Opinjoni | Il-ħarsien tal-kosta: ma hemmx rieda politika

L-abbozz ta’ Masterplan għal Paceville, li issa ġie skartat, ma kellu l-ebda skop li jħares il-kosta

Il-kosta Maltija hi taħt assedju. Ilha żmien hekk. Il-kummerċjalizzazzjoni tal-kosta mhix fenomenu riċenti. Ilha għaddejja s-snin.

L-abbozz ta’ Masterplan għal Paceville, li issa ġie skartat, ma kellu l-ebda skop li jħares il-kosta. Kemm min fassal dan il-pjan kif ukoll it-tmexxija tal-Awtorità tal-Ippjanar, li mexxietu ’l quddiem, fittxew li jiffaċilitaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-kosta. L-abbozz ta’ pjan għal Paceville injora kompletament il-liġi dwar il-qasam pubbliku, eżatt bħalma qiegħed iseħħ fir-regolamentazzjoni dwar l-ippjanar għall-użu tal-art b’mod ġenerali. 

It-titjib li sar fl-2016 fil-leġiżlazzjoni lokali dwar il-qasam pubbliku kien eżerċizzju biex jagħti stampa li mhix minnha. Beda bil-pubblikazzjoni fl-2012 tal-White Paper bit-titlu bombastiku ta’ “The Public Domain. Classifying Public Property - Achieving a Qualitative Leap in Protection and Governance.” Iktar tard, il-Parlament approva l-liġi bħala riżultat ta’ mozzjoni mressqa mill-Opposizzjoni.  Bla dubju, jeżistu problemi fil-proċess tal-implimentazzjoni, problemi li ser idumu biex tinstabilhom soluzzjoni, sal-mument li ftit li xejn ikun baqa’ x’tipproteġi! 

Minkejja l-liġi li ssaħħaħ u taġġorna l-qafas regolatorju għall-governanza tal-qasam pubbliku, wara tliet snin, is-sitwazzjoni qed tmur mill-ħażin għall-agħar. Talbiet li saru mill-għaqdiet ambjentali biex immedjatament jibda l-proċess ta’ implimentazzjoni tqiegħed fil-ġenb għax ma hemm l-ebda rieda politika li l-affarijiet jiċċaqalqu. L-għaqdiet ambjentali ilhom sa minn Ġunju 2016 li ssottomettew id-dokumentazzjoni meħtieġa dwar 23 sit mal-kosta biex dawn ikunu protetti. L-Awtorità tal-Ippjanar ilha minn dakinhar tkaxkar saqajha, attenta li ma tmurx tippreġudika l-interessi tal-iżviluppaturi li hi sservi bi skruplu kbir.

It-titjib li sar fl-2016 fil-leġiżlazzjoni lokali dwar il-qasam pubbliku kien eżerċizzju biex jagħti stampa li mhix minnha

Il-ħarsien tal-kosta tfisser ferm iktar minn tindifa u ġbir ta’ skart mormi. Ifisser li għandna nibdlu l-attitudnijiet tagħna kif ukoll li nduru dawra l-politika żbaljata li l-pajjiż għandu llum. Għandna bżonn urġenti ta’ amministrazzjoni pubblika li tkun kapaċi tifhem li hi teżisti biex isservi u biex tħares il-ġid komuni. Sfortunatament, f’Malta, l-awtoritajiet jagħtu messaġġ ċar li l-viżjoni tagħhom hi li jiffaċilitaw li jkun hawn min ibill subgħajh f’dak li jamministra l-istat Malti.

Il-ħarsien tal-kosta u lil hinn minnha hi meħtieġa biex ikollna governanza tajba, li aħna nieqsa minnha. L-oriġini ta’ dan fil-liġi Maltija taf il-bidu tagħha għal influwenza mil-liġi Rumana li kienet tqis il-kosta u lil hinn minnha bħala propjetà pubblika biex titgawda minn kulħadd: jiġifieri l-kosta hi tagħna lkoll. Il-Kodiċi Ċivili Malti jinkludi artikli li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi li bħala riżultat tagħhom il-parti ’l ġewwa mill-kosta protetta tista’ tasal sa fejn twassal l-ikbar mewġa, u dan jista’ jkun sa ħmistax-il metru ’l ġewwa mill-kosta. F’din iż-żona ta’ 15-il metru hemm numru ta’ proprjetajiet privati.

Huwa ta’ sfortuna li l-Awtorità tal-Ippjanar tinjora dan kollu meta tkun qed tikkunsidra applikazzjonijiet ta’ żvilupp li għandhom faċċata fuq il-kosta ta’ San Ġiljan. Tliet applikazzjonijiet dwar l-istess sit mal-kosta diġà ġew approvati, bir-raba’ applikazzjoni qed toqrob għal deċiżjoni. Il-proprjetà oriġinali kienet ilha żmien mibnija. Tidher fis-survey sheets il-qodma tal-1906. B’żieda ma’ dan, fis-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar hemm survey fotografiku tal-bini minn ġewwa li juri li l-bini mal-kosta faċċata tal-kunvent tal-Karmelitani fil-Balluta, San Ġiljan li hu ta’ kostruzzjoni qadima.

L-Awtorità tal-Ippjanar issa għandha kompliċi ġdid, l-Awtorità tal-Artijiet, li suppost hi l-gwardjan u l-amministratur tal-propjetà pubblika

L-iżvilupp inkwistjoni ngħata permess fuq art mal-kosta. B’żieda ma’ dan kif jidher fil-pjanta approvata li qed nippubblika ma’ dan l-artiklu, jidher ċar li l-binja tibqa’ ħierġa fuq il-baħar. Jidher li l-Awtorità tal-Artijiet l-anqas biss tniffset dwar dan.

Xi ħtieġa għandna ta’ konferma li l-Awtorità tal-Ippjanar mhix interessata fil-ħarsien tal-kosta? L-Awtorità tal-Ippjanar issa għandha kompliċi ġdid, l-Awtorità tal-Artijiet, li suppost hi l-gwardjan u l-amministratur tal-propjetà pubblika. Jidher li għad baqa’ biex isseħħ il-qabża fil-kwalità mwiegħda fil-ħarsien u l-amministrazzjoni tal-propjetà pubblika. Minflok, qegħdin kontinwament niffaċċjaw inizjattivi ġodda li bihom assi pubbliċi jsiru privati. Il-ħarsien tal-kosta teħtieġ amministrazzjoni serja li jkollha r-rieda politika li taġixxi. Sfortunatament la għandna l-waħda u lanqas l-oħra.

More in Blogs