L-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb - esperjenza unika għat-tfal

Wara li fl-aħħar jiem il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħabbar li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir xorta waħda iżda b’mod xitrwali, it-tim organizzatti tal-Festival qed iħares lejn din l-isfida l-ġdida b’determninazzjoni sabiex it-tfal jerġa’ jkollhom esperjenza fejjieda imma mġedda mal-ktieb u l-qari

Id-deċiżjoni li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ma jsirx bil-mod tradizzjonali kif nafuh ma kinitx waħda faċli. Tul dawn l-aħħar seba’ snin l-avveniment kiseb reputazzjoni għolja kemm mal-imsieħba fl-industrija tal-kotba iżda anki mal-pubbliku - speċjalment mat-tfal li huma wieħed mill-klijenti l-aktar importanti fix-xogħol kollu tul is-sena tal-KNK. Min dan il-lat il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jimmira wkoll li jkun ta’ eżempju għal entitajiet oħra governattivi, kif konna fil-passat - ma nistgħu qatt nieħdu r-riskju li minħabba deċiżjonijiet li ma ttiħdux f’waqqithom xi ħadd jinfetta ruħu waqt il-Festival, u lanqas nistgħu nagħmlu avvenimenti meta hemm ir-riskju li nikkompromettu l-benessri tal-klijenti, l-imsieħba u l-ħaddiema tagħna.  

Tinstema’ klixè, imma t-tim organizzattiv tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed iħares lejn din l-isfida l-ġdida b’ħeġġa sabiex insarrfuha għal darb’oħra f’laqgħa unika tat-tfal mal-qari u d-dinja tal-kotba. Iżda mhux biss - qed naħdmu sabiex, flimkien mal-pubblikaturi u l-imsieħba l-oħra fl-industrija li magħhom naqsmu sapport reċiproku, nimbuttaw il-limiti u nidħlu f’art li, ngħiduha kif inhi, f’pajjiżi oħra m’għadhiex daqstant ġdida: l-esperjenza virtwali.

Studenti u tfal: l-aqwa kotba tal-2019 jinsabu biss klikkjatura bogħod!

Ix-xiri ta’ kotba online kien ilu fil-ħsieb tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fil-fatt meta faqqgħet l-imxija Covid-19 nedejna għadd ta’ kampanji sabiex inħajru lit-tfal jixtru l-kotba mis-siti tal-pubblikaturi, ladarba ma setgħux joħorġu mid-dar. F’Marzu qassamna fuljett lid-djar kollha ta’ Malta u Għawdex bl-informazzjoni kollha li wieħed jeħtieġ biex jixtri ktieb online mingħand kull pubblikatur f’Malta. Dal-fuljett jisnab ukoll b’mod virtwali (ovvjament!) fuq is-sit tal-KNK.

Minn hawnhekk inħeġġu lit-tfal u lil min jieħu ħsiebhom biex jiffamiljarizzaw ruħhom aktar mas-servizzi online tad-diversi pubblikaturi Maltin. M’ilux ippubblikajna l-lista ta’ kotba finalisti tal-Premju Terramaxka għat-Tfal u l-Adolexxenti, u nistgħu nassigurawkom li għal darb’oħra l-kotba sottomessi huma ta’ kwalità għolja kemm mil-lat ta’ kontenut u anki minn dak illustrattiv.  

Se nidħlu f’kull klassi ta’ Malta u Għawdex bix-xows tagħna

Il-programm ta’ attivitajiet li s-soltu jkollna mħejji għall-istudenti li jżuru l-Festival se jsir xorta waħda. Ovvjament l-istudenti mhumiex se jiġu Dar il-Mediterran imma aħna se nidħlu f’kull skola ta’ Malta u Għawdex b’mod virtwali…mhux bis-sens jew? Ix-xows ibbażati fuq il-kotba rebbieħa tat-Terramaxka tas-sena l-oħra u ta’ dis-sena hemm il-ħsieb li jiġu rrekordjati u jintbagħtu lill-iskejjel. Se jkun hemm xow ibbażat fuq il-ktieb Il-Ħanut tal-Ħelu Li Mar Dawra ta’ Clare Azzopardi għal tfal sa seba’ snin u ieħor ibbażat fuq Amina ta’ Antoinette Borg għall-adolexxenti sa sittax-il sena. Ix-xow fuq ir-rebbieħa ta’ dis-sena nħalluhulkom sigriet għalissa ladarba għad irridu nħabbru r-rebbieħa ta’ dis-sena! 

Dan huwa materjal edukattiv magħmul b’mod li t-tfal jieħdu gost jitgħallmu, u kull xow ikun imqassam skont l-età tal-istudent. Ninsabu ċerti li l-għalliema se jsibuh utli għat-tagħlim dwar il-ħila tal-qari, it-trawwim ta’ komunità li taqra u anki għall-gost, fost affarijiet oħra. Huwa materjal li jista’ jibqa’ jintuża kemm-il darba.

Il-vawċer tant maħbub se jitqassam xorta waħda. Kull student li se jirreġistra għall-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jintbagħatlu l-vawċer li jkun jista’ jonfoq online mingħand il-pubblikatur tal-għażla tiegħu u li jkun qed jieħu sehem waqt il-Festival.

It-tranżizzjoni għall-online trid tkun totali u permanenti

Ħerqana biex it-tranżizzjoni għall-online ma tkunx biss biex minnha jgawdu t-tfal. Il-pjan tagħna jħares ferm fit-tul: il-qalba għall-online trid tkun totali u permanenti. Huwa għalhekk li minn hawn qed insejħu lill-imsieħba kollha tal-industrija, speċjalment l-eżebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, biex jitħażżmu sewwa u jaraw li jinsabu paripassu mal-aħħar teknoloġiji għall-bejgħ tal-kotba online. L-istudenti m’għandhomx isibuha diffiċli biex jidħlu u jsarrfu l-vawċer online u iex nilħqu dan l-għan qed naħdmu sabiex tinħoloq sistema li biha l-vawċer ikun jista’ jissarraf f’forma ta’ kodiċi li tintuża darba biss. Min-naħa tal-pubblikaturi jkun tajjeb li jaġevolaw is-servizzi online tagħhom sabiex l-istudent ma jsibhiex bi tqila biex jidħol, isib il-ktieb li jixtieq u jsarraf il-vawċer.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb mhuwiex skuraġġut mis-sitwazzjoni, u determinati biex flimkien mal-pubblikaturi nieħdu din bħala opportunità biex insibu modi ġodda kif nippromwovu l-qari u l-kotba u jinbiegħu l-kotba. 

Infakkru lill-pubblikaturi kollha li d-data tal-għeluq biex japplikaw għall-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (11-15 ta’ Novembru) se tibqa’ kif kienet tħabbret fil-bidu: il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu. Ibqgħu segwu l-korrispondenzi li qed ikollna magħkom sabiex il-proċess ikun wieħed mingħajr intoppi. Informazzjoni oħra nippubbliawha bħas-soltu fuq is-sit tagħna www.ktieb.org.mt u fuq il-paġna tal-Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (Malta Book Festival 2020) u tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (National Book Council Malta). Il-programm sħiħ tal-attivitajiet jitħabbar fix-xhur li ġejjin.

More in Arti