
Bini mingħajr ruħ
Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela bl-isem ‘Mawra fil-memorja’ fejn qed inħarsu xi nkiteb fl-istess gazzetta fil-passat. F’dil-edizzjoni, qed nipproduċu l-editorjal tas-17 ta’ Ġunju 2007 bit-titlu ‘Bini mingħajr ruħ’

Mhux b’kumbinazzjoni li l-Isptar Mater Dei se jinfetaħ 14-il jum ieħor fil-ġurnata li Malta tiċċelebra l-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Lil wieħed kienu sallbuh rasu ’l isfel u lill-isptar qatgħuhielu. L-istess se jiġrilna b’dan l-isptar jekk mhux se noqogħdu attenti.
Minkejja li l-Prim Ministru jinsab kunfidenti li jista’ jiffinanzja s-servizz mediku meta l-isptar il-ġdid ikun qed jiffunzjona ħadd mhu jibla’ l-lixka.
Biżżejjed ngħidu li, ladarba n-negozjati mat-tobba u l-infermiera mhumiex konklużi, ma nafux kemm se tkun l-ispiża finali minn jum għal jum. Bilfors irid ikun hemm ftehim għal mat-tobba u l-infermiera dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, prattiċi ġodda u ħlasijiet iktar diċenti minn tal-lum għax jekk ma jsirx hekk ma nkunux qed nieħdu l-valur sħiħ tal-flus li l-pajjiż investa f’dan l-isptar.
Konna nistennew li l-ftehim mal-ħaddiema li se jagħmlu użu mill-isptar ikun parti importanti fil-pjanijiet għall-isptar il-ġdid. Iżda li ftit jiem biss qabel ma jinfetaħ uffiċjalment in-negozjati għadhom għaddejjin ma jawgurax tajjeb għat-tħaddim effiċjenti tas-servizz. Għandna bini mingħajr ruħ, tgħid x’tgħid Eileen Montesin fir-reklami għall-isptar il-ġdid.
Bl-istess argument li jġib il-Gvern li jħoss li għamel sew li ma qagħadx jixxaħħaħ biex jibni struttura mill-iktar moderna, nemmnu li lanqas m’għandu jixxaħħaħ ma’ dawk li se jkunu qed jaħdmu s-servizz, in-nies li ta’ kuljum huma impenjati li jsalvaw il-ħajjiet, li jindukraw il-morda u jikkumbattu l-mard.
Tistħi tara kemm jitħallsu paga t-tobba fis-servizz tas-saħħa. Mhux ta’ b’xejn li ħafna minnhom wara li jiggradwaw jitilqu jaħdmu barra. L-istess jista’ jingħad għall-infermiera, il-qwiebel, il-paramediċi u oħrajn. Sfortunatament dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema jaqgħu fl-istess skali bħall-bqija tal-ħaddiema fiċ-ċivil u ftit jidher li hemm lok għal tibdil sostanzjali.
Min-naħa l-oħra hi ħasra li l-preċedent li kien tħaddem mal-kirurgu Alex Manchè fit-taqsima tal-mard tal-qalb, dik li l-konsulent ewlieni jkun imħallas paga tajba ħafna b’kundizzjonijiet li ma jagħmilx xogħol privat, kien abbandunat.
Dik is-sistema jmissha titħaddem biex kull sezzjoni medika fl-isptar ikollha minn tal-inqas professur jew speċjalista wieħed li jiddedika ħinu kollu għall-isptar pubbliku. Anki jekk l-Assoċjazzjoni tat-Tobba kienet oġġezzjonat għall-kuntratt ta’ Manchè, il-Gvern ma missux żarma dik is-sistema li ħadmet tant tajjeb.
Ovvjament tqum il-mistoqsija ta’ dejjem: minn fejn se jiġu l-flus?
Mhix mistoqsija vojta. Nemmmu li kulħadd mingħajr distinzjoni għandu jkollu aċċess għal servizzi mediċi b’xejn fil-mument ta’ bżonn.
Iżda hemm servizzi oħrajn bħat-tqassim ta’ pilloli mill-Istat li mhux bilfors ikunu b’xejn għal kulħadd.
Jeħtieġ li l-pajjiż joħloq fond apposta ddedikat għas-servizzi tas-saħħa. Parti mill-ħlas tal-bolla jista’ jmur f’dan il-fond u ma neskludux li ’l quddiem tinħass il-ħtieġa li tiżdied il-bolla biex inkunu nistgħu nkomplu nsostnu s-servizz tas-saħħa b’xejn għal kulħadd.
Il-Gvern jista’ jiddedika wkoll parti mill-qligħ li jagħmel minn kull bejgħ ta’ art pubblika jew privatizzazzjoni għal dan il-fond.
Hemm metodi oħra ta’ kif l-istruttura moderna ta’ Mater Dei tista’ ġġibilna l-flus. Il-Gvern jista’ jidħol fi ftehim ma’ kliniċi jew sptarijiet speċjalizzati barranin u jikrihom swali speċifiċi bil-kundizzjoni li dawn jagħtu numru ta’ sodod fis-sena b’xejn skont il-ħtiġijiet lokali.
Il-problema hi li ħadd mill-politiċi donnu ma jrid li jitkellem fuq kif se nsostnu Mater Dei u s-servizzi tas-saħħa b’xejn. Konvenjentement jippreferu jipposponu dan l-argument għal wara l-elezzjoni li jmiss.