Letteratura | L-ilsien Malti fi żmienna

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu mal-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Għaqda tal-Malti (Università) Sephora Francalanza rigward il-ħidma tal-għaqda, il-lirika Maltija, il-ktieb Malti, l-użu ta’ lsien pajjiżna fl-Università, l-istudji traduttoloġiċi u l-qagħda tat-tradutturi professjonali f’pajjiżna

Sephora Francalanza
Sephora Francalanza

It-teżi tiegħek tal-Baċellerat fil-Malti tittratta l-lirika tal-Brikkuni. It-teżi tinqeda bit-teorija u bil-kritika letterarja biex tistħarreġ il-lirika tal-kanzunetti ta’ dan il-grupp filwaqt li tistaqsi jekk din tappartinix lid-dinja tal-letteratura Maltija. Qabelxejn, għaliex għażilt il-lirika tal-Brikkuni? Taħseb illi din tassew tista’ tingħadd b’letteratura? Tidentifika fiha elementi li jbejnuha mill-bqija tal-kanzunetti Maltin?

Meta ġejt biex nagħżel is-suġġett tat-teżi tiegħi tal-Baċellerat fil-Malti, ġietni f’moħħi l-idea ta’ analiżi letterarja tal-lirika. Deherli li dan ix-xogħol qajla kien sar bil-Malti u oriġinarjament l-idea feġġet jien u nisma’ l-album Ġuf ta’ Plato’s Dream Machine. Madankollu wara li ddiskutejt din l-idea mat-tutur Prof. Adrian Grima, wasalt għall-konklużjoni li jaqbel niffoka fuq il-lirika ta’ grupp wieħed sabiex ir-riċerka tkun aktar unita u awtentika. Kont iffortunata għax fl-2017, meta bdejt nikteb it-teżi, ma konniex neqsin mill-għażla fejn tidħol il-lirika Maltija. Gruppi bħal Plato’s Dream Machine, Brodu u l-Brikkuni kollha ħajruni, imma għażilt lill-Brikkuni peress li dik il-ħabta kienu se jagħlqu 10 snin minn meta twaqqaf il-grupp, kienu għadhom kemm ħarġu t-tielet album tagħhom Rub Al Khali, u fost dawn li semmejt kienu l-aktar grupp stabbilit. Għalhekk kelli aktar fejn infannad fil-lirika. Ta’ min jinnota li l-lirika tal-Brikkuni hija rikka ħafna. Miċ-ċanfir, ir-ribeljoni u l-protesta tal-ewwel żewġ albums, li fihom donnha l-għajta tqawwiet mill-ewwel għat-tieni wieħed, sal-malinkonija li tiddomina u l-kalma li ġġib magħha fit-tielet album – din id-diskografija tista’ titqies bħala mixja poetika sħiħa. Minn dak li kkonkludejt fir-riċerka tiegħi nemmen li, iva, ħafna mil-lirika ta’ Mario Vella, il-kantawtur tal-Brikkuni, tista’ titqies letteratura. Madankollu hemm ċerti kanzunetti li fil-fehma tiegħi jeħtieġu l-mużika biex takkumpanja l-lirika biex ikunu tassew uniti, ngħidu aħna l-kanzunetta “Firien.” Kanzunetti bħal “L-Assedju ż-Żgħir,” “Irkotta” u “Il-Maħbuba l-Midruba” kapaċi joqogħdu waħedhom fuq paġna mingħajr mużika u jitqiesu bħala poeżiji. Is-sinifikat fit-teknika użata fil-lirika tal-Brikkuni għalija huwa fil-ħila mirquma li huma miktubin biha l-kanzunetti, li, biex nikkwota lil Immanuel Mifsud, huma “poeżiji maħdumin, li min kitibhom fortuntament nesa li l-pop Malti tradizzjonalment illimita ruħu għat-tradizzjoni tal-inħobbok u tal-għalfejn-tlaqtni u tal-kif-se-mmut-mingħajrek.” L-elementi li qed tistaqsini dwarhom huma propju l-mekkaniżmi letterarji użati, ewlenin fosthom il-metafora, l-ironija u l-intertestwalità.

