Letteratura | Il-kotba li qed jistennewk taqrahom

Novelli politiċi, rumanzi minimalisti, poeti żgħażagħ u ġodda, esperjenza tal-qari għat-tfal u l-adolxxenti, riċerka ddettaljata fuq suġġetti interessanti daqs kemm huma partikulari - dawn huma l-kotba finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020

Ftit tal-jiem ilu l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ippubblika l-lista sħiħa tal-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2020. 

Il-Premju għandu valur sinjifikanti għall-qasam tal-kotba u l-industrija tal-pubblikazzjoni f’Malta għax ta’ kull sena jkun jinkludi wħud mill-aqwa kotba ppubblilkati s-sena ta’ qabel. 

Il-Premju għandu valur sinjifikanti għall-qasam tal-kotba u l-industrija tal-pubblikazzjoni f’Malta

Il-kategorija li l-aktar tqanqal interess dejjem tkun dik tar-rumanzi. Minn numru sostanzjali ta’ sottomissjonijiet l-aġġudikanti mexxew erba’ rumanzi għall-fażi finali. Echoes - Distant Voices, Distant Lives huwa rumanz ieħor tal-kittieba veterana Lou Drofenik, li rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bosta drabi oħra fil-passat. Minn xogħol kittieba veterana mmorru għal-O.B.E. li huwa r-rumanz debuttanti tal-adulti ta’ Rita Saliba magħrufa l-aktar sa issa għall-istejjer qosra. Papa Aħmed ċertament huwa titlu li ħafna jaqrawh darbtejn, u Joe Pace jippreżentalna thriller li jwassal dritt mill-konklavi sat-toroq ta’ Ġerusalemm. B’Il-Wiċċ l-Ieħor Ġorġ Peresso jittanta xortih mal-istil minimalista tar-rumanz - inqas kliem u aktar spazju għall-qarrej - fi vjaġġ senswali li kif tgħid il-qoxra tal-ktieb huwa “mikxuf beraħ”.

Diffiċli tifred il-kitba fittizja mil-impenn politiku fiż-żewġ kotba finalisti fil-kategorija tan-novelli L-Aqwa Żmien ta’ Immanuel Mifsud u Għall-Glorja tal-Patrija! ta’ Aleks Farrugia. L-istejjer fil-ktieb Ħal Maqtugħ ta’ John Spiteri Gingell ukoll jitfgħu lill-poplu Malti taħt il-lenti, madankollu l-awtur jislet mill-istejjer mistoqsijiet universali u għalhekk mhuwiex strettament marbut mat-temi lokali politiċi li żgur influwenzaw il-kitba ta’ dawn il-ġabriet ta’ novelli.

“Jien ħaġa moħġaġa imma m’intix se taqta’ min jien, ninbidel skont minn fejn tħares lejja” hija l-istedina li l-qarrej se jsib fuq il-qoxra tal-ktieb ta’ Loranne Vella mill-bieb ’il ġewwa, ġabra ta’ stejjer li tistieden lill-qarrej iħares ’il ġewwa għax se jbexxqulu l-bieb biex mit-tarġa ta’ barra jnemmes fir-realtajiet sigrieti tal-karattri fil-ktieb. Il-qalba ta’ kull storja hi din - dak li nagħmlu jaħbi u fl-istess waqt jikxef min aħna. Wara numru ta’ snin jirritorna b’ġabra ġdida ta’ novelli Walid Nabhan, li seraq ix-xena letterarja lokali bir-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji fl-2013 iżda li kien ilu mis-snin ta’ qabel iħabbat b’ċerta insistenza bin-novelli tiegħu.

Il-premju għall-poeżija nqasam għall-ewwel darba minn dis-sena f’żewġ kategoriji distinti: bil-Malti u bl-Ingliż. Il-lista ta’ finalisti taż-żewġ kategoriji hija mimlija b’ilħna poetiċi ġodda. Mario Cardona (Fuq kaxxa tal-birra rasha ’l isfel), Andrew Debono Cauchi (ħlief memorji u dellijiet), Elizabeth Grech (bejn baħar u baħar) u John Aquilina (it-tieni ġabra tiegħu Tluq) huma l-ismijiet li flimkien ma’ Immanuel Mifsud (Madwar Sagħtejn u Nofs ’il Bogħod mill-Ġenna) jiffurmaw il-kategorija tal-poeżija bil-Malti. Għall-poeżija bl-Ingliż hemm ktieb wieħed finalist, Lethe taż-żagħżugħa Louise Vella, li fih wieħed isib anki poeżiji bil-Malti u l-Franċiż.

Poeti żgħażagħ u ġodda mal-finalisti. Sorpriża fil-kategorija tad-drama.

