Ir-reffiegħ bl-akbar ‘ħobża’ iwarrab mill-bastun wara 30 sena

Il-ħobża fuq spalltu tixhed l-esperjenza li għandu fl-irfigħ. Wara 30 sena se jwarrab. Għalfejn? Kienet deċiżjoni faċli? X'rimorsi għandu? L-ILLUM tiltaqa' ma' Ivan Grixti

Fil-ħajja, kulħadd għandu xi delizzju. Min hu dilettant tal-futbol, min hu dilettant tal-moda u min ifaddal il-bolol jew mudelli tal-karozzi. Oħrajn, l-għaxqa tagħhom hija li jerfgħu fil-vari u għal dawn ir-reffiegħa, ir-refgħa mhijiex sempliċiment delizzju, iżda kważi kważi sengħa.

Jekk f’Malta hawn reffiegħ magħruf, anzi nistgħu nsejħulu l-imgħallem tar-reffiegħa, bla dubju ta’ xejn huwa Ivan Grixti, li ħafna jafuh sempliċiment bħala akkademikujew eks kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Wara 30 sena taħt il-bastun Grixti ħa d-deċiżjoni, li min jafu qatt ma basar li se jasal għaliha. Ivan waqaf jerfa’.

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet miegħu u minkejja li din kellha tkun intervista ‘light,’ saret it-testment tiegħu għal sħabu r-reffiegħ.

Iżda x’wassal lil Ivan biex jagħżel li jieqaf jerfa’? Hemm diversi raġunijiet li tkellimna dwarhom iżda fuq kollox, Grixti ħass li ma għadux jiflaħ biżżejjed. 

“Tasal f’mument li trid tkun raġel miegħek innifsek u tammetti li ma tkunx għadek biżżejjed b’saħħtek,” qalilna Ivan waqt li insista li jekk reffiegħ ma jkunx għadu b’saħħtu biżżejjed u jibqa’ jerfa’ ma jkunx ġust ma’ sħabu r-reffiegħa l-oħra.

“Aħna l-Beltin għandna d-djalett tagħna fl-irfigħ. Jekk se terfa’ trid tkun hemm u tagħti sehmek. Mhux sew li ħaddieħor jerfa’ l-piż tiegħek ukoll,” saħaq Grixti. “Kif ngħidu aħna r-reffiegħa l-Beltin, stanga trid toħroġ u stanga trid tidħol.”

Għal min jaf lil Ivan u l-passjoni li għandu għall-irfigħ, żgur li jimmaġina li din ma kinitx deċiżjoni faċli. “Ilni sena nhewden dwarha,’ kompla jgħidilna emozzjonat għall-aħħar. “Imma wara 30 sena nħoss li lħaqt il-pik tiegħi fl-irfigħ. Xtaqt nagħlaq dan il-kapitlu f’din is-sena speċjali għall-Belt Valletta.”

‘Qatt ma fridt id-devozzjoni mill-bastun’

Ivan refa’ għall-ewwel darba meta kellu 21 sena. Anke jekk qabel ġieli refa’ fl-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju tal-Belt, għal ħafna reffiegħa, partikolarment dawk Beltin, il-magħmudija tagħhom fl-irfigħ tkun meta għall-ewwel darba jerfgħu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Mill-ewwel għamililna ċara u baqa’ jinsisti dwarha tul l-intervista sħiħa, li jekk reffiegħa oħra huma sempliċiment dilettanti, għalih kull refgħa kienet espressjoni tal-fidi.

“Jien dejjem erfajt b’devozzjoni, partikolarment fil-Ġimgħa l-Kbira. Dejjem qist il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bħala kontinwazzjoni tal-Funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib. Għalhekk fil-Belt żammejna l-purċissjoni kif inhi. Sfortunatament, bnadi oħra, din il-purċissjoni saret xalata,” saħaq Ivan. “Jien anke meta l-Vara l-Kbira tkun fuq il-forċina, kont indur, nitfa’ jdejja mal-bsaten, inħares lejn il-kurċifiss u ngħid lili nnifsi li jien mhux denju nkun hawn.”