Mil-lirika tal-Brikkuni iżjed tard għaddejt għat-traduttoloġija, tant li bħalissa qiegħda ssegwi Maġisteru fit-traduzzjoni fl-Università ta’ Malta. Donnu għal bosta persuni li jistudjaw l-ilsien Malti dan il-pass partikulari sar għażla naturali. X’jiġbdek l-iżjed lejn dan il-qasam? Ninnota żewġ kategoriji ta’ studenti f’dan il-qasam: waħda li tqis dan il-kors bħala biljett li jwassal għal karriera fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-oħra bħala mezz ta’ speċjalizzazzjoni fit-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni, l-iżjed b’enfażi fuq it-traduzzjoni letterarja. B’dispjaċir ninnota li din tal-aħħar hija kategorija żgħira ħafna. Minn dawn it-tnejn ma’ liem kategorija tidentifika ruħek l-iżjed?

Ma nqisx li t-traduzzjoni hi pass naturali għall-istudenti tal-Malti. Ninnota li, kulma jmur, donnhom qegħdin jonqsu l-istudenti gradwati fil-Malti li jfittxu dan il-kors. Minkejja dan, minn dejjem kelli ħajra li nkompli l-istudji akkademiċi tiegħi billi nsegwi dan il-kors wara li niggradwa fil-Malti għaliex, bħala persuna li nħobb il-lingwi, it-traduzzjoni dejjem qistha bħala linja potenzjali f’ħajti. Meta sirt naf aktar dwarha, iżda, speċjalment meta sirt midħla tat-traduzzjoni letterarja, inġbidt lejn il-ħila li jrid ikollhom it-tradutturi sabiex jirnexxilhom jaqilbu test minn lingwa għall-oħra, għaliex ma tridx biss l-għarfien profiċjenti taż-żewġ lingwi konċernati, imma anke taż-żewġ kulturi, tad-dinja li qed tittraduċi minnha u tad-dinja li qed tittraduċi fiha, sabiex tifhem dak li trid tgħid, u mbagħad tifhem sewwasew kif se tgħidu. Fil-każ tiegħi, naqa’ fiż-żewġ kategoriji li qed issemmi, għaliex nigdeb jekk ngħid li ma xtaqtx nagħmel dal-kors bl-intenzjoni li naħdem mal-Unjoni Ewropea, iżda, fl-istess waqt, grata ħafna li fis-sena li bdejt il-kors jiena bdew jiġu offruti l-ispeċjalizzazzjonijiet tat-traduzzjoni teknika, dik awdjoviżiva u dik letterarja, u jien għażilt din tal-aħħar. Minkejja li donnha li din it-taqsima hija l-inqas popolari fost l-istudenti, probabbilment għaliex ma twassalx għal xogħol fiss iżda aktar twasslek għal xogħol għal rasek, jiena ħadt gost neduka ruħi dwar id-diffikultajiet partikolari li jaffaċċjaw it-tradutturi meta jkollhom jittraduċu silta letterarja minn xi lingwa għal oħra. Hemm baħar jaqsam bejn il-ġeneri, l-ewwel nett, jekk tkunx poeżija, proża jew teatru, u t-tradutturi dejjem iridu jżommu f’moħħhom l-udjenza.

