It-talent tal-Luqin fil-qalba ta’ waħda mill-aktar knejjes importanti f'Ruma

Presepju Malti ambjentat fil-Belt Valletta u proprjetà tal-Għaqda Mużikali ta’ Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa se jkun esebit fil-qalba tal-Bażilika Papali ta’ San Paolo Fuori Le Mura

Presepju b’xeni mill-Belt Valletta se jkunu fil-qalba tal-Bażilika Papali ta’ San Paolo Fuori Le Mura, waħda mill-knejjes l-aktar importanti mhux biss f’Ruma iżda fid-dinja kollha.

Dan il-presepju huwa proprjetà tal-Għaqda Mużikali ta’ Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa, tant li l-istess banda se tkun qed takkumpanja lill-presepju u se ssemma leħinha kemm f’Ruma u anke l-Vatikan.

Il-presepju, huwa ambjentat il-Belt Valletta, tant li tidher il-Berġa ta’ Kastilja, il-Knisja tal-Vitorja, it-Teatru Rjal, is-swar u minflok grotta, iċ-ċentru ta’ dan il-presepju hija dar tipika Maltija mġarrfa fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Dan il-presepju kien inħadem mill-membri tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija fis-sena 2017 fejn kien ġie esebit fis-sede tal-istess Għaqda Mużikali u anke rebaħ l-ewwel post fil-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji.

Is-sena li għaddiet, dan il-presepju ġie armat fil-bini tal-Parlament Malti.

Il-pasturi, liebsa l-ilbies tradizzjonali Maltin kienu nħadmu mill-artist Jesmond Micallef. Apparti l-pasturi tradizzjonali, wieħed isib ukoll lill-Gran Mastru Jean de Valette, lill-Papa Piju V benefattur tal-Belt Valletta, lil Francesco Laparelli, il-perit li ddisinja l-Belt Valletta, il-kebbies tal-fanali u anke l-mara bl-għonnella.

Ma jonqosx lanqas San Ġorġ Preca u t-tfajjel Ġorġ Sapiano, li fl-1883 għamel għall-ewwel darba f’Malta l-priedka tal-Milied fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Luqa.

Ta’ min isemmi wkoll li waqt iż-żjara tagħha f’Ruma, il-banda Sant’Andrija se tkun qed ittella’ kunċert fil-Bażilika ta’ San Andrea della Valle nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru.

L-għada, is-Sibt 7 ta’ Diċembru, fil-11:00am, se tkun qed tagħmel marċ fil-pjazza tal-Vatikan biex aktar tard iddoqq ukoll waqt l-inawgurazzjoni tal-presepju fil-Bażilika Papali ta’ San Paolo Fuori Le Mura.

Il-presepju se jkun għall-wiri mis-7 ta’ Diċembru sas-7 ta’ Jannar.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, Frank Zammit li kien il-mutur wara din l-inizjattiva.

Huwa saħaq li kien ilu jberren f’moħħu l-ħsieb li dan il-presepju mill-isbaħ ikun espost f’Ruma u wara li kkunsidra diversi siti, fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda organizza laqgħa mal-Amministraturi tal-Bażilika, primarjament l-Arċipriet, il-Kardinal James Michael Harvey.

Dawn laqgħu l-istedina u hekk il-presepju seta’ jħalli Malta biex jitgawda mill-mijiet jekk mhux eluf ta’ persuni li jżuru din il-Bażilika Papali kuljum.

“Bla dubju, din l-aħbar ġabet ferħ kbir fost il-membri ta’ din il-banda Luqija,” saħaq magħna l-Ambaxxatur Malti.

Din il-wirja u l-okkażjoni għandha wkoll l-appoġġ finanzjarju tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu.

L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit flimkien mal-Kardinal Arċipriet tal-Bażilika Papali ta' San Paolo Fuori Le Mura
L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede Frank Zammit flimkien mal-Kardinal Arċipriet tal-Bażilika Papali ta' San Paolo Fuori Le Mura

More in Arti