Ir-ritratt meħud mill-eks student ta’ Ivan li miet is-sena li għaddiet
Ir-ritratt meħud mill-eks student ta’ Ivan li miet is-sena li għaddiet

Ir-refgħa li Ivan ma jinsa qatt…

Staqsejna lil Ivan, liema kienet l-aktar refgħa li jibqa’ jiftakar u jgħożż. Semmielna żewġ refgħat partikolari.

Ivan jirrakkonta kif nhar Ħamis ix-Xirka tal-2006, wieħed minn sħabu r-reffiegħa kien involut f’inċident mas-sieħba tiegħu li spiċċat tissielet għal ħajjitha. Minkejja li sal-aħħar mument sieħbu baqa’ indeċiż jekk jerfax, Ivan irnexxielu jikkonvinċih biex jerfa’ xorta waħda u flimkien joffru r-refgħa għas-sieħba tiegħu.

“Meta baxxejna l-Vara l-Kbira fuq il-karru biex tgħaddi mill-bieb, għajnejja ġew livell mal-irkoppa tal-Kurċifiss. Ħassejt xi ħaġa ġo fiha tgħidli biex fuq karta nikteb isem din il-persuna u npoġġuha taħt is-salib. Hekk għamilna. Ħaġa tal-iskantament, il-piż li ħassejt dik is-sena, qatt ma ħassejtu fi 13-il sena li għamilt nerfa’ l-Vara l-Kbira. Bdejna nistaqsu lil xulxin minn fejn kien ġej dan il-piż.”

Iżda x’ġara? Malli lestew it-triq, u kienu qed iżarmaw il-vara, sieħbu jirċievi telefonata. “Ġie jiġri fuqna jgħidilna li s-sieħba tiegħu qalbet għall-aħjar. Ma nafx! Imma l-mirakli jsiru,” irrakkonta Ivan emozzjonat.

L-aħħar refgħa ta’ Ivan fil-Vara l-Kbira tal-Belt, li kif naħseb innutajtu, hija l-mimmi ta’ għajnejh, ukoll tibqa’ mmarkata f’qalbu għax tfakkru f’eks student tiegħu li miet b’kanċer is-sena li għaddiet, fl-età ta’ 38 sena. Fl-2009, dan l-istudent, kien ġibed ritratt (ippubblikat ma’ dan l-artiklu) malli Ivan u sħabu kienu neżlin it-taraġ ta’ Triq Sant’Ursola.

“Is-sena li għaddiet ġie l-Funzjoni tat-Tlieta. Kien magħkus ħafna. Miet hu u mietet il-parteċipazzjoni tiegħi fil-Vara l-Kbira. Dan ir-ritratt jibqa’ jfakkarni fih. Din is-sena għalaqt il-kapitlu tiegħi billi erfajt fid-Duluri. L-Appostli ħarbu għax ħasbu li spiċċa kollox. Il-Madonna u San Ġwann baqgħu hemm għax emmnu li ma spiċċax kollox. Fil-fatt hekk hu!”

‘Fil-pik tiegħi kont nerfa’ vara kull xahar’

Madanakollu, anke jekk id-devozzjoni tibqa’ ċentrali, il-ħeġġa għall-bastun u xi drabi anke l-isfida ma tonqosx, b’mod partikolari fejn jidħlu r-reffiegħa Beltin. Pereżempju fil-Belt hemm it-tradizzjoni, kważi kważi teknika, li l-vara tintrefa’ minn kantuniera għall-oħra.

“Konna ddeċidejna li l-vara mastiċċa ta’ San Ġużepp ta’ Bormla nerfgħuha minn ħdejn ir-Rialto sa fuq il-bankun fil-Knisja. Għamilna kwarta telgħin bih. Vera li hemm element ta’ namra, teknika u sfida, imma importanti li refgħa qatt ma titbiegħed minn dak li hu reliġjuż,” reġa’ insista.

