inqas tajbin ta’ Daphne Caruana Galizia — biex ma nsemmux ukoll ċerti nies illi bħali wkoll għandhom xi riżervi raġunati dwar dak l-aspett jew l-ieħor tal-pandemija COVID-19 — dwar dan żgur jafu xi ħaġa wkoll. Mill-ftit illi segwejt, il-kampanja politika li għadu jmexxi minn fuq l-internet l-poeta Antoine Cassar sfat ukoll fil-mira ta’ messaġġi ta’ mibegħda u t’assassinju tal-karattru mingħand talin illi minnhom forsi tistenna xi daqsxejn aħjar. Aħjar ma nsemmu xejn dwar dawk li ħarġu għonqhom favur l-abort.

Jidhirli li dan ukoll jixhed bil-kbir iż-żminijiet anti-intellettwali li tkellmet dwarhom Judith Butler. Jekk dan mhux faqar intellettwali, mela ma nafx x’inhu. Madankollu għandu mnejn każi bħal ta’ Rowling, Peterson, Pinker u oħrajn jistgħu wkoll jagħtuna xi nikta sabar u faraġ. Jekk xejn, kapaċi jiftħulna għajnejna dwar il-fatt illi l-faqar u l-medjokrità intellettwali li jissempliċizzaw u jibbanalizzaw kollox, il-battibekki frivoli u bla fini, iċ-ċertezzi epistemoloġiċi mill-għarfien uman u l-bqija, m’humiex — jew inkella ormaj żgur m’għadhomx — biss karatteristiċi intrinsiċi u indiġeni ta’ pajjiżna. Bħalma darba snin ilu kkummenta Immanuel Mifsud waqt programm televiżiv fuq ix-xandir nazzjonali: abbli fl-aħħar mill-aħħar mhemm xejn Only-in-Malta, lanqas fil-modi kif ġieli nilqgħu lill-ħassieba, lill-kittieba u lill-iskulari tagħna.

More in Arti