Protett aħjar il-patrimonju kulturali; Ir-restawraturi professjonisti se jingħataw il-warrant

Il-gazzetta ILLUM kienet ilha ssemma l-leħen tar-restawraturi professjonisti li kienu ilhom 16-il sena jisħqu li għandhom jingħataw il-warrant

Il-Gvern daħħal fis-seħħ emendi fl-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, li fost oħrajn se jkunu qed jirregolaw aħjar il-professjoni tal-konservazzjoni u r-restawr.

Apparti minn hekk, l-istess emendi se jkunu qed jirregolaw ukoll fornituri oħra ta’ servizzi kulturali u jagħmlu provvedimenti fir-rigward tal-patrimonju kulturali ta’ taħt il-baħar

Din il-liġi l-ġdida ser tkun qed tirregolarizza l-għoti tal-warrants lill-operaturi fil-qasam tal-konservazzjoni u restawr, hekk kif sa issa teżisti sitwazzjoni fejn il-warrants lill-konservasturi u r-restawraturi ma setgħux jinħarġu uffiċjalment minħabba nuqqasijiet fil-liġi oriġinali.

“Dan kollu qiegħed jsir sabiex nipprovdu standards ogħla fil-professjoni tal-konservazzjoni u r-restawr. B’hekk inkunu qed niżguraw li din il-parti tal-wirt kulturali qiegħda tiġi mħarsa b’mod professjonali,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Fil-fatt, il-konservaturi professjonisti kinu ilhom 16-il sena jistennew li jingħataw il-warrant.

Il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mar-restawratriċi professjonali Valentina Lupo li kienet spjegat kif permezz tal-warrant, il-professjoni tagħhom tkun regolarizzata u mħarsa filwaqt li huma jkollhom responsabbilità legali akbar lejn il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali.

Kompliet tispjega li bis-saħħa ta’ hekk ikun assigurat li affarijiet ta’ preġju u patrimonju importanti ma jmorrux f’idejn nies mhux professjonisti.

Heritage Malta ser isir ukoll l-entità ewlenija illi wieħed irid jikkonsulta fuq bżonnijiet relatati mal-konservazzjoni u r-restawr. Heritage Malta ser tingħata l-mandat sabiex tagħti pariri lill-gvern u istituzzjonijiet oħra fir-rigward ta’ best practice fil-konservazzjoni tal-kollezzjoni nazzjonali.

Stqarrija maħruġa mill-Gvern tisħaq li bidla oħra importanti hija l-inklużjoni tal-wirt kulturali li jinsab fil-baħar ta’ madwarna.

Fil-fatt, minħabba li l-liġi kif kienet qabel ma kinitx tinkludi speċifikament il-wirt kulturali li jinsab fil-baħar, din il-liġi tintroduċi d-definizzjoni tal-wirt kulturali li jinsab fit-territorju ta’ madwarna u jagħti responsabbilitajiet lill-istituzzjonijet diversi inkluż l-ħtiega ta’ rappurtar meta tinstab xi ħaġa ta’ valur kulturali fl-ibħra ta’ madwarna.

Fost diversi emendi oħrajn, din il-liġi ser tindirizza wkoll diversi lmenti dwar il-possibbiltà ta’ aċċess għal rapporti ta’ skavi, billi tobbliga lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li tikkonkludi dawn it-tip ta’ rapporti fi żmien tliet snin.

Dan il-gvern jibqa’ kommess u impenjat illi jkompli jaħdem sabiex itejjeb u jħares dan is-settur li kulma jmur qiegħed dejjem jikber fl-importanza tiegħu.

More in Arti