
Il-bużżieqa ta’ Josie
Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela bl-isem ‘Mawra fil-memorja’ fejn qed inħarsu xi nkiteb fl-istess gazzetta fil-passat. F’dil-edizzjoni, qed nipproduċu l-editorjal tat-10 ta’ Ġunju 2007 bit-titlu ‘Il-bużżieqa ta’ Josie’.

Ilbieraħ Josie Muscat, l-Eks Parlamentari Nazzjonalista, nieda l-partit il-ġdid tiegħu. Dak li kien tant mistenni, b’numru ta’ kandidati magħrufin u kkuluriti, spiċċa fix-xejn. Għax ma kien hemm xejn ismijiet impressjonanti ħlief għal tnejn min-nies magħrufa li ilhom jimxu wara l-passi ta’ Josie Muscat.
Apparti l-fatt li ma kienx hemm ismijiet kbar, xorta waħda hemm realtà oħra li tinkwetana bħala gazzetta.
Din hi l-politika estremista u d-direzzjoni leminija ta’ Josie Muscat u sħabu.
Din mhix l-ewwel darba li Josie Muscat spiċċa skartat mill-politika minħabba l-politika estrema tiegħu.
Kien Eddie Fenech Adami li meta kien kap tal-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni kien skarta lil Muscat minħabba l-politika unilaterali u l-politika estrema tiegħu.
Hija ħasra li l-kuntrattur u l-lukandier Anglu Xuereb se jispiċċa identifikat ma’ Partit daqstant periferali u estrem fil-ħsibijiet politiċi tiegħu.
Illum, f’sitwazzjoni fejn pajjiżna jeħtieġ li jkollu politiċi li jkollhom il-kuraġġ jesprimu dak li jeħtieġ għall-futur ta’ pajjiżna, minflok qed naraw aktar politiċi jgħidu dak li jridu l-votanti.
Fil-politika hemm il-bżonn li jkun hemm il-viżjoni u l-ħeġġa li wieħed ibaħħar kontra l-kurrent u l-populiżmu.
Il-politika u l-politiċi jridu jkunu pass ’il quddiem minn dak li qed jaħsbu u jħossu n-nies.
Mhux dak kollu li jridu n-nies huwa tajjeb.
F’sitwazzjoni fejn pajjiżna qed ikollu kriżi bl-immigranti illegali, li jonqos issa hu li jkollna politiċi li jżidu d-doża ta’ xenofobija.
Agħar minn hekk, il-preżenza ta’ dan il-grupp politiku estrem se jwassal biex il-partiti politiċi l-oħra jispiċċaw ikunu iktar dgħajfa fil-konfront ta’ temi nazzjonali.
Il-partit il-ġdid b’isem li jindika d-direzzjoni ideoloġika tiegħu żgur se jwassal biex, sew il-Partit Nazzjonalista, kif ukoll dak Laburista joqogħdu aktar attenti kif jersqu lejn il-kwistjoni tal-familja, il-klandestini, il-kaċċa, kif ukoll li pajjiżna jkun aktar miftuħ u Ewropew. Jekk il-partiti jagħżlu li jimxu hekk, mela aħna nkunu minn tal-ewwel li nappoġġawhom.
Din hija opportunità tad-deheb biex it-tielet partit, l-Alternattiva Demokratika, verament juri li hu għandu politika differenti u li jħaddan id-diversità, kif ukoll il-bżonn li jaħdem biex ikun hawn politika aktar liberali f’pajjiżna.
Il-Ħodor ilhom magħna 18-il sena u jeħtieġ li jużaw l-esperjenza tagħhom biex dan l-episodju politiku jinbidel f’opportunità.
Min-naħa l-oħra jkun ukoll ġust li ngħidu li sakemm jiġi rrispettat l-ispirtu tal-Kostituzzjoni, wieħed ma jistax jitkellem kontra l-impenn tal-pluraliżmu fil-politika.
Aħna se nkunu viġilanti f’dak kollu li jiġri fil-politika. Il-fatt li għall-ewwel laqgħa ta’ dan il-grupp politiku dehru nies li huma magħrufa sew għall-politika razzista tagħhom ma jawgura xejn tajjeb għall-futur.
Ċertament konna nieħdu aktar pjaċir li kieku minflok partit estrem kien ikollna partit frisk li jirrifletti futur u prospetti sbieħ għall-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna.
M’hemm xejn isbaħ mid-diversità, mhux biss multikulturali imma anki politiku.