€2.3 miljun mill-fondi Ewropej għar-restawr tal-kunvent ta’ Santu Wistin

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia

Il-kunvent ta’ Santu Wistin se jiġi restawrat permezz ta’ 2.3 miljun ewro mill-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia waqt konferenza stampa l-Erbgħa.

Il-proġett, li huwa mmexxi mill-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Agustina, se jinkludi restawr estensiv tal-faċċati ta’ ġewwa u ta’ barra u 300 metru lineari ta’ ġebel li jmur lura għas-seklu 17 u li ġew mibnija mill-ġdid fil-perjodu ta’ wara l-gwerra.

Permezz tal-investiment, se jinħoloq ċentru ta’ interpretazzjoni għal dawk li jżuru s-sit. Iċ-ċentru jinkludi diversi elementi u attrazzjonijiet; kenn, kripta, cloister, u galleriji li jesebixxu l-istorja tal-Mandraġġ, il-knisja u l-kunvent, kif ukoll gallerija li juru diversu artefatti reliġjużi.

Huwa spjega li dan il-proġett li huwa parti minn pjan olistiku ta’ riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, se jsir bl-għan li tiżdied l-aċċessibilità sabiex nippromwovu l-viżibiltàkulturali u siti storiċi fl-akwati ta’ Marsamxett fil-Belt Valletta, kif ukoll jgħin fit-tisbiħ tal-kapitali b’mod estetiku u jħares siti arkitettoniċi.

“Dan il-proġett olistiku se jtejjeb l-esperjenza tematika għat-turisti li jżuru l-Belt Valletta, ikabbar l-għarfien kulturali, kif ukoll jikkontribwixxi għal żieda fin-niċċa tas-settur kulturali b’aktar turisti jżuru l-knejjes u l-avvenimenti reliġjużi. Dawn l-interventi se jżidu ukoll n-numru ta’ turisti f’dawk ix-xhur inqas popolari permezz tal-aspett kulturali,” qal is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Dan il-proġett jinkludi r-restawr u konservazzjoni tal-faċċata tal-kunvent ta’ Santu Wistin, skavar ta’ parti mill-bitħa u xogħlijiet relatati, installazzjoni ta’ lift għal aċċessibilità aħjar, użu aħjar tal-livelli fil-binja biex tkun użata bħala ċentru ta’ interpretazzjoni, installazzjoni ta’ elettriku u sistema mekkanika li tinkludi CCTV u sistema ta’ tifi u kontroll tan-nirien.

“Bħala gvern ħadna ħsieb li ngħarfu nużaw l-investiment tajjeb biex din iż-żona tan-naħa t’isfel tal-Belt tgawdi minnu wkoll. Aħna gvern pro-business għaliex naħdmu biex noħolqu l-ġid ħalli mbagħad dak il-ġid jitqassam mas-saffi kollha tas-soċjetà. Rajna li l-qasam kulturali ninvestu fih, u dħalna f’niċeċ u villaġġi żgħar biex it-turist jinfirex, inkluż fil-knejjes tagħna. Dan huwa ukoll parti min-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-baġit Ewropew mill-2020 sal-2027 sabiex naraw li nieħdu l-massimu għall-ġid tal-komunità tagħna,” qal is-Segretarju Parlamentari.

More in Arti