Il-Karmelitani Beltin jiċċelebraw il-125 sena Bażilika b'wirja storika

Id-digriet orġinali, ornamenti tal-fidda, statwi ta' Karlu Darmanin u anke l-istandarti tal-baned li kienu protagonisti 125 sena ilu fost l-affarijiet esebiti

Minn għada s-Sibt se tkun qed tittella' wirja storika biex tfakkar il-125 anniversarju minn meta s-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta ngħata d-dinjità ta' Bażilika Minuri.

Din il-wirja bit-tema: '125 Sena Bażilika: Nisġa ta' Storja u Devozzjoni' se tiftaħ uffiċjalment nhar is-Sibt li ġej, l-1 ta' Frar fis-7:15pm u se tkun qed tfakkar dan l-avveniment storiku mhux biss għall-Karmelitani Beltin iżda għal Malta kollha.

Fost oħrajn, f'din il-wirja se jkun esebit id-digriet oriġinali tal-Papa Ljun XIII li permezz tiegħu s-Santwarju tal-Karmnu sar Bażilika Minuri fit-13 ta' Mejju tal-1895.

Se jkunu esebiti wkoll l-Umbrellun u anke t-Tintinabblu (insinji Bażilikali) li kienu nġabu direttament minn Ruma meta s-Santwarju sar Bażilika u anke l-insinji li għadhom jintużaw sal-lum fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Apparti dawn, il-wirja qed tesponi ritratti antiki u l-gazzetti li 125 sena ilu rrapportaw bi prominenza dan l-avveniment.

Dawn flimkien ma' ornamenti tal-fidda, statwi ta' Karlu Darmanin u anke l-istandarti tal-baned li kienu protagonisti 125 sena ilu.

Fost il-ġimgħa, il-wirja se tkun miftuħa kuljum bejn il-5:30pm u s-7:30pm. Nhar il-Ħadd 2 ta' Frar u l-Ħadd 9 ta' Frar se tkun miftuħa wkoll filgħodu bejn id-9.30pm u nofsinhar, fil-Kunvent tal-Karmelitani biswit is-Santwarju

More in Arti