Letteratura | Għarwien fil-Għeden u mbagħad lil hinn minnu

Din il-ġimgħa Kevin Saliba jimmedita fuq il-ġabra ta’ poeżiji Erbgħin Jum ta’ Antoine Cassar. Bil-pass il-pass mal-filosofu Frédéric Gros jitlaq jimraħ fl-istorja tal-filosofija u tal-letteratura biex jesplora l-mixjiet ta’ bosta ħassieba u kittieba. Jixtarr is-siwi terapewtiku tal-mixi fi kliem il-kittieba Rebecca Solnit u fl-ispjegi tal-awtur innifsu. Saliba mbagħad jinżel ma’ Cassar fil-ġenniji tal-belliegħa tat-tfulija sa ma ji lmaħ – minn tarf il-mina – lill-poeta għarwien fil-Ġnien tal-Għeden. Isseħħ metamorfosi stil Franz Kafka jew la Karl Brand, skont imnejn taraha. Intant Cassar jibqa’ għaddej...

Antoine Cassar (Ritratt: Katel Delia)
Antoine Cassar (Ritratt: Katel Delia)

“Il-mixi mhuwiex sport”, iwissi kemm-il darba l-filosofu Franċiż Frédéric Gros sa mill-ewwel paragrafi tal-ktieb tiegħu Marcher, une philosophie. “Ladarba jkun fuq saqajh, madankollu, il-bniedem ma jistax jibqa’ fejn ikun”, ikompli jgħid. Forsi ebda awtur kontemporanju Malti ma jaf dan aħjar minn Antoine Cassar – poeta-pellegrin li daqs sentejn ilu ġarrab u temm mixja mwiegħra iżda fejjieda fil-griż bil-ġabra Erbgħin Jum.  

Ma jidhirlix li fil-korpus letterarju Malti, tul is-snin, it-tema tal-fidwa fil-mixi nxtarret qatigħ. Bħal donnu biex ipatti wkoll għal dad-dnub tal-kittieba tagħna – huwa u jkeċċi minn fih l-ispettri u x-xjaten skabrużi tat-tfulija – Antoine Cassar telaq jimraħ, “bil-pass il-pass”, fil-Foresta Coole a’ Galway fl-Irlanda, fl-irdumijiet tan-Nofsinhar ta’ Malta, fiż-żoni urbani u stramani Lussemburgriżi, u saħansitra fil-Muntanji tal-Jura fil-fruntiera bejn l-Iżvizzera u Franza fejn kien mexa tant snin qablu Jean-Jacques Rousseau. 

Il-mixi fil-griż bħala duwa mill-griż

Frédéric Gros qabelxejn jiftaħ il-ktieb tiegħu b’din l-epigrafi ġenerali – illi żgur tgħodd ħafna għal Antoine Cassar – mill-opra filosofika L-Għarfien Ferrieħi ta’ Friedrich Nietzsche: “M’aħniex tal-qatgħa ta’ dawk li jseħħilhom jaħsbu biss qalb il-kotba. Tagħna anzi d-drawwa li naħsbu fil-beraħ – aħna u nimxu, naqbżu, nixxabbtu, niżfnu, idealment fuq muntanji solitarji jew ħdejn il-baħar, hemmhekk fejn saħansitra l-mogħdijiet imwarrba jinġabru fil-ħsieb”. Imbagħad Gros jgħaddi għall-partikulari billi jiddokumenta d-diversi rapporti li rawmu bosta ħassieba u kittieba ma’ dan l-eqdem mezz ta’ trasport fl-istorja tal-bniedem. Arthur Rimbaud mexa tul ħajtu kollha – bħal klandestin bla sabar imkien – minn triq għal triq, minn belt għal belt, minn port għal port. Gérard de Nerval mexa biex jistejqer mill-kibi. Jean-Jacques Rousseau mexa biex jaħseb. Immanuel Kant mexa biex ma jaħseb xejn. Nietzsche mexa kemm biex jaħseb u kemm biex jikteb. “Kull ħsieb tassew kbir jitnissel waqt il-mixi”, kien kiteb f’L-Għabex tal-Idoli. F’dar-rigward stqarrija saljenti oħra kitibha Søren Kierkegaard: “Nimxi kont ġo l-aqwa minn ħsibijieti u ma naf b’ebda ħsieb daqstant peżanti li lil hinn minnu ma nistgħux nimxu”. 

