Mill-Kapitali | L-Agostinjani

L-Agostinjani u l-istorja tagħhom f'Malta u fil-belt kapitali, Valletta

Nibda bi grazzi mill-qalb lilkom tal-kummenti pożittivi dwar din il-paġna marbuta mal-belt kapitali ta’ pajjiżna. Jidher li hawn interess fl-istorja tagħna, fil-kultura u niesna. U ħa ngħiduha kif inhi, allaħares le; x’hemm isbaħ milli tkun taf ftit fuq ta’ qablek. Wara kollox aħna bnejna ħajjitna fuq ta’ qabilna. Infatti ddeċidejt li nagħti ftit tagħrif dwar komunità ta’ nies maħbuba li jagħtu huma stess imħabba kbira lill-oħrajn; inzerta s-simbolu tal-Ordni tagħhom hija l-qalb. Min qatt ma sema’ b’Santu Wistin? L-ordni li twaqqfet, mhux minnu dirett però, għax tajjeb li ngħiduha din, waslet Malta wkoll u għamlet u għadha tagħmel ħafna ġid. Mhux biss, il-wirt storiku tagħhom huwa imprezzabbli u ta’ valur kbir.

Propju l-Agostinjani kellhom kunvent ir-Rabat li twaqqa’ minħabba li kien quddiem l-Imdina eżatt. Floku llum hemm salib li qed jiġi rrestawrat bħalissa. Jekk iżżuru l-Imdina tarawh; fil-ġnien ta’ quddiem id-daħla prinċipal tal-Belt kapitali l-antika. Għamlu żmien jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn. Biex ma ntawwalx, għadda ż-żmien, spiċċa l-Assedju u kif forsi hawn min jaf, ir-relazzjoni tal-Kavallieri mal-Ordni Agostinjana dejjem kienet tajba ħafna tant li fit-tqegħid tal-ewwel ġebla kien Patri Agostinjan Sqalli Majjistru Spirito Pelo Angosciola li niseġ id-diskors huwa wkoll. Tant kien ħbieb mal-Gran Mastru De Vallette, li anke qabel ma nbniet il-Belt kien għamel il-kwareżima fil-knsija konventwali tagħhom fil-Birgu. U kif dejjem ġara, propju anke llum narawha din, li tajjeb tkun ħabib ma’ nies kbar, hekk ukoll kienu l-Agostinjani. U ovvjament, kien bix-xieraq li ġol-Belt ġdida jinbena post għalihom ukoll. Ir-raġunijiet li taw kienu bosta; fosthom ammettew li l-belt rikka u sabiħa tiġbidhom, semmew il-kwistjoni tat-trasport, u kien hemm ordnijiet oħra mendikanti li bdew jaħsbu l-istess u jmorru huma wkoll fil-Belt. Għamlu talba lill-Granmastru ta’ dak iż-żmien del Monte. Patri Marku Gandolfu li kien anke ħa parti fil-Kocilju Tridentin, ressaq it-talba ta’ ħutu r-Reliġjużi Agostinjani biex tingħata lilhom biċċa art fejn setgħu jibnu kunvent u knisja fil-belt il-ġdida ‘edottendo il Padre Maestro Marco Gandolfo allora Priore della Notabile sito per fabricare un piccolo convent e chiesa in Valletta.’ Il-ħsieb tiegħu kien li jkun hemm komunità oħra. Il-Patrijiet ħasbu li sejrin ilkoll il-Belt u jħallu l-kunvent tal-Imdina. Il-ħsieb tagħhom kien żbaljat.

Mill-banda l-oħra l-Patrijiet tal-Imdina ma kellhomx flus biex jibnu kunvent u knisja oħra fl-istess ħin li kienu se jibnu dawk tal-Belt. Għalhekk kellhom jagħmlu bħal patrijiet ta’ ordnijiet oħra. L-unika tama kienet li jitolbu lill-fidili jgħinuhom biex jibnu knisja u l-kunvent kif ukoll għall-għajxien tal-istess patrijiet. F’dak iż-żmien però, il-fidili ma tantx kienu jistgħu jgħinuhom għax ħafna minnhom kienu qed jaħsbu biex jibnu djarhom stess. L-Agostinjani ma kellhomx triq oħra ħlief li jirrikorru għand il-Ġeneral u l-Provincjal tagħhom. Il-Patri Ġeneral kif ukoll il-Provincjal ta’ Sqallija ddeċidew li l-kunvent tal-Imdina għandu jgħin fil-bini ‘descrivendo per facoltoso e capace a somministrargli quando abbisognava e per la fabbrica e per mantenimento di essi stessi’. Il-Provinċjal ta’ Sqallija mar jiddeskrivi li l-kunvent tal-Imdina kien biżżejjed biex jgħin kemm għall-bini kif ukoll għall-għajxien tal-patrijiet.

Mill-banda l-oħra, il-Ġeneral ħa d-deċiżjoni li l-kunvent tal-Imdina għandu jgħin lil dak tal-Belt b’somma kbira mhux biss ta’ darba imma ta’ kull sena. (dak iż-żmien mas-70 jew 80 ‘ounce’ jew bil-Malti uqija)

Fis-sena 1566 beda l-bini tal-Kapitali. L-ordni beda jqassam il-Belt fi kwartieri. Il-Majjistru Patri Marku Gandolfu li minn dak iż-żmien ’il quddiem beda jissejjaħ ‘Fundator Conventus Vallettae’ (Fundatur tal-kunvent Belti), irnexxielu jakkwista l-kwartieri numru 43 kif jidher mill-kuntratti oriġinali li għadhom jinsabu fil-kunvent ta’ Santu Wistin tal-Belt biex fuqu jinbnew kunvent u knisja tal-patrijiet eremiti ta’ Santu Wistin. Dan il-post ġie mogħti u mhux mixtri. In-nutar li għamel il-kuntratt tal-għotja, kien il-Manifku Placido Abel jew Abela. Dan kollu ġara fl-10 ta’ Mejju 1571. Hemm informazzjoni interessantissima fil-kuntratt li jkompli jgħid li l-patrijiet setgħu jiġbru mingħand il-fidili u minn dħul ieħor biex itellgħu l-knsija u l-kunvent mixtieq. Mill-banda l-oħra, l-Ordni tħares il-privilieġġ li tawhom huma stess u ma jindaħlux ħlief li l-arkitettura tkun kompatibbli mal-kumplament tal-belt meravilja. Kos hux, kienu jagħtu kas id-dehra u li l-binja tkun kompattibbli iżjed milli nagħtu kas illum. Nieqaf hemm għal-lum. Sliem lill-Agostinjani u nsellem lill-Pirjol tal-Belt Fr. Alex Cauchi tal-għajnuna tiegħu.

More in Arti