Bosta tradutturi spiss jilmentaw li l-mestier tat-tradutturi f’pajjiżna ma jgawdix il-prestiġju u r-rispett illi jixraqlu. Minkejja li dan jirrikjedi formazzjoni edukattiva esiġenti daqs bosta professjonijiet oħra u l-avvanzi li saru f’dawn l-aħħar snin, il-qagħda professjonali tat-tradutturi bbażati f’Malta ftit li xejn rat titjib konkret. Jidhirli li dan jgħodd ukoll għal attivitajiet lingwistiċi oħra, fosthom il-qari tal-provi. Ibda biex it-tradutturi f’pajjiżna m’għandhomx warrant professjonali u lanqas unjin li tħares l-interessi tagħhom. Din is-sitwazzjoni qiegħda tippermetti bosta abbużi, fosthom prospetti skarsi fil-karriera b’rati ta’ ħlas baxxi immens. Mhix esaġerazzjoni li tgħid li ironikament l-unika possibbiltà ta’ karriera sodisfaċenti għat-tradutturi Maltin hija impjieg barra l-pajjiż. Quddiem dan kollu, kif tħossok bħala studenta żagħżugħa li minkejja kollox għażilt din it-triq? Taħseb li hemm lok għal bidla f’dis-sitwazzjoni?

Huwa minnu li ħafna minn dawk li jagħżlu li jistudjaw it-traduzzjoni jimmiraw li jaħdmu barra, imma naf bosta gradwati riċenti tal-kors li sabu xogħol fit-traduzzjoni ma’ kumpaniji f’Malta. Għalkemm mhux kollha jittraduċu, hemm ħafna opportunitajiet marbutin mat-traduzzjoni bħal maniġer tal-proġetti tat-traduzzjoni. Dan kien qasam li jiena ksibt xi esperjenza fih meta għamilt apprentistat fl-Iskozja s-sena li għaddiet bħala parti mill-Maġisteru tat-Traduzzjoni. Minkejja dan il-lat pożittiv, m’hemmx għaqda formali jew xi tip ta’ unjin li tirrappreżenta lit-tradutturi. It-tradutturi m’għandhomx warrant uffiċjali, u b’hekk kultant iseħħu abbużi fir-rigward ta’ ħlas, xi ħaġa li anke jien, li għadni kemm bdejt nirfes f’dan il-qasam, intbaħt biha. Madankollu, hemm sforzi biex is-sitwazzjoni titjieb, ngħidu aħna bil-Fondazzjoni HELA li tirrappreżenta lill-kittieba, lill-pubblikaturi, lill-edituri u lit-tradutturi, u tfittex li tagħtihom pjattaforma sabiex jilħqu aktar lill-pubbliku.

Tul ħafna snin ħdimt f’diversi għaqdiet tal-ilsien Malti, b’mod partikulari fl-Għaqda tal-Malti (L-Università). Bħalissa tokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Din l-għaqda studenteska twaqqfet minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fl-1931 bil-għan li tmexxi ’l quddiem l-ilsien Malti u l-oqsma marbuta miegħu mal-istudenti u lil hinn. Taħseb illi dan l-għan tabilħaqq qiegħed jintlaħaq? Fl-aħħar mill-aħħar, minkejja l-preżenza tal-Għaqda, fil-biċċa l-kbira il-lingwa franka tal-edukazzjoni terzjarja f’pajjiżna hija l-Ingliż. Lil hinn mid-Dipartiment tal-Malti lsien pajjiżna ftit li xejn jista’ jintuża, tant li bħala regola mhux possibbli titressaq teżi miktuba bil-Malti. X’inhuma l-veduti tal-Għaqda f’dar-rigward?

