Opinjoni | Il-politika dwar l-Iżvilupp Sostenibbli

Il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li ssir parti integrali mill-istrutturi politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet

It-terminu “żvilupp sostenibbli” hu wieħed mill-iktar abbużat fil-lingwaġġ u d-diskorsi politiċi. Nazzarda ngħid li hu terminu abbużat iktar mill-kelma “demokrazija”. Jituża f’kuntest żbaljat u bħala riżultat jitwassal messaġġ mhux korrett.

Żvilupp sostenibbli jfisser żvilupp li jħares fit-tul, jiġifieri jqis, jikkunsidra u jindirizza impatti fit-tul. B’mod partikolari jfisser żvilupp li jassigura illi r-riżorsi jintużaw bir-reqqa u li l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri jkunu kkunsidrati.  

Dan mhux biss materja ta’ interess ambjentali. Imma li l-politika ambjentali, ekonomika, soċjali u kulturali jimxu id f’id. Ifisser li dak kollu li nagħmlu jrid iħares fit-tul u jkun kompatibbli simultanjament man-natura, mal-ekonomija, mal-iżvilupp uman kif ukoll mal-kultura.

L-iżvilupp sostenibbli jirrikjedi li nkunu f’armonija ma’ dak li hawn madwarna, f’kull ħin. Huwa dwar ħajja f’armonija kemm man-natura kif ukoll mal-bnedmin ta’ madwarna. Dan li hawn madwarna nqisuh bħala parti mill-familja. Hi t-triq lejn iktar dinjità mmirata simultanjament lejn il-qerda tal-faqar u l-ħarsien tal-abjent kollu madwarna.

L-iżvilupp sostenibbli jirrikjedi li l-politika kulturali, soċjali, ambjentali u ekonomika jkunu sinkronizzati. Għax il-ħarsien tad-dinjità umana, l-apprezzament tal-kultura tagħna u l-ħarsien ambjentali huma essenzjali daqs l-iżvilupp ekonomiku.

Huwa minħabba li l-iżvilupp sostenibbli jidħol f’kull qasam ta’ politika li jeħtieġ li responsabbilità għalih ikun f’idejn membru anzjan tal-Kabinett. Sfortunatament l-ebda wieħed mill-Prim Ministri li kellna ma żamm din ir-responsabbilità f’idejh

L-iżvilupp sostenibbli hu fil-fatt żvilupp ibbilanċjat għax suppost li għandu perspettiva wiesgħa ħafna.  Huwa għal dan l-iskop li sa mis-snin disgħin, meta għall-ewwel darba daħlet referenza għall-iżvilupp sostenibbli fil-liġijiet Maltin, ir-responsabbilItà politika għal dan il-qasam (fuq il-karta) kienet dejjem waħda diretta tal-Prim Ministru. Għax fil-prattika tfisser il-kordinazzjoni sħiħa tal-politika tal-Gvern u għandha tkun riflessa f’kull qasam, mit-trasport, sal-agrikultura u l-politika marittima.

Huwa minħabba li l-iżvilupp sostenibbli jidħol f’kull qasam ta’ politika li jeħtieġ li responsabbilità għalih ikun f’idejn membru anzjan tal-Kabinett. Sfortunatament l-ebda wieħed mill-Prim Ministri li kellna ma żamm din ir-responsabbilità f’idejh u b’mod jew ieħor kollha ddelegaw din ir-responsabbilità lill-Ministru jew lis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-ambjent.

Ikkonsidra, pereżempju l-politika dwar it-trasport li dwarha ktibt b’mod estensiv tul dawn l-aħħar ġimgħat. Fuq il-karta għandna strateġija nazzjonali dwar it-trasport li tipprovdi kemm għal titjib fiżiku tax-xibka ta’ toroq fil-gżejjer Maltin kif ukoll li jittieħdu inizjattivi speċifiċi biex jonqsu l-karozzi mit-toroq tagħna. Hu ovvju li fejn t-toroq mhux qed jaqdu sewwa għandhom ikunu rranġati. Imma huwa daqstant ieħor ovvju li hemm limitu dwar id-daqs tat-toroq tagħna.

Studji mad-dinja kollha juru li jekk il-konġestjoni tat-traffiku tkun indirizzata b’iktar żvilupp tal-infrastruttura tat-toroq, il-problema tkun effettivament posposta u tiċċaqlaq minn triq għall-oħra inkella tkun posposta għal data oħra.

Li nindirizzaw is-sostenibbilità tal-politika tat-trasport  ifisser li għandna nifhmu dak li hu bażiku għall-mobbiltà: il-mobbilità faċli minn post għall-ieħor f’kull ħin. Sfortunatament dan mhux qed isir.

Dan hu rifless f’numru ta’ kontradizzjonijiet fil-politika tat-trasport. Uħud minnhom diġà ddiskutejthom f’dawn l-artikli imma hemm oħrajn bħall-politika dwar l-elettrifikazzjoni u dik dwar il-pompi tal-fuel. B’politika dwar it-trasport li tħares verament fit-tul mhix kompatibbli ma’ politka li tmexxi ’l quddiem l-iżvilupp il-pompi tal-fuel.  

Il-fatt li f’data fil-viċin suppost li nibdew il-proċess tal-elettrifikazzjoni tal-karozzi, mifrux fuq numru ta’ snin, iwassal għal konklużjoni loġika li f’data mhux ’il bogħod in-numru ta’ pompi tal-fuel meħtieġa ser ikun wieħed insinifikanti. Ministeru tat-Trasport iggwidat minn prinċipji bażiċi ta’ sens komun kien jifhem dan u jaġixxi b’mod loġiku.  

Il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li ssir parti integrali mill-istrutturi politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet. Jekk dan isir inkunu f’pożizzjoni ferm aħjar biex nindirizzaw il-kontradizzjonijiet u dan iwassal għal deċiżjonijiet aħjar fl-interess ta’ kulħadd.

Carmel Cacopardo huwa Chairman tal-Alternattiva Demokratika u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

More in Blogs