Madankollu f’Erbgħin Jum Cassar donnu jippreferi jgħodd il-mixi b’vejjiklu fejjieqi li – mhux biss iżda qabelxejn – iħelles u jaħji l-ġisem u l-menti mill-griż. “Jiena nimxi biex nimxi mhux biex naħrab. / Jiena nimxi biex nimxi mhux biex nasal. / Kun il-mixja biss, kun il-mixja miexja / f’ebda direzzjoni ħlief dik tal-mixja”, jgħidilna kmieni fil-ġabra f’Jum 7. Għaldaqstant kull waħda mill-41 poeżija li jsawru dina l-kamminata hija, paradossalment, manifest favur il-mixi fil-griż bħala duwa olistika mill-griż. Din il-perspettiva integrali nsibuha wkoll f’waħda mir-riflessjonijiet illi tagħmel il-kittieba Rebecca Solnit fil-volum tagħha Wanderlust: A History of Walking: “Il-mixi jartikula sew il-libertà fiżika u sew il-libertà mentali”.

Matul il-ġabra Erbgħin Jum – huwa u jmidd “pass wara pass” – Cassar jixtarr is-siwi u n-natura tal-mixi. F’Jum 3 jagħtina dal-parir: “Il-mixi s-salmura tal-qalb. Mel’imxi”. “Ħoss fil-mixja ħielsa s-serħan mill-għafsa”, jgħid f’qalbu f’Jum 11. Iżjed tard, sewwasew f’Jum 23, jgħid bejnu u bejn ruħu li “fil-mixi ssib il-wens”. Ftit passi wara, sewwasew f’Jum 27, jissokta jqawwi qalbu billi jistqarr li “kull mixja tagħlima”. Madankollu lejn it-tmiem imbagħad iwissina: “Għall-mixi par saqajn mhumiex biżżejjed. [...] Il-mixi faċli tant. Il-mixi iebes. / Il-mixi gost-uġigħ li jżommok fietel [...]”. 

Lejn tmiem Marzu tas-sena li għaddiet, f’intervista rigward Erbgħin Jum ma’ Prof. Adrian Grima waqt Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, Cassar fisser id-dwiewi ċerebrali u fiżjoloġiċi li stgħall minnhom permezz ta’ din il-funzjoni terapewtika tal-mixi: “Kemm il-mixi u kemm il-kitba – u t-tnejn magħqudin flimkien – għenuni ħafna, ħafna, ħafna. Il-mixi jagħtik ħafna ossiġenu. Jiftaħ ħafna toroq fil-moħħ u fil-memorja li probabbli damu ħafna żmien imsadda. Il-mixi jagħtik kuraġġ ukoll. Iktar ma timxi iktar isir faċli timxi u taħseb u tħoss”. 

Iżjed tard toħroġ fid-dieher l-influwenza tal-poeżija korporali ta’ Immanuel Mifsud: “Hawnhekk ukoll hemm l-influwenza ta’ Immanuel Mifsud. Għax il-poeżija tiegħu, il-kitba kollha tiegħu hija korporja ħafna, fiżika ħafna. Hemm sensazzjoni mhux biss fil-ġilda imma anki fl-għadam. Il-ġisem huwa protagonist ta’ kważi kulma jikteb Immanuel Mifsud. Jiena xtaqt li dawn il-mixjiet, partikolarment il-mixjiet, ikunu senswali. Ridt inħarreġ lili nnifsi nħoss il-mixja. Inħoss kull pass. Inħoss l-art taħt il-pala jew il-pett tas-sieq. Ridt inħoss l-arja u ż-żiffa. Għax il-fejqan kellu jkun mhux biss mentali jew psikoloġiku iżda wkoll fiżiku”. Dan mill-ġdid ifakkar fil-ħsibijiet ta’ Solnit: “Il-mixi jieħu sehem fit-tiswir u fil-ħidma ta’ dak l-element kruċjali tal-involviment tal-moħħ u tal-ġisem mad-dinja, voldieri tal-għarfien tad-dinja permezz tal-ġisem u tal-għarfien tal-ġisem permezz tad-dinja”. 