Ivan (l-ewwel mil-lemin) jerfa’ f’San Ġużepp ta’ Bormla
Ivan (l-ewwel mil-lemin) jerfa’ f’San Ġużepp ta’ Bormla

Ivan Grixti refa’ f’għadd ta’ vari, mhux fil-Belt biss, imma kif għadna kemm semmejna, anke barra mill-Belt, għax ir-reffiegħa Beltin, minħabba t-teknika tagħhom, jiġu mistiedna biex jerfgħu bnadi oħra, fosthom fil-festa ta’ San Anton Abbati fir-Rabat, ta’ San Duminku tal-Birgu u anke fil-pellegrinaġġ bil-Madonna tar-Rużarju tar-Rabat, fost oħrajn. Hu stess jirrakkonta kif fil-pik tiegħu, kien ikun involut f’refgħa fix-xahar u ġieli anke aktar.

Iżda ftit huma dawk li jafu, li minkejja li Ivan huwa Dumnikan Belti, qatt ma kellu x-xorti li jerfa’ purċissjoni sħiħa bil-vara ta’ San Duminku u ta’ dan għandu ftit tar-rimors. Fil-fatt, meta staqsejnieh jekk hemmx xi vara li xtaq li jerfa’ fiha tul purċissjoni sħiħa, Ivan mill-ewwel semma lil San Duminku tal-Belt u miegħu żied ukoll lil Stella Maris ta’ Tas-Sliema.

‘Rawwimt żgħażagħ oħra…dejjem fittixt il-kontinwità’

Iżda issa li waqaft, ma tħossx għafsa ta’ qalb meta tara reffiegħa għaddejin b’vara? “Jien kuntent bil-kontribut li tajt b’mod partikolari fil-Belt Valletta,” saħaq Ivan b’sens ta’ sodisfazzjon.

Hawnhekk ta’ min isemmi, li apparti li kien jerfa’, Grixti kien ukoll responsabbli minn diversi vari u anke kien involut fil-proċess tar-restawr tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Belt Valletta.

Iżda forsi l-aktar ħaġa li Ivan għandu għal qalbu hija li rawwem żgħażagħ oħra, partikolarment Beltin, f’dik li hu jsejħilha t-teknika tal-irfigħ.

“Apparti l-irfigħ, tlaqt ukoll id-direzzjoni tal-vari li kont nieħu ħsieb. Hawn element żagħżugħ u trid tagħtih l-inizjattiva,” kompla Ivan. “Jiena dejjem fittixt il-kontinwità. L-aqwa president ta’ klabb, jew dekan ta’ fakultà huwa dak li jaħseb f’min se jħalli warajh.”

U x’se jagħmel bil-famuża ‘ħobża’ li jġorr fuq dahru?

L-irfigħ ma fihx biss tbatija iżda meta reffiegħ ikun jerfa’ ta’ spiss f’vari li fihom ftit tal-piż mhux ħażin, fuq spalltu jrabbi marka li tibqa’ miegħu kull fejn ikun, jiġifieri dik magħrufa bħala “l-ħobża tar-reffiegħa.”

Tant kemm refa’, li Ivan Grixti rabba ħobża kbira mhux ħażin. Għalkemm meta jilbes ġlekk ma jidhirx pulit, u meta taraha taħsibha skomda u forsi tinġibed xi ftit lura, lil Ivan ma ddejqu assolutament xejn.

“Meta xi ħadd jistaqsini dik x’inhi, ngħidilhom dik il-ferita moħbija li kellu Kristu taħt is-salib,” qalilna Ivan bit-tbissima. “Wara kollox bil-Vara l-Kbira għamiltha.”

Imma tant kemm hu determinat li jieqaf għal kollox mill-irfigħ, li Ivan iddeċieda li jagħmel operazzjoni biex ineħħiha. Ġaladarba ‘l-ħobża’ titneħħa, ma tkunx tista’ terfa’ aktar.

Ma tistax terfa’ fuq l-ispalla l-oħra? “Jiena nerfa’ fuq ix-xellug,” qalilna Grixti. Ir-reffiegħa bħall-futbolers. Futboler jixxutja bix-xellug jew bil-lemin. L-istess ir-reffiegħ.

