Trasparenza

Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela bl-isem ‘Mawra fil-memorja’ fejn qed inħarsu xi nkiteb fl-istess gazzetta fil-passat. F’dil-edizzjoni, qed nipproduċu l-editorjal tal-24 ta’ Ġunju 2007 bit-titlu ‘Trasparenza’

Jekk l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Tony Abela u l-uffiċċju notarili privat tiegħu humiex minnhom jew le għad irid ikun stabbilit mil-investigazzjoni li qed tagħmel il-pulizija. 

Hu minnu wkoll li kulħadd jista’ jagħmel allegazzjoni kontra xi ħadd u l-pulizija jkollha d-dmir li tinvestiga anki jekk jista’ jkun li l-allegazzjonijiet ikunu mhux minnhom. 

Għaldaqstant il-kwistjoni li qajmet din il-gazzetta l-Ħadd li għadda dwar dan il-każ ma kellhiex x’taqsam mal-allegazzjonijiet li saru. Lanqas biss dħalna fil-mertu tal-allegazzjonijiet serji li qed isiru. 

Il-kwistjoni kollha tikkonċerna l-valur tat-trasparenza fit-tmexxija tal-pajjiż. 

Tony Abela, minbarra li hu nutar, jokkupa wkoll kariga għolja fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Hu fl-interess pubbliku li nkunu nafu jekk persuni pubbliċi humiex taħt investigazzjoni jew le anki jekk l-investigazzjoni hi frott ta’ allegazzjonijiet li għad iridu jkunu ppruvati. 

Il-fatt li f’Jannar li għadda Abela kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga ma jiskolpax lill-politiku mid-dmir li jinforma wkoll lill-pubbliku. 

Lanqas mhu biżżejjed li l-Prim Ministru jkun infurmat. Nifhmu li l-mod ġdid ta’ kif issir il-politika li wiegħed Lawrence Gonzi meta laħaq Kap tal-PN kien jinkludi wkoll relazzjoni iktar miftuħa mal-pubbliku fil-mod ta’ kif jitmexxew l-affarijiet tal-Istat. 

Iżda jidher li għall-Gvern u l-aġenziji tiegħu, it-trasparenza mhix prijorità. 

F’Jannar li għadda, meta l-pulizija bdiet tinvestiga, Abela missu minn jeddu u bl-appoġġ tal-Prim Ministru ħabbar b’mod pubbliku l-fatti kif ġraw. Dawn il-fatti huma fl-interess pubbliku li jkunu magħrufa. 

 

Minn fejn? 

Il-valur tat-trasparenza japplika wkoll għall-partiti politiċi meta jiġu biex jiktbu l-manifesti elettorali tagħhom. 

Il-ġimgħa li għaddiet il-Partit Laburista vara l-pjan tiegħu għaż-żona ta’ Buġibba u l-madwar. Hu pjan ambizzjuż u għall-ewwel darba l-MLP poġġa quddiemu wkoll miri ta’ kemm-il turist irid jiġbed lejn Malta u kemm jeħtieġ li jonfqu. 

Il-pjan jinkludi numru ta’ inċentivi fiskali, kif ukoll wegħda li jitnaqqas il-piż tal-VAT u s-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

Fl-istess nifs il-Partit Laburista qed iwiegħed li jneħħi l-VAT fuq servizzi edukattivi anki jekk għadu mhux ċar għal xiex qed jirreferi. 

Il-mistoqsija ewlenija tibqa’ waħda. Gvern Laburista minn fejn se jġib il-flus biex jiffinanzja dawn il-wegħdiet? 

Meta l-Gvern jagħti inċentivi fiskali jew iraħħas it-taxxi jfisser li se jkollu spiża ikbar jew inqas dħul. Dan ifisser ukoll li biex iżomm l-iżbilanċ tal-pajjiż taħt kontroll, il-Gvern ikollu, jew jaqta’ l-ispiża minn postijiet oħra, jew inkella idaħħal taxxi oħra biex ipatti għan-nuqqas ta’ dħul. 

Illum ħadd mhu se jibla’ l-lixka li l-Gvern, ikun min ikun, se jaqta’ t-taxxi jew iżid l-inċentivi mingħajr ma jara kif se jżomm id-dħul fl-istess livelli speċjalment meta qed nitkellmu fuq spiża dejjem tielgħa fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni. 

S’issa l-MLP għadu ma qalx kif se jsostni l-wegħdiet tiegħu. L-argument prinċipali hu li se jkun hemm tkabbir ekonomiku li jwassal għal iktar dħul għall-Gvern mingħajr il-ħtieġa li jżid it-taxxi. Dan hu l-istess argument li għamlet is-Soċjalista Segolene Royal fi Franza u li l-elettorat ma aċċettax għax hu argument vag ħafna. 

Migdum għal darba darbtejn, il-poplu jrid ikun jaf il-kontromiżuri għal dawk li qed jipproponi l-MLP. X’se jkunu s-sagrifiċċji li se jintalbu jagħmlu n-nies biex tiżdied il-kompetittività? Jekk se jonqsu t-taxxi fuq il-klassi medja u t’isfel se jiżdiedu t-taxxi fuq is-sinjur u l-profitti esaġerati tal-kumpaniji kbar? 

Jekk is-servizz tas-saħħa se jibqa’ jkun spiża fuq il-Kaxxa tal-pajjiż, kif se jkun finanzjat? 

Dawn huma mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba ċara fl-interess ta’ kulħadd. 

More in Blogs