’Il ġewwa għal ġol-belliegħa tat-tfulija

Fir-reċensjoni tagħha Journey of childhood trauma li dehret fil-ġurnal The Sunday Times of Malta, Rowna Baldacchino rrimarkat illi kieku Antoine Cassar ma kitibx dawn il-poeżiji aktarx ma kienx ikun jista’ jwarrab dat-taqlib fil-ġewwieni. Iżda għalfejn dat-taqlib? Imnejn ġej dal-“griż ġol-griż” illi tant naqraw dwaru fl-anafori matul Jum 9? Qabel it-tbigħ ta’ din il-ġabra Cassar kien diġà tana – forsi daqsxejn bil-moħbi – xi ħjiel jew tnejn dwar dawn it-turmenti. Dan aktarx għamlu l-iżjed bit-traduzzjoni tal-poeżija żbukkata ta’ Philip Larkin This Be the Verse: “Għad jaħxuk ħaj, ommok u missierek, / mhux għax iridu, iżda xorta jaħxuk”. 

Stqarrija żbukkata bħal din bilfors għandha tfakkar fit-teoriji ta’ Sigmund Freud rigward l-effetti psikoloġiċi skjaċċanti tat-trawmi mġarrba mit-tfulija. Fi żmienna tista’ tiġi assoċjata wkoll mal-ħidma sfiqa tat-tabib u l-psikologu Ungeriż Gabor Maté dwar id-disturbi kkawżati fl-adulti minn stress post-trawmatiku (PTSD). Id-dinja letterarja u filosofika minn dejjem kienet miżgħuda b’dat-tfal imwerwrin mill-ġenniji ta’ żogħrija. Il-filosofu Louis Althusser, fl-awtobijografija L’avenir dure longtemps, jispjega l-psikopatoloġiji tiegħu b’memorji u tifkiriet dwar ambjent domestiku disfunzjonali. Ernest Hemingway baqa’ qatt ma rkupra mis-suwiċidju ta’ missieru u mid-distanza emozzjonali ta’ ommu. B’mod kemxejn simili Georges Bataille – għadilli donnu mhux kulħadd jemmnu – ġarrab “it-tiċrita grotteska taċ-ċkunija” bid-dehra ta’ missier li safa mherwel u għami għalkollox kaġun tas-sifilide. L-indifferenza parentali u t-tendenzi manijako-dipressivi u suwiċidali t’ommu m’għenux lanqas – dejjem jekk l-istqarrijiet xokkanti li għamel fil-kitbiet Prefazju għal Storja tal-Għajn u f’Koinċidenzi huma tassew minnhom. 

Fis-saġġ tagħha L-Immaġinazzjoni Pornografika Susan Sontag tisħaq – b’Bataille fost oħrajn fi ħsiebha – li “l-artist modern eżemplari huwa sensar tal-ġenn”. Jidhirli li Cassar miġnun mhuwiex, almenu żgur mhux fit-tifsira psikjatrika tal-kelma. Madankollu f’din il-ġabra jinħass konxju ħafna minn dawn id-dinamiċi. “Il-ġenn dejjem pass ’il bogħod, jekk mhux inqas”, jistqarr appena jżernaq Jum 11. Terġa’, fl-intervista msemmija qabel ma’ Prof. Grima jidentifka t-taqsima Mill-Klinika tal-Imġienen ta’ Immanuel Mifsud – l-eqqel parti tal-ġabra Penelopi Tistenna – bħala wieħed mis-sorsi letterarji ewlenin li nebbħu dawn il-versi. 