Ivan (l-ewwel mil-lemin) meta kien għadu jerfa' fl-Ecce Homo
Ivan (l-ewwel mil-lemin) meta kien għadu jerfa' fl-Ecce Homo

‘Warrbu l-piki…it-testment ta’ Ivan lir-reffiegħa’

Lejn tmiem id-diskussjoni li kellna, it-ton inbidel għal wieħed aktar serju, kważi kważi nistħajlu t-testment ta’ Ivan Grixti għal sħabu r-reffiegħa.

Apparti l-età, waħda mill-affarijiet li wasslet lil Ivan biex iwarrab, hija l-pika u t-tribaliżmu li fi kliemu, flok jonqsu qed jiżdiedu u qed inaffru n-nies mill-Knisja.

“Lil dak ma nħalluhx jerfa’ għax huwa Karmelitan, lil dak ma ntuhx post għax huwa Pawlin jew Dumnikan. Fl-2018, minkejja li fil-Belt għandna żewġ baned, fil-Ġimgħa l-Kbira, il-King’s Own għadha ma ddoqqx minħabba l-pika. Dawn għalija huma kollha sinjali li d-devozzjoni f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed tintilef,” saħaq Ivan.

Hawnhekk semma l-famuż dokument li kienet ħarġet il-Knisja ‘Nirrestawraw il-Festi Flimkien,’ u li anke jekk skontu kien hemm affarijiet fih li kellhom ikunu kkoreġuti, ir-reazzjoni għalih kienet xhieda tat-tribaliżmu li hawn fil-festi. “Il-knisja ħalliet ftit iż-żiemel jaħrab u issa diffiċli treġġa’ l-affarijiet lura.”

U x’messaġġ għandu għal sħabu r-reffiegħa? “Dak li tagħmlu agħmluh biss bid-devozzjoni. Jekk bħala reffiegħa dak li nagħmlu nagħmluh b’devozzjoni, se nagħtu dimensjoni ġdida lil din is-sengħa tal-irfigħ għax iċ-ċelebrazzjoni tal-qaddisin hija parti mil-Liturġija.”

Tliet affarijiet li kieku Ivan jaqta’ fl-irfigħ…

  • L-irkant tal-vara:

Anke jekk għall-Imġarrin l-għotja biex jerfgħu l-vara hija tradizzjoni li tagħti identità lill-festa tagħhom, għal Ivan hija wkoll forma ta’ pika skorretta u tixhed kemm id-devozzjoni qed titbiegħed mhux biss mill-irfigħ iżda miċ-ċelebrazzjoni kollha tal-festa.

  • Il-ġirjiet bil-vari:

Ivan ma jaqbilx lanqas mal-ġirjiet bil-vari, għax fi kliemu din ukoll tnaqqas mid-devozzjoni.

Fil-fatt faħħar dak li għamlu sħabu r-reffiegħa Pawlini Beltin f’April li għadda meta ddeċidew li minflok jiġru t-taraġ li jagħti għall-knisja, jidħlu jgħinuhom reffiegħa oħra, biex il-vara titla’ b’pass dinjituż u jonqos iċ-ċans ta’ inċident bħalma seħħ f’Jannar li għadda, meta waqt il-ġirja, il-vara għelbet fuq ix-xellug tagħha u ħabtet mal-bieb.

“Kieku jien lanqas bl-Irxoxt ma niġri…darba erfajt fl-Irxoxt tal-Belt u rrifjutat li niġri bih,” insista Ivan.

  • In-negozjar tal-bastun:

Hawn lokalitajiet fejn il-bastun ikun proprjetà tal-familja u saħansitra jintiret mill-missier għall-iben għal ġenerazzjonjiet sħaħ. Jiġri li xi drabi, il-bastun ikun innegozjat, bażikament ‘is-sid’ jikri l-bastun lil reffiegħ ieħor.

“F’dan il-perjodu fejn il-Knisja għaddejja minn din il-kriżi kollha, dawn l-affarijiet iridu jinqatgħu għax qed inaffru n-nies. Jekk mhu se nagħmlu xejn, se naslu fi żmien fejn il-knejjes jispiċċaw bankijiet waħedhom,” insista Ivan.

More in Arti