Kien ilu erba’ snin ma dil-kategorija jkun fiha finalisti, tneħħi ktieb fl-2018, iżda did-darba hemm tliet kotba fil-kategorija tad-drama bil-Malti u bl-Ingliż. Narcy Calamatta flimkien ma’ Iggy Fenech, Simone Spiteri u Mario Philip Azzopardi huma d-drammaturgi finalisti f’dil-kategorija. Mill-banda l-oħra fil-kategorija tat-traduzzjoni hemm ktieb finalist Mix-Xaqliba ta’ Dar Swann: Imħabba ta’ Swann tat-traduttur veteran u rebbieħ darbtejn tal-kategorija Paul Zahra. 

Meta s-sena l-oħra żdiedet l-kategorija ġdida tal-letteratura mhux fittizja kien hemm stennija għat-tip ta’ kotba li issa setgħu jibdew jikkompetu fiha. Dis-sena mhux inqas u l-kotba finalisti jixhdu d-diversità ta’ suġġetti li dal-ġeneru jħaddan fih: ktieb ta’ xogħol ta’ ġurnaliżmu investigattiv (Murder on the Malta Express: Who killed Daphne Caruana Galizia ta’ Carlo Bonini, Manuel Delia u John Sweeney), sensiela ta’ ritratti ta’ mara ta’ 102 li jiffurmaw storja bijografika (Tessie ta’ Giola Cassar u Glen Calleja) u riflessjoni fuq il-Vanġeli kollha tal-Ħdud tas-Sena A (Fittxu l-Ewwel is-Saltna t’Alla ta’ Andrew Galea). Litteralment kulma hemm jorbothom flimkien hu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb!

…litteralment kulma hemm jorbothom flimkien hu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb!

Il-Premju ma jirrikonoxix biss kotba  letterarji, iżda anki akkademiċi u ta’ natura xjentifika. Ir-riċerka li marret f’dawn il-kotba  hija waħda erudita u professjonali, akkumpanjata minn illustrazzjonijiet li jwiżnuha u produzzjoni tal-ktieb li tistiednek  tiftħu u tara x’fih. Issib minn riċerka fuq il-bizzilla Maltija, iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, is-salini tradizzjonali u kif jindaq u jinħadem l-istrument taż-żaqq (riċerka ġenerali) sa storjografiji fuq is-Sette Giugno, l-ilbies militari u ċivili f’Malta, id-djarji tal-Kavallieri, l-Arti Moderna u bijografiji fuq persunaġġi ġodda u oħrajn li jixħtu dawl ġdid fuq persunaġġi magħrufa. Prattikament dawn iż-żewġ kategoriji qishom enċiklopedija ta’ kotba ġodda f’Malta!

Il-Premju Terramaxka - eċċellenza fil-kotba għat-tfal u l-adolexxentI

Il-Premju Terramaxka għat-Tfal u l-Adolexxenti qiegħed hemm biex ikun instigatur ewlieni ħalli l-livell tal-kontenut u l-kwalità tal-preżentazzjoni tal-kotba għat-tfal u l-adolexxenti jitjiebu sena wara sena. Il-KNK, anki bis-saħħa ta’ kompetizzjonijiet annwali ta’ kitba għat-tfal u ż-żgħażagħ, jemmen li l-imħabba għall-qari hi riżultat anki ta’ kotba li jattirawk biex taqrahom u li jkunu relevanti għall-qarrej, hu ta’ liema età hu.

Il-premju fih sitt kategoriji - tlieta għal kotba oriġinali u tlieta għal kotba tradotti - u jiġu ppremjati mhux biss il-kittieba iżda anki l-illustraturi tal-ktieb. L-awturi tal-kotba finalisti għal dis-sena fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ismijiet magħrufa, iżda ta’ min isemmi wkoll kittieba u illustraturi ġodda li jidhru mal-finalisti, fosthom il-kittieba Carmel Borg, Kenneth Gauci, Brian Buhagiar u Ġorġ Mallia, u l-illustraturi Deandra Scicluna, Steve Bonello, José Luís Ocaña u Robbie Cathro.

Il-Premju Terramaxka qiegħed hemm biex jixpruna ‘l quddiem il-livell tal-kontenut u l-kwalità tal-preżentazzjoni tal-kotba għat-tfal u l-adolexxenti

Ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka jitħabbru waqt serata privata jum qabel il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb nhar it-Tlieta 10 ta’ Novembru 2020, u ċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb issir f’Diċembru f’data li titħabbar wara l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Nota: Din l-informazzjoni hija tentattiva, u l-KNK qiegħed isegwi mill-qrib id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet governativi dwar l-imxija COVID-19.

Żur www.ktieb.org.mt biex taċċessa l-lista sħiħa tal-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll il-paġna tal-Facebook tal-KNK (National Book Council - Malta) għall-aħħar aġġornamenti.

More in Arti