Antoine Cassar jattribwixxi dan il-ġenn – jekk nistgħu nsejħulu hekk – lill-“belliegħa tat-tfulija”, speċifikament lill-figura vjolenti, psikopatika u abbużiva ta’ “missier biċ-ċinturin”. Kif żvela fi tmiem l-intervista ma’ Prof. Grima, fil-ġabra Erbgħin Jum jiddeskrivi “kif tifel żgħir jara mostru”. Jispikka bil-kbir il-vers fl-anti-talba tal-Pater Noster f’Lejl 4: “Missier l’inti fl-infern li ħloqt b’idejk” – wieħed mill-iżjed mumenti saljenti ta’ din il-ġabra, anzi tal-karriera letterarja kollha ta’ Cassar.

Kif stqarr f’intervista ma’ Teodor Reljić għall-ġurnal MaltaToday, qatta’ snin sħaħ joħnoq u jgiddeb dat-“tmien snin u tletin sena rabja” ġo fih billi jgħaddi dan l-iżbroff bi pratka banali, patetika u fiergħa. Ħares lejn bnadi oħra. Ftaqad l-imkielem u l-gwidi sabiex jitgħarraf dwar il-babilonji tal-lingwi u tal-grammatiki. Tgħallem ukoll tal-metriki tal-piedi u tal-aċċenti ritmiċi kollha tal-versi maqtugħa, watja u żdruċċjoli tal-endekasillabu. Senagħ il-ħajki u l-mużajki. Fettaq dwar il-mapep. Saħansitra ħoloq anti-passaport u raddu f’salt lingwi. Xi minn daqqiet kiteb dwar l-imħabba. Qaleb lil Neruda fl-ilsien Malti. Intant huwa u jaqla’ ħobżu jittraduċi – ukoll taħt sema griż – dwar ngħidu aħna l-organiżmi ġenetikament immodifikati, ressaq teżi dwar l-oriġini tas-sunett Spanjol u ħareġ bl-unuri. 

Għarwien fil-Ġnien tal-Għeden

Minn banda kollu għaltaxejn. Kif jilmenta f’Lejl 32, safrattant baqa’ bir-rabja tqarraslu sidru, bil-ħarsa mxajtna fuq wiċċu, bir-ragħwa roża tlebbet f’ġismu. Kif kiteb il-pijunier mitopoetiku Robert Bly fil-klassiku Iron John – A Book About Men, “ix-xebgħat, id-daqqiet ta’ ħarta fil-wiċċ, is-swat bil-fomm huma korrimenti”. Jissokta jfannad Bly: “It-tfal jgħixu fil-fond ġewwa d-dar psikika tagħhom, ġol-kastell ta’ ruħhom. F’dika d-dar it-tfal jistħoqqilhom ikunu sovrani. Meta ġenitur iwarrab is-sovranità tat-tfal billi jinvadiha t-tfal ma jħossux biss għadab iżda wkoll mistħija”.

Forsi hawnhekk, minkejja kull aljenazzjoni, f’dar-rigward xejn mhu iktar pertinenti mill-ittra-bomba li Franz Kafka kien kiteb lil missieru. “Il-kitbiet tiegħi kienu kollha dwarek. Kulma għamilt hemmhekk, wara kollox, kien li nigreż dak li ma stajtx nigreż fuq sidrek”, kien qallu. Bħal Gregor Samsa ta’ Kafka għaldaqstant, Cassar ħtieġlu – bil-mod tiegħu sintendi – iġarrab bilfors xi proċess ta’ metamorfosi. Bil-kontra ta’ bosta l-kittieb Vladimir Nabokov irrofta l-interpretazzjoni li anke n-novella ta’ Kafka Il-Metamorfosi kienet fis-sew dwar ir-rapport xejn feliċi tal-awtur ma’ missieru. Hu x’inhu, sewwasew bħal Gregor Samsa, fis-sura l-ġdida tiegħu Cassar sabha bi tqila joħroġ mis-sodda bħas-soltu. 

Fl-intervista mal-Prof. Grima stqarr illi malli ħarġet il-ġabra Erbgħin Jum ftit li xejn ħassu komdu jitħaddet dwarha fil-beraħ mal-istampa. Ħass dan l-iskonfort iriegħxu għall-ewwel darba waqt intervista minn Rachelle Deguara għas-sensiela radjufonika Taħt il-Qoxra. Dakinhar Cassar litterament xtaq jibqa’ taħt il-qoxra. Dak il-ħin għal mument nesa d-dwiewi tal-mixi u l-amar tal-kitba ta’ Jum 35: “Isma’ f’passejk il-polz tal-poeżija”. Għandu mnejn ma żammx amment lanqas tan-natura serja u solenni tal-versi tal-ħdax. 