L-Għaqda tal-Malti dejjem tara li ġġedded lilha nfisha u taġġorna ruħha skont il-ħtiġijiet u ż-żminijiet. F’dawn l-aħħar snin, l-Għaqda mmodernizzat ruħha sabiex verament tkun għaqda attwali tal-istudenti li jipparteċipaw fiha. Kulma jmur, l-Għaqda tfittex li tippromwovi l-ilsien Malti b’modi u mezzi differenti. Biex nagħti eżempju konkret, f’dawn ix-xhur tal-pandemija, meta kulħadd kien imsakkar ġo daru, l-Għaqda riedet iżżomm kuntatt mal-membri u s-segwaċi tagħha. Għalhekk, nediet żewġ inizjattivi: Kwarantina? Aqralna Kwartina u Ktieb Kuljum. Tal-ewwel kienet inizjattiva sabiex in-nies jibagħtu l-filmati tagħhom jaqraw xi silta letterarja favorita, u t-tieni biex jibagħtu suġġerimenti ta’ kotba lokali. Iż-żewġ inizjattivi xxerrdu fuq Facebook sabiex jintlaħqu udjenzi wiesa’, li forsi normalment, b’attività ma nilħquhomx. Aħna nixtiequ li kieku l-Malti jkun aktar preżenti fuq il-kampus, nixtiequ kieku nisimgħu l-Malti mitkellem b’mod mirqum daqskemm nisimgħu l-Ingliż. Madankollu, naċċettaw u nifhmu li l-lingwa tal-Università, anke minħabba ċerti reġistri, hija l-Ingliż. Minkejja dan, bħala Għaqda, ġieli semmajna leħinna fuq kwistjonijiet fejn ħassejna li l-Malti jixraqlu post aħjar, pereżempju dwar il-kors tal-liġi peress li dan mgħallem bl-Ingliż mentri fil-qorti, l-avukati mistennijin jużaw il-Malti.

L-istudji akkademiċi u l-ħidmiet volontarji tiegħek bla dubju jpoġġuk f’qagħda idonea biex tosserva mill-qrib ix-xena letterarja lokali, b’mod partikulari l-ktieb Malti. Tul dawn l-aħħar snin il-ktieb Malti – b’mod partiklari fiċ-ċrieki letterarji tagħna – qajjem bosta kontroversji, saħansitra fuq il-livell nazzjonali. F’dar-rigward ninnota bosta fehmiet differenti. Ċerti qarrejja għandhom ħabta jissopravalutaw il-kwalità tal-ktieb Malti mentri oħrajn jemmnu li fl-aħħar mill-aħħar l-għażla ta’ xogħlijiet tassew validi għadha fqira ħafna. L-għadd ta’ kittieba kiber, iżd    a l-livell donnu baqa’ fejn kien. Minnu li fil-ġenerazzjoni tiegħi hemm għadd ta’ kittieba li pproduċew xogħlijiet validi immens. Minnu wkoll illi dan għamluh ukoll il-ġenerazzjonijiet ta’ kittieba preċedenti, għad illi forsi llum, kif spiss jiġri kullimkien, ormaj ħabtu jirrepetu ruħhom. X’ġejjieni tara għal-letteratura lokali f’pajjiżna?

Jiena m’ilnix wisq li bdejt insegwi x-xena letterarja Maltija mill-qrib, dawn l-aħħar snin tista’ tgħid, iżda naħseb biżżejjed ngħid li l-ixkafef tiegħi kulma jmur dejjem qegħdin jitqalu bil-pubblikazzjonijiet il-ġodda. Naturalment, dan ma jfissirx li x-xogħol ippubblikat kollu fih mertu letterarju, iżda wieħed xorta japprezza l-isforz li qed isir sabiex ikun hawn għażla ta’ xogħlijiet letterarji li jolqtu lil kull tip ta’ udjenza. Fil-ħidma tiegħi fl-Għaqda tal-Malti, li ilni involuta fil-Kumitat tagħha għal 3 snin, niltaqa’ ma’ bosta kittieba żgħażagħ, li ma jibżgħux jisfidaw in-normi letterarji jew it-tradizzjonijiet letterarji li aħna mdorrijin bihom. Dawn iqawwuli qalbi li l-letteratura lokali qiegħda f’idejn tajba. Minkejja dan, nagħraf ukoll li għadhom jeżistu ċerti lakuni fil-letteratura lokali, partikolarment, pereżempju, fit-teżi tiegħi tal-Maġisteru fit-Traduzzjoni qiegħda nistħarreġ il-lakuna li teżisti fir-rigward ta’ testi ta’ natura sesswali. Nittama li fis-snin li ġejjin dawn il-kittieba żgħażagħ li semmejt jaraw li mhux biss jimlew il-lakuni, imma anke joħolqu spazji letterarji ġodda lokalment.

Il-membri tal-Għaqda tal-Malti
Il-membri tal-Għaqda tal-Malti

More in Arti