Live | Iċ-ċelebrazzjoni solenni tal-Adorazzjoni tas-Salib

Bħal-lum quddies ma jsirx iżda fil-knejjes kollha ssir ċelebrazzjoni li matulha jsir l-adorazzjoni tas-salib

Ritratt | Il-Knisja f'Malta
Ritratt | Il-Knisja f'Malta

F'Jum il-Ġimgħa l-Kbira, quddies ma jsirx. Minflok, fil-knejjes kollha, fit-3:00pm, issir dik magħrufa bħala l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej.

Hija ċelebrazzjoni devota u simbolika ħafna. Kant mill-inqas u fil-bidu tal-quddiesa s-saċerdoti jinxteħtu wiċċhom fl-art quddiem l-artal maġġur.

Matul din iċ-ċelebrazzjoni jinqara dak magħruf mal-Maltin bħala l-Passju, jiġifieri r-rakkont tal-passjoni u l-mewt ta' Ġesù. Dan jinqara darbtejn fis-sena.

F'Ħadd il-Palm, jinqara r-rakkont skont l-Evanġelisti San Mark, San Mattew u San Luqa (skont is-sena) u bħal-lum jinqara dejjem ir-rakkont tal-passjoni skont l-Evanġelista San Ġwann.

Wara ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib. Saċerdot joħroġ bil-kurċifiss mgħotti u jikxef l-ewwel id, imbagħad l-oħra, imbagħad il-korp kollu.

Għal tliet darbiet, is-saċerdot ikanta: "Araw il-għuda tas-salib li fuqha ġie msallab is-Salvatur tad-dinja." Il-kongregazzjoni twieġeb: "Ejjew Nadurawh," u għal tliet darbiet kulħadd jinżel għarkupptejh.

Wara dan, il-kongregazzjoni titla' bħat-tqarbin biex tadura u tbus is-salib.

Matul din iċ-ċelebrazzjoni, is-Sagrament jinġieb mis-Sepulkru (fejn tpoġġa lbieraħ) u jsir it-Tqarbin, iżda wara ma jerġax jitpoġġa fil-knisja.

More in Arti