Bħal Adam fil-Ġnien tal-Għeden f’daka l-waqt bħal donnu tkexkex mill-Missier Etern – li jekk ser noqogħdu fuq Freud mhu xejn għajr projezzjoni eżaltata tal-missier bijoloġiku – għax dlonk intebaħ illi issa kien għarwien. Cassar ma sarx insett bħal Gregor Samsa, iżda xorta waħda waqa’ fl-għarakuża għax safa għeri. Aktarx dan l-eżilju tar-ruħ Cassar dam iġarrbu tul ix-xhur sħaħ “f’tarf il-mina” – xejn inqas minn sentejn – li dam jikteb l-aħħar sitt poeżiji tal-ġabra huwa u jikkontempla jekk għandux jaħfer lil missieru.

Lil hinn mill-mistħija tal-Għeden

Bil-għamla l-ġdida tiegħu Gregor Samsa kien kexkex lil kulħadd. Żgur mhux l-inqas lil missieru – jekk niġu f’dan – li jreġġgħu lura f’kamartu bil-forza minnufih u saħansitra jidorbu. Iżda kif Antoine Cassar baqa’ għaddej. Bħalma jistqarr f’Jum 35 – baqa’ għaddej bi ħsiebu hemm, b’siequ hemm u b’qalbu magħhom “bħal żiffa ssefsef is-sajf”. Baqa’ għaddej lil hinn mill-ġenniji tal-“iskrin tat-tfulija”. “Tħallinix nistħi wkoll għax insir nixbhek”, kien widdeb bl-aħrax lil missieru fl-anti-pregjiera dagħmija ta’ Lejl 4. Għaldaqstant Cassar fl-aħħar mill-aħħar baqa’ għaddej saħansitra lil hinn mill-mistħija tal-Għeden. Tella’ l-beritta u baqa’ għaddej għax tul dawk is-sentejn kien fehem li “pass wara pass, kull triq twassal sax-xatt”. Baqa’ għaddej aktarx għax fehem ukoll – kif qalilna l-mitologu Joseph Campbell fil-volum The Hero With a Thousand Faces – li “l-eroj tal-bieraħ isir it-tirann t’għada kemm-il darba ma jsallabx lilu nnifsu llum”. 

In-numru 40 jidher fil-Bibbja mal-146 darba. Iżda l-40 jum pellegrinaġġ fil-griż ta’ Antoine Cassar – minkejja t-titlu tal-ġabra u l-apostrofi mqanqla lil Kristu f’Lejl 34 – m’għandux wisq mir-redenzjoni reliġjuża ta’ Dante, Coleridge jew Eliot. Madankollu wieħed jittama li l-fidwa ta’ Cassar mit-“trab tat-tfulija” u mill-mistħija tal-għera tal-Għeden tabilħaqq għandha – mill-ġdid lura għal Kafka – mit-Trasformazzjoni mill-Ġdid ta’ Gregor Samsa skont Karl Brand. Is-sekwela ta’ dan il-kittieb espressjonista Ċek tintemm bl-esklamazzjoni “ħajja ġdida sejra tibda!” Għaldaqshekk, daqstant ieħor, jalla Cassar jibqa’ jiftakar f’dan il-vers minn Lejl 22: “għada nqumu friski għal mixja ġdida [...] / bil-pass il-pass, u b’daħqa ta’ tmien snin”. 

U mhux li kien, daqsinsew, li aħna l-qarrejja ta’ Erbgħin Jumgħad xi darba ntennu dana l-vers immortali minn ċerta traduzzjoni maġġuri ta’ Erin Serracino Inglott. Żgur li Cassar jafu ben tajjeb: “u ħriġna m’n hemm naraw mill-ġdid il-kwiekeb”